Is-Sebgħa u Għoxrin Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena
L-Erbgħa
Qari I
Għarfu l-grazzja li kienet mogħtija lili.
Gal 2, 1-2.7-14
Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Galatin
Ħuti, wara erbatax-il sena mill-ewwel żjara tiegħi, erġajt tlajt Ġerusalemm flimkien ma’ Barnaba u ħadt miegħi lil Titu wkoll. Tlajt hemmhekk wara li kelli rivelazzjoni; u jiena qegħedt quddiemhom, lill-mexxejja ewlenin weħidhom, u wrejthom l-Evanġelju li qiegħed inxandar fost il-ġnus, biex ma nkunx ġrejt jew qiegħed niġri għalxejn. Anzi, għall-kuntrarju, meta raw li lili kien fdat ix-xandir tal-Evanġelju fost il-Ġentili bħalma kien lil Pietru fost il-Lhud – għax Dak li ħadem b’Pietru u għamlu appostlu għal fost il-Lhud ħadem ukoll bija għal fost il-Ġentili – meta għarfu l-grazzja li kienet mogħtija lili, Ġakbu, Kefa u Ġwanni, li kienu meqjusin bħala l-kolonni, taw lili u ’l Barnaba l-id il-leminija tagħhom b’sinjal tal-għaqda ta’ bejnietna, biex aħna naħdmu fost il-Ġentili u huma fost il-Lhud; talbuna biss, li min-naħa tagħna nibqgħu niftakru fil-fqar, ħaġa li fittixt nagħmilha minn qalbi.
Meta Kefa ġie Antjokja, jiena waqaftlu f’wiċċu, għaliex kellu tort. Għax qabel ma waslu xi wħud mingħand Ġakbu, hu kien qiegħed jiekol mal-Ġentili; iżda mbagħad lil dawn beda jaħrabhom u jitwarrab minnhom meta waslu dawk, għaliex baża’ mil-Lhud ċirkonċiżi. Il-Lhud l-oħra bdew jimxu bl-uċuħ bħalu, u saħansitra Barnaba ħalla ruħu jitħajjar minnhom fil-wiri ta’ ħaġa b’oħra.
Imma meta rajt li ma kinux miexja sewwa skont il-verità tal-Evanġelju, jiena għedt lil Kefa quddiem kulħadd: “Jekk inti, li int Lhudi, qed iġġib ruħek bħall-Ġentili u mhux ta’ Lhudi li int, kif qiegħed iġġiegħel il-Ġentili jġibu ruħhom ta’ Lhud?”.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Salm Responsorjali
Salm 85 (86), 3-4.5-6.9-10
R/. (15b): Il-Mulej kollu tieba u fedeltà
Ħenn għalija, Sidi,
għax lilek ngħajjat il-ħin kollu.
Ferraħ ruħ il-qaddej tiegħek,
għax lejk, Sidi, jien nerfa’ ruħi. R/.
Għax int, Sidi, twajjeb u taħfer,
kollok tieba għal kull min isejjaħlek.
Agħti widen, Mulej, għat-talba tiegħi,
isma’ l-leħen tal-ilfiq tiegħi. R/.
Il-ġnus kollha, li għamilt,
jiġu jinxteħtu quddiemek,
u jsebbħu ismek, Sidi.
Għax kbir int, u għemejjel tal-għaġeb tagħmel;
int waħdek Alla! R/.
Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
Rum 8, 15bċ
Hallelujah. R/. Hallelujah
Intom irċevejtu l-Ispirtu li jagħmel minnkom ulied adottivi;
u li bih aħna nistgħu ngħajtu: “Abbà! Missier!”
R/. Hallelujah
Evanġelju
Mulej, għallimna nitolbu.
Lq 11, 1-4
Qari mill-Evanġelju skont San Luqa
Darba Ġesù kien qiegħed xi mkien jitlob. Kif spiċċa mit-talb, wieħed mid-dixxipli tiegħu qallu: “Mulej, għallimna nitolbu, bħalma Ġwanni wkoll għallem lid-dixxipli tiegħu”. U qalilhom:
“Meta titolbu, għidu:
Missier,
jitqaddes ismek,
tiġi Saltnatek.
Ħobżna ta’ kuljum agħtina kuljum.
U aħfrilna dnubietna,
għax aħna wkoll naħfru lil kull min hu ħati għalina,
u la ddaħħalniex fit-tiġrib”.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu