10 ta’ Frar
In-Nawfraġju
tal-Appostlu Missierna San Pawl
Solennità
Qari I
Tajtu triq
fil-baħar u mogħdija żgura fost il-ħalel.
Għerf 14, 3-7
Qari mill-Ktieb tal-Għerf.
Missier,
il-providenza tiegħek tmexxih;
għax int
ftaħt triq fil-baħar ukoll,
u mogħdija bla
periklu qalb l-imwieġ.
Hekk
turi li int tista’ teħles minn kull tiġrif,
biex ukoll min ma
jifhimx jista’ jbaħħar.
Inti ma
tridx li għemil l-Għerf ikun għal xejn;
għalhekk
il-bnedmin jafdaw ħajjithom
fuq għuda
dgħajfa, u jaqsmu, qawwijin u sħaħ,
mwieġ kbar
fuq ċattra.
Hekk
ukoll, meta kienu qegħdin jinqerdu
l-ġganti l-kbar,
fuq dgħajsa
skansat it-tama tad-dinja
u, mmexxija minn
idek, ħalliet lid-dinja żerriegħa
ta’ nisel ġdid.
Imbierka
l-għuda li biha jsir il-ġid!
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.
Salm
Responsorjali
Salm 106, 21-31
R/. Ħa
jroddu ħajr lill-Mulej għall-tjubitu.
Ħa
jroddu ħajr lill-Mulej għal tjubitu,
għall-għeġubijiet tiegħu mal-bnedmin.
U
joffrulu sagrifiċċji ta’ radd il-ħajr,
u jxandru
l-għemejjel tiegħu b’għana ferrieħi. R/.
Dawk li
jbaħħru fuq l-iġfna,
li jinnegozjaw fuq
l-ibħra bla tarf,
raw l-opri tal-Mulej
u
l-għeġubijiet tiegħu f’qiegħ il-baħar. R/.
Hu ordna
u qajjem riefnu,
li qanqal imwieġ
il-baħar.
Għolew
sas-smewwiet
u niżlu sa
qiegħ il-baħar;
qalbhom bdiet
tferfer bil-biża’. R/.
Bdew
jitbandlu u jixxenglu bħal nies fis-sakra,
u s-sengħa
tagħhom xejn ma switilhom.
Għajjtu
lill-Mulej fl-hemm tagħhom,
u mid-dwejjaq
tagħhom ħelishom.
U bidel
ir-riefnu f’żiffa, u sikket mewġ il-baħar. R/.
Huma
ferħu għax ibbnazza;
u hu wassalhom
sal-port li xtaqu.
Ħa
jroddu ħajr lill-Mulej għal tjubitu,
għall-għeġubijiet tiegħu mal-bnedmin. R/.
Qari II
Tliet darbiet rajt
l-għarqa.
2 Kor 11, 18.24-31
Qari mit-Tieni Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korinitin.
Ħuti:
Jekk
ħafna jiftaħru
ta’ bnedmin li huma,
ħa
niftaħar jien ukoll.
Ħames
darbiet qlajt mingħand il-Lhud
l-erbgħin daqqa
neqsin waħda;
tliet darbiet tawni
s-swat bil-virgi;
darb’oħra
ħaġġruni.
Tliet
darbiet rajt l-għarqa;
għaddejt lejl u
jum f’nofs ta’ baħar.
Għamilt
safar bla għadd;
sibt ruħi f’perikli
ta’ xmajjar,
perikli
mill-ħallelin,
perikli
min-nies ta’ ġensi,
perikli
mill-pagani,
perikli
fl-ibliet,
perikli
fid-deżert,
perikli
fil-baħar,
perikli mill-aħwa
qarrieqa.
Taħbit
u xogħol iebes;
kemm-il darba
kelli ngħaddi
sahriet bla rqad,
bil-ġuħ u
bil-għatx;
kemm-il darba
kelli ngħaddi fis-sawm,
fil-ksieħ u
fl-għera!
U, biex
ma nsemmix ħwejjeġ oħra,
dak il-ħafna
ġej u sejjer tan-nies
ta’ kuljum għandi,
u l-ħsieb
tal-knejjes kollha!
Min hu
marid u m’iniex marid miegħu jien?
Min hu dak li jsib min ifixklu,
u jien ma
nħossnix imbaqbaq?
Jekk
għandi niftaħar,
niftaħar b’dak
li hu dgħajjef fija.
Alla u
Missier Sidna Ġesù Kristu
– li hu mbierek għal dejjem –
jaf li m’iniex nigdeb.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.
jew:
Qari II
Il-Maltin ġabu
ruħhom magħna bi ħlewwa liema bħala.
Atti 27, 16 – 28, 6
Qari mill-Atti tal-Appostli.
F’dak iż-żmien,
b’ġirja waħda
għaddejna
taħt
ir-riħ ta’ daqsxejn ta’ gżira jisimha Kawda.
Bilkemm
stajna nżommu d-dgħajsa warajna,
u għalhekk
tellgħuha mill-baħar.
Imbagħad
qabdu l-armar
u rabtu l-ġifen
dawramejt biċ-ċimi,
niżżlu
l-qlugħ għax beżgħu li ninkaljaw fuq is-Sirti,
u hekk ħallejna
l-mewġ iġorrna miegħu.
L-għada
t-tempesta ħabbtitna ħafna,
bdew iwaddbu
t-tagħbija l-baħar,
u fit-tielet jum
irmew it-tagħmir
tal-ġifen b’idejhom stess.
Għal
ħafna jiem
la dehret xemx u
lanqas kwiekeb;
it-tempesta li
qabditna ma kinitx ħafifa,
hekk li
fl-aħħar tlifna kull tama li nsalvaw.
In-nies
kienu ilhom ħafna
ma jieħdu xi
ħaġa biex jitrejjqu;
Pawlu
waqaf f’nofshom u qalilhom:
“Ħbieb, kien imisskom
smajtu minni
u ma tlaqtux minn
Kreta;
kontu teħilsu minn
din il-ħsara u dan it-telf.
Imma issa
nwissikom biex tagħmlu l-qalb,
għax
ħadd minnkom m’hu se jitlef ħajtu;
il-ġifen biss
jintilef.
Għax
dal-lejl deherli anġlu
ta’ dak Alla li
tiegħu jien u li lilu nqim,
u qalli,
“Tibżax, Pawlu.
Jeħtieġ
li inti tidher quddiem Ċesari;
ara, Alla tak il-grazzja
li dawk kollha
li qegħdin
jivvjaġġjaw miegħek isalvaw.”
Mela
qawwu qalbkom, ħbieb.
Jien
nemmen f’Alla li hekk isir,
sewwasew kif
ħabbarli.
Jinħtieġ
iżda li naħbtu ma’ gżira”.
Meta
wasal l-erbatax-il lejl,
konna ninsabu
mitfugħin ’l hawn u ’l hemm
fil-baħar ta’
Adrija.
Għall-ħabta
ta’ nofs il-lejl
il-baħrin
ħassew li konna resqin qrib xi art.
Skandaljaw
il-fond tal-baħar,
u sabu għoxrin
qama;
imxejna ftit
ieħor ‘il quddiem,
reġgħu
skandaljaw, u sabu ħmistax.
Huma
beżgħu li xi mkien
konna se naħbtu ma’
xi skoll,
u għalhekk
niżżlu erba’ ankri mill-poppa.
Ix-xewqa
tagħhom kienet
li ma jdumx ma
jisbaħ.
Il-baħrin
bdew ifittxu li jaħarbu mill-ġifen,
u niżżlu
dgħajsa l-baħar
bħallikieku biex
idendlu xi ankri mill-pruwa.
Iżda
Pawlu qal liċ-ċenturjun u lis-suldati:
“Jekk dawn ma
jibqgħux fuq il-ġifen,
intom ma tistgħux
issalvaw”.
Imbagħad
is-suldati qaċċtu l-ħbula tad-dgħajsa
u ħallewha tmur
għal riħha.
Meta sar il-ħin biex jisbaħ,
Pawlu
qabad jagħmel il-qalb lil kulħadd
biex jitrejjqu b’xi
ħaġa, u qalilhom:
ssa ġa ilkom
erbatax-il ġurnata
tistennew sajmin
u ma dduqu xejn.
Għalhekk
agħmlu l-qalb
u trejqu b’xi
ħaġa tal-ikel;
dan jiswielkom
għal saħħitkom,
għax
ħadd minnkom
m’hu se jitlef xagħra waħda
minn rasu”.
Kif qal
dan,
qabad il-ħobż,
radd il-ħajr lil
Alla quddiem kulħadd,
qasam u beda jiekol.
Imbagħad
kulħadd għamel il-qalb,
u ħadu xi
ħaġa tal-ikel huma wkoll.
Konna
b’kollox
mitejn u sitta u
sebgħin ruħ fuq il-ġifen.
Wara li
xebgħu,
bdew iħeffu
l-ġifen u jwaddbu l-qamħ il-baħar.
Xħin
imbagħad sebaħ,
l-art ma għarfuhiex;
lemħu biss
bajja bi xtajta fiha,
u qatgħuha li,
jekk jistgħu,
jitfgħu
l-ġifen fuqha.
Irħew
l-ankri u telquhom il-baħar,
u ħallew ukoll
l-irbit tat-tmun.
Imbagħad
tellgħu l-qala’ ż-żgħir ta’ quddiem għar-riħ
u rħewlha lejn
ix-xtajta.
Iżda
ħbatna ma’ sikka bejn żewġ kurrenti,
u l-baħrin
waħħlu l-ġifen fuqha.
Il-pruwa
baqgħet imwaħħla sewwa fil-post
u ma tħarrkitx
iżjed,
imma l-poppa bdiet
titfarrak bil-qilla tal-mewġ.
Is-suldati
riedu kieku joqtlu l-priġunieri,
li ma jmurx
jaħrab xi ħadd minnhom bil-għawm;
iżda
ċ-ċenturjun, li ried isalva ’l Pawlu,
ma ħalliex
il-ħsieb tagħhom iseħħ.
Lil dawk
li kienu jafu jgħumu
ordnalhom
jintefgħu huma l-ewwel il-baħar
u jmorru l-art;
lill-oħrajn
ordnalhom jilħqu x-xatt,
min fuq twavel
u min fuq
bċejjeċ imkissra tal-ġifen.
U hekk
kulħadd qabad l-art qawwi u sħiħ.
Meta
ħlisna mill-għarqa,
sirna nafu li l-gżira kien jisimha
Malta.
In-nies
tagħha ġiebu ruħhom magħna
bi ħlewwa li ma bħalha.
Laqgħuna
tajjeb lilna lkoll
u qabbdulna
ħuġġieġa,
għax kienet
bdiet nieżla x-xita
u kien il-bard.
Mela
Pawlu qabad qabda zkuk niexfa
u tefagħhom
fin-nar.
Fiz-zkuk
kien hemm lifgħa li,
malli ħasset
is-sħana,
ħarġet u
qabdet ma’ id Pawlu.
In-nies
tal-gżira,
kif raw il-lifgħa
mdendla ma’ idu,
bdew jgħidu
wieħed lil ieħor:
“Dan ir-raġel
żgur xi qattiel,
għax
għad li ħelisha mill-baħar,
il-Ġustizzja ma
ħallitux jgħix!”
Imma hu
farfar il-lifgħa ġon-nar u ma ġralu xejn.
Huma
stennew li se jarawh jintefaħ
jew jaqa’ u jmut
f’daqqa.
Wara li
damu jistennew ħafna
u raw li ma
ġralu ebda deni,
biddlu l-ħsieb
u bdew jgħidu li
kien xi alla.
F’dawk
l-inħawi
kien hemm l-oqsma
tal-prinċep tal-gżira,
li kien jismu Publju.
Dan
laqagħna
u bil-qalb kollha
żammna għandu tlitt ijiem.
Missier
Publju inzerta mixħut,
marid bid-deni u
d-disenterija.
Pawlu
daħal ħdejh,
għamel talba,
qiegħed idejh
fuqu u fejjqu.
Wara
dan, imbagħad,
bdew ukoll jersqu
għandu l-morda l-oħra tal-gżira,
u hu fejjaqhom.
Urewna
ġieħ kbir,
u meta ġejna
biex nitilqu,
għabbew fuq
il-ġifen
kulma konna
neħtieġu.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.
jew:
Qari II
Il-Maltin ġabu
ruħhom magħna bi ħlewwa liema bħala.
Atti 28, 1-6
Qari mill-Atti tal-Appostli.
Meta
ħlisna mill-għarqa,
sirna nafu li
l-gżira kien jisimha Malta.
In-nies
tagħha ġiebu ruħhom magħna
bi ħlewwa li ma
bħalha.
Laqgħuna
tajjeb lilna lkoll u qabbdulna ħuġġieġa,
għax kienet
bdiet nieżla x-xita u kien il-bard.
Mela
Pawlu qabad qabda zkuk niexfa
u tefagħhom
fin-nar.
Fiz-zkuk
kien hemm lifgħa li, malli ħasset is-sħana,
ħarġet u
qabdet ma’ id Pawlu.
In-nies
tal-gżira, kif raw il-lifgħa mdendla ma’ idu,
bdew jgħidu
wieħed lil ieħor:
“Dan ir-raġel
żgur xi qattiel,
għax
għad li ħelisha mill-baħar,
il-Ġustizzja ma
ħallitux jgħix!”.
Imma hu
farfar il-lifgħa ġon-nar u ma ġralu xejn.
Huma
stennew li se jarawh jintefaħ
jew jaqa’ u jmut
f’daqqa.
Wara li
damu jistennew ħafna
u raw li ma
ġralu ebda deni,
biddlu l-ħsieb u bdew
jgħidu li kien xi alla.
F’dawk
l-inħawi
kien hemm l-oqsma
tal-prinċep tal-gżira,
li kien jismu Publju.
Dan
laqagħna
u bil-qalb kollha
żammna għandu tlitt ijiem.
Missier
Publju inzerta mixħut,
marid bid-deni u
d-disenterija.
Pawlu
daħal ħdejh,
għamel talba,
qiegħed idejh
fuqu u fejjqu.
Wara
dan, imbagħad,
bdew ukoll jersqu
għandu l-morda l-oħra tal-gżira,
u hu fejjaqhom.
Urewna
ġieħ kbir,
u meta ġejna
biex nitilqu,
għabbew fuq
il-ġifen
kulma konna
neħtieġu.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/.
Irroddu ħajr lil Alla.
Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
Salm 117
R/.
Hallelujah.
Faħħru
lill-Mulej, ġnus kollha,
sebbħuh, popli
kollha;
għaliex qawwija
hi l-grazzja tiegħu għalina:
il-fedeltà
tal-Mulej tibqa’ għal dejjem.
R/. Hallelujah.
Evanġelju
Marru jippridkaw
kullimkien.
Mk 16, 15-20
Qari mill-Evanġelju skont San Mark.
F’dak iż-żmien, Ġesù
qal lill-Ħdax :
“Morru fid-dinja kollha,
xandru l-Evanġelju
lill-ħolqien kollu.
Min
jemmen u jitgħammed, isalva;
iżda min ma
jemminx, ikun ikkundannat.
U dawn huma s-sinjali
li jsieħbu lil dawk
li jemmnu:
f’ismi jkeċċu
x-xjaten,
jitkellmu b’ilsna
ġodda,
jaqbdu s-sriep b’idejhom,
u jekk jixorbu xi
xorb li jġib il-mewt
ma jagħmlilhomx
ħsara;
iqiegħdu idejhom
fuq il-morda u dawn ifiqu.”
U hekk
il-Mulej Ġesù,
wara li kellimhom, kien
imtella’ fis-sema
u qagħad
in-naħa tal-lemin ta’ Alla.
Huma
mbagħad marru jippridkaw kullimkien;
il-Mulej kien
jaħdem magħhom
u jwettaq il-kelma
bil-mirakli li kienu jsiru magħha.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu.