It-Tnejn u Tletin Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena
Qari I
L-armla għamlet ftira żgħira u ġibitha lil Elija.
1 Slat 17:10-16
Qari mill-Ewwel Ktieb tas-Slaten
F’dak iż-żmien, il-profeta Elija qam u rħielha
lejn Sarefta. Kif wasal ħdejn bieb il-belt, kien hemm
waħda armla tiġbor il-ħatab. Elija sejħilha
u qalilha: “Jekk jogħġbok, ġibli f’bieqja belgħa ilma x’nixrob”.
Hi u sejra, Elija raġa’ sejħilha u qalilha: “Ġibli wkoll, jekk jogħġbok, kisra ħobż
f’idek”. Hija wieġbet: “Daqskemm hu ħaj il-Mulej,
Alla tiegħek, ma għandi xejn maħbuż; qabda dqiq f’ġarra
u ftit żejt fil-kus kulma baqagħli. Ara, qiegħda niġbor biċċtejn ħatab; issa nħejji xi ħaġa għalija
u għal ibni; u mbagħad nikluha u mmutu”.
Elija wieġeb: “La tibżax, mur u agħmel
kif għedtli: imma qabel agħmel ftira żgħira għalija, u ġibhieli. Imbagħad agħmel għalik u għal ibnek. Għax din hi l-kelma tal-Mulej, Alla ta’ Iżrael: Il-ġarra tad-dqiq ma tintemm qatt, u l-kus taż-żejt
ma jitbattalx, sa
dakinhar li l-Mulej jibgħat ix-xita fil-pajjiż”.
U dik marret u għamlet kif qalilha Elija. Damu jieklu għal
żmien, hi u hu, u darha kollha.
U l-ġarra tad-dqiq ma ntemmitx, u l-kus taż-żejt ma tbattalx, kif kien
qal il-Mulej permezz ta’ Elija.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr
lil Alla.
Salm Responsorjali
Salm 145(146):7,8-9a,9bċ-10
R/.(1): Faħħar,
ruħ tiegħi, il-Mulej!
Il-Mulej jagħmel
ħaqq lill-maħqurin,
u jagħti l-ħobż lill-imġewħin.
Il-Mulej jeħles
lill-imjassrin. R/.
Il-Mulej jiftaħ
għajnejn l-għomja;
il-Mulej jerfa’ lill-milwijin;
il-Mulej iħobb lill-ġusti;
il-Mulej iħares lill-barranin. R/.
Il-Mulej iżomm lill-iltim u lill-armla,
imma lill-ħżiena jħarbtilhom
triqathom.
Il-Mulej isaltan għal dejjem;
Alla tiegħek, Sijon, minn nisel
għal nisel. R/.
Qari II
Kristu offra lilu nnifsu darba biss.
Lhud 9:24-28
Qari mill-Ittra lil-Lhud
Kristu ma daħalx f’santwarju magħmul b’idejn il-bnedmin li hu biss xbieha tas-santwarju veru, imma daħal fis-sema stess, biex issa jidher għalina
quddiem Alla. U daħal hemm mhux biex minn żmien għal żmien
joffri lilu nnifsu bħalma l-qassis il-kbir jidħol kull sena fis-santwarju biex joffri demm
ħaddieħor. Li kieku
kien hekk, kien ikollu jbati ħafna drabi sa
mill-ħolqien tad-dinja.
Iżda issa deher darba
għal dejjem, meta waslet il-milja
taż-żminijiet, biex ineħħi
d-dnub bis-sagrifiċċju
tiegħu nnifsu. U kif hu miktub għall-bnedmin li għandhom imutu darba biss, u wara
dan isir il-ġudizzju, hekk ukoll Kristu,
wara li offra lilu nnifsu darba
biss biex jitgħabba bid-dnubiet tal-kotra, għad jerġa’ jidher darb’oħra, mhux biex ineħħi d-dnubiet, imma biex isalva
lil dawk li qegħdin jistennewh bil-ħerqa.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr
lil Alla.
Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
Mt 5:3
Hallelujah. R/. Hallelujah.
Henjin il-foqra fl-ispirtu,
għax tagħhom hija s-Saltna tas-Smewwiet.
R/. Hallelujah.
Evanġelju
L-armla fqira offriet iktar
minn kulħadd.
Mk 12:38-44
Qari mill-Evanġelju skont San Mark
F’dak iż-żmien, Ġesù kien qiegħed jgħallem fit-tempju u jgħid: “Iftħu għajnejkom mill-kittieba, li jħobbu jduru mat-toroq bi lbiesi twal, jixtiequ min isellmilhom fil-pjazez, u fis-sinagogi joqogħdu fis-siġġijiet ta’ quddiem, u fil-postijiet ewlenin fil-pranzijiet; iberbqu ġid ir-romol, u mbagħad għal wiċċ in-nies idumu ħafna jitolbu. Dawn jieħdu kundanna aktar iebsa”.
Ġesù kien qiegħed biswit it-teżor, iħares u jara xi flus jitfgħu n-nies fit-teżor. Bosta
għonja bdew jitfgħu ħafna. Resqet waħda armla fqira u tefgħet biċċtejn
żgħar, jiġifieri
xi żewġ ċenteżmi.
Hu sejjaħ id-dixxipli
tiegħu u qalilhom: “Tassew ngħidilkom, li din l-armla fqira tefgħet iktar minn dawk kollha
li tefgħu fit-teżor.
Għax dawk kollha tefgħu miż-żejjed tagħhom, imma hi, fil-faqar tagħha, tefgħet kulma kellha, dak
kollu li kellha biex tgħix”.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek, Kristu.
Jew il-forma
l-qasira
Evanġelju
L-armla fqira offriet iktar
minn kulħadd.
Mk 12:41-44
Qari mill-Evanġelju skont San Mark
F’dak iż-żmien, Ġesù kien qiegħed fit-tempju biswit it-teżor, iħares u jara xi flus jitfgħu
n-nies fit-teżor. Bosta għonja bdew jitfgħu ħafna. Resqet waħda armla fqira u tefgħet
biċċtejn żgħar,
jiġifieri xi żewġ ċenteżmi.
Hu sejjaħ id-dixxipli
tiegħu u qalilhom: “Tassew ngħidilkom, li din l-armla fqira tefgħet iktar minn dawk kollha
li tefgħu fit-teżor.
Għax dawk kollha tefgħu miż-żejjed tagħhom, imma hi, fil-faqar tagħha, tefgħet kulma kellha, dak
kollu li kellha biex tgħix”.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek, Kristu.