8 ta’ Diċembru
It-Tnissil bla Tebgħa tal-Verġni Mqaddsa Marija
Solennità
Qari I
Ġen 3: 9-15.20
Qari mill-Ktieb
tal-Ġenesi.
Wara
li Adam kiel mis-siġra: Il-Mulej sejjaħlu u qallu: “Fejn int?” U
wieġbu: “Għax smajt ħossok fil-ġnien, u billi jien
għarwien, bżajt u staħbejt”.
U
qallu: “Min qallek li int għarwien? Jaqaw kilt mis-siġra li
għidtlek ma tikolx minnha?” U wieġeb Adam: “Il-mara li tajtni
miegħi, hi tatni mis-siġra, u jiena kilt”. U l-Mulej Alla qal
lill-mara: “X’inhu li għamilt?” U l-mara weġbitu: “Is-serp
daħak bija, u kilt”. U l-Mulej Alla qal lis-serp: “Talli għamilt
hekk, int tkun l-iżjed misħut fost il-bhejjem kollha u fost
l-annimali selvaġġi kollha. Int timxi għal żaqqek u tiekol
it-trab għal ħajtek kollha.
Innissel
mibegħda bejnek u bejn il-mara, bejn nislek u bejn nisilha. Hu
jgħaffiġlek rasek u inti tgħattanlu għarqubu”. U lil martu
Adam semmieha Eva, għax kienet omm il-ħajjin kollha.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.
Salm Responsorjali
Salm 97: 1-4
R/. Għannu lill-Mulej għanja
ġdida, għax għamel l-għeġubijiet!
Għannu
lill-Mulej għanja ġdida,
għax
għamel l-għeġubijiet.
Ġibitlu
r-rebħa l-leminija tiegħu
u
d-driegħ imqaddes tiegħu. R/.
Għarraf
il-Mulej is-salvazzjoni tiegħu,
f’għajnejn
il-ġnus wera l-ġustizzja tiegħu.
Ftakar
fi tjubitu
u
fil-fedeltà tiegħu għal dar Israel. R/.
Raw
it-truf kollha tal-art
is-salvazzjoni
ta’ Alla tagħna.
Għajtu
bil-ferħ lill-Mulej fl-art kollha,
infexxu
fil-hena, ifirħu u għannu. R/.
Qari II
Efes 1: 3-6.11-12
Qari mill-Ittra ta’ San
Pawl Appostlu lill-Efesin.
Ħuti:
Imbierek Alla u Missier Sidna Ġesù Kristu, li mliena b’kull xorta ta’
barka spiritwali, fis-smewwiet, fi Kristu. Hekk hu għażilna fih, sa
minn qabel il-ħolqien tad-dinja, biex inkunu qaddisa u bla tebgħa
quddiemu fl-imħabba; iddestinana li nkunu għalih ulied addottivi
permezz ta’ Ġesù Kristu, skont ma għoġob lir-rieda tiegħu
għat-tifħir tal-glorja tal-grazzja tiegħu, li biha mliena
fil-Maħbub tiegħu.
Fih
aħna wkoll konna magħżula, iddestinati minn qabel, skont il-pjan
imfassal minn qabel minn min imexxi kollox skont il-fehma tar-rieda
tiegħu, sabiex inkunu għat-tifħir tal-glorja tiegħu,
aħna li, sa minn qabel, konna nittamaw fi Kristu.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.
Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
Lq 1: 28
R/. Hallelujah.
Sliem
għalik, Marija, mimlija bil-grazzja,
il-Mulej
miegħek, imbierka inti fost in-nisa.
R/. Hallelujah.
Evanġelju
Lq 1: 26-38
Qari mill-Evanġelju
skont San Luqa.
F’dak
iż-żmien: L-anġlu Gabrijel kien mibgħut minn Alla f’belt
tal-Galilija, jisimhaNazaret, għand xebba mgħarrsa ma’ raġel
jismu Ġużeppi, mid-dar ta’ David; u x-xebba kien jisimha Marija.
Daħal għandha u qalilha: “Sliem għalik, mimlija bil-grazzja, il-Mulej
miegħek”. Għal dan il-kliem tħawdet, u bdiet titħasseb
bejnha u bejn ruħha x’setgħet tfisser dik it-tislima. Iżda
l-anġlu qalilha: “Tibżax, Marija, għax inti sa tnissel fi
ħdanek u jkollox iben u ssemmih Ġesù. Hu jkun kbir, u jkun
jissejjaħ Bin il-Għoli, u l-Mulej Alla jagħtih it-tron ta’ David
missieru; u jsaltan fuq dar Ġakobb għal dejjem, u s-saltna
tiegħu ma jkollhiex tmiem”.
Iżda,
Marija qalet lill-anġlu: “Kif ikun dan, ladarba ma nagħrafx
raġel?” Weġibha l-anġlu u qalilha: “L-Ispirtu s-Santu jiġi
fuqek u l-qawwa tal-Għoli tixħet id-dell tagħha fuqek; u
għalhekk dak li jitwieled minnek ikun qaddis u jkun jissejjaħ Bin
Alla. U ara, il-qariba tiegħek Eliżabetta, hija wkoll nisslet iben fi
ħdanha, u dan huwa s-sitt xahar għaliha li kienu jgħidu li ma
jistax ikollha tfal; għax għal Alla ma hemm xejn li ma jistax isir”.
Imbagħad
qalet Marija: “Hawn jien il-qaddejja tal-Mulej; ħa jsir minni skont
kelmtek!” U l-anġlu telaq minn ħdejha.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek Kristu.