Is-Sebgħa u Għoxrin Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena
Il-Ħamis
Qari I
Ara, jiġi
l-Jum, jaqbad qisu forn.
Mal 3, 13-20a
Qari mill-Ktieb tal-Profeta Malakija
Iebes għalija kliemkom – jgħid il-Mulej – imma intom tgħidu: “X’għedna kontrik?”. Intom tgħidu:
“Hu għal xejn li taqdi lil Alla!
U x’jiswa jekk ħarisna t-twissijiet tiegħu u jekk imxejna b’qalb
imnikkta quddiem il-Mulej tal-eżerċti? Mela issa ħa nsejħulhom
aħna hienja n-nies kburin; dawk kollha li jagħmlu l-ħażen mhux biss imurilhom kollox bir-riżq,
imma wkoll meta jġarrbu ’l Alla jeħilsuha ħafif!”.
Hekk qalu wieħed lil ieħor dawk li jibżgħu mill-Mulej; u l-Mulej ta widen u sama’; u nkiteb quddiemu ktieb it-tifkiriet minħabba f’dawk li jibżgħu minnu
u dawk li jafdaw f’ismu. U fil-jum imħejji minni – jgħid il-Mulej
tal-eżerċti – huma
jkunu għalija teżor liema bħalu, u nagħdirhom kif raġel jagħder lil ibnu li jaqdih.
Imbagħad mill-ġdid tagħrfu tagħżlu bejn il-ġust u l-ħażin,
bejn min jaqdi ’l Alla u min ma jaqdihx.
Għax, ara, jiġi l-Jum, jaqbad qisu
forn, u l-kburin kollha u dawk kollha li jagħmlu
l-ħażen ikunu tiben, u l-jum li ġej għad jaħraqhom – jgħid il-Mulej tal-eżerċti – hekk li
ma jħallilhom la għerq
u lanqas fergħa. Imma għalikom li tibżgħu
minn ismi titla’ x-xemx tal-ġustizzja.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Salm Responsorjali
Salm 1, 1-2.3.4 u 6
R/. (39 (40), 5a): Hieni l-bniedem
li jqiegħed fil-Mulej
it-tama tiegħu
Hieni l-bniedem li ma jimxix fuq il-pariri tal-ħżiena,
li ma jiqafx fi triq il-ħatjin,
li ma joqgħodx fil-laqgħat taż-żeblieħa;
imma fil-liġi tal-Mulej hi l-għaxqa tiegħu,
lejl u nhar jaħseb fil-liġi tiegħu. R/.
Hu bħal siġra
mħawla ħdejn nixxigħat tal-ilma
li tagħmel il-frott fi żmienha,
u l-weraq tagħha ma jidbielx;
hu jirnexxi f’kulma jagħmel. R/.
Mhux hekk il-ħżiena, mhux hekk;
iżda huma bħal tibna li jtajjarha r-riħ.
Għax triq it-tajbin il-Mulej jafha;
imma triq il-ħżiena tintemm fix-xejn. R/.
Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
ara Atti 16,
14b
Hallelujah. R/. Hallelujah
Iftħilna qalbna Mulej,
biex nifhmu dak li kien
jgħid ibnek.
R/. Hallelujah
Evanġelju
Itolbu u jingħatalkom.
Lq 11, 5-13
Qari mill-Evanġelju skont San Luqa
F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Wieħed minnkom ikollu ħabib li jiġih f’nofs ta’ lejl u jgħidlu: “Ħabib, islifni tliet ħobżiet, għax ġie
għandi wieħed ħabib tiegħi mill-vjaġġ u ma għandix x’nagħtih”. U l-ieħor iwieġbu minn ġewwa
u jgħidlu: “Iddejjaqnix; issa l-bieb magħluq, u wliedi qegħdin fis-sodda miegħi; ma nistax inqum nagħtik”.
Ngħidilkom jien, li jekk ma jqumx jagħtih
għax ħabib tiegħu, iqum u jagħtih kulma jkollu bżonn
minħabba l-wiċċ sfiq tiegħu.
U jiena ngħidilkom:
Itolbu u jingħatalkom,
fittxu u ssibu, ħabbtu u jiftħulkom. Għax min jitlob, jaqla’; min ifittex, isib; u min iħabbat, jiftħulu.
Min hu dak il-missier fostkom li, jekk ibnu jitolbu
ħuta, minflok ħuta jagħtih
serp? Inkella jekk jitolbu bajda
jagħtih skorpjun? Mela jekk intom, nies ħżiena
bħalkom, tafu tagħtu lil uliedkom ħwejjeġ tajba, kemm
aktar il-Missier mis-smewwiet jagħti spirtu qaddis lil dawk li jitolbuhulu!”.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu