It-Tnejn u Tletin Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena
It-Tnejn
Qari I
L-għerf hu spirtu li jagħmel il-ġid. L-ispirtu tal-Mulej jimla d-dinja kollha.
Għerf 1, 1-7
Qari mill-Ktieb tal-Għerf
Ħobbu l-ġustizzja, intom li tmexxu l-art;
aħsbu fuq il-Mulej,
kif inhu sewwa,
u fittxuh b’qalb safja;
għax hu jinstab
minn dawk li ma jġarrbuhx,
jingħaraf minn dawk
li ma jaqtgħux qalbhom
minnu.
Il-ħsibijiet
ħżiena jbiegħdu
l-bniedem minn
Alla;
u s-setgħa tiegħu, jekk tiġi mġarrba, tikxef il-bluha ta’ min iġarrabha.
F’min jagħmel il-ħażin ma jidħolx
l-għerf,
lanqas jgħammar f’ġisem marbut mad-dnub.
Għax l-ispirtu qaddis, li jrawwem fil-virtù,
jaħrab minn quddiem
il-qerq,
u jwarrab minn fejn hemm
ħsibijiet bla sens;
u, meta ssir l-inġustizzja, iċanfar lil min jagħmilha.
L-għerf
hu spirtu li jagħmel il-ġid,
imma ma jaħfirhiex lil min iżeblaħ bi kliem fommu;
għax Alla hu
xhud ta’ dak li hu fih innifsu;
hu jagħraf sewwa l-ħsibijiet ta’ qalbu,
u jisma’
l-kliem ta’ fommu.
Għax l-ispirtu tal-Mulej jimla d-dinja kollha;
hu, li jħaddan kollox, jaf x’jgħidu
l-bnedmin.
Il-Kelma
tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Salm Responsorjali
Salm 138 (139), 1-3.4-6.7-8.9-10
R/. (24b): Mulej, mexxini fit-triq ta’ dejjem
Mulej, int tgħarbilni
u tagħrafni;
int taf meta noqgħod u meta nqum,
int tagħraf mill-bogħod ħsibijieti.
Int tagħraf il-mixi u l-waqfien tiegħi;
triqati kollha inti tafhom sewwa. R/.
Inkun għadni anqas lissint il-kelma,
meta int, Mulej,
tkun ġa tafha kollha.
Dawramejt inti tħaddanni,
u tqegħedli idek fuqi.
L-għerf
tiegħek tal-għaġeb,
ma nwassalx għalih;
għoli wisq, u ma nlaħħaqx miegħu.
R/.
Fejn immur ’il bogħod
mill-ispirtu tiegħek?
Jew fejn
nista’ naħrab minn quddiem
wiċċek?
Jekk nitla’ fis-smewwiet, hemm int;
jekk nimtedd f’qiegħ l-art, int hemm ukoll. R/.
Jekk nilbes il-ġwienaħ tas-sebħ,
u mmur ngħammar
fi truf il-baħar,
hemm ukoll tilħaqni idek,
u taqbadni l-leminija tiegħek. R/.
Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
Fil 2, 15d.16a
Hallelujah. R/.
Hallelujah
Intom għandkom tiddu fid-dinja bħal kwiekeb,
u żżommu sħiħ il-kelma tal-ħajja.
R/. Hallelujah
Evanġelju
Jekk jonqsok seba’ darbiet
f’ġurnata, u jdur lejk seba’ darbiet
u jgħidlek: ‘Jisgħobbija,’ aħfirlu.
Lq 17, 1-6
Qari mill-Evanġelju skont San Luqa
F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Ma jistax ikun li ma jingħatawx skandli; imma ħażin għalih min ikun ħtija tagħhom! Ikun aktar jaqbillu jekk jorbtulu
ma’ għonqu ġebla
tat-tħin u jitfgħuh il-baħar milli jagħti skandlu lil wieħed minn dawn iċ-ċkejknin.
Oqogħdu attenti! Jekk ħuk jaqa’ f’xi dnub,
widdbu, u jekk jindem aħfirlu. U jekk jonqsok seba’ darbiet f’ġurnata, u jdur lejk seba’
darbiet u jgħidlek: “Jisgħobbija”, aħfirlu”.
L-appostli
qalu lill-Mulej: “Kattar fina l-fidi!”. Weġibhom il-Mulej: “Kieku kellkom fidi
mqar daqs żerriegħa tal-mustarda,
kontu tgħidu lil din is-siġra
tat-tut: “Inqala’ u mur tħawwel fil-baħar”, u
hi kienet tisma’ minnkom”.
Il-Kelma
tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu