It-Tmintax-il Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena
Is-Sibt
Qari I
Ħobb lill-Mulej,
Alla tiegħek, b’qalbek kollha.
Dewt 6, 4-13
Qari mill-Ktieb tad-Dewteronomju
Mosè kellem lill-poplu u qal: “Isma’, o Iżrael: Alla tagħna l-Mulej, il-Mulej waħdu. Ħobb, mela, lill-Mulej, Alla tiegħek, b’qalbek kollha, b’ruħek kollha u b’saħħtek kollha.
Żomm f’qalbek dan il-kliem
u dawn il-kmandamenti li qiegħed nagħtik illum. Tennihom lil uliedek, u tkellem fuqhom meta
tkun f’darek, u meta tkun miexi fit-triq, u meta timtedd, u meta tqum; torbothom b’sinjal
ma’ idek u ddendilhom bejn għajnejk. U tiktibhom mal-ġnub
tal-bibien u fuq il-bwieb tiegħek.
Il-Mulej, Alla tiegħek, idaħħlek fl-art li ħalef lil missirijietek, lil Abraham, lil Iżakk, u lil Ġakobb, li jagħtiha lilek, bliet kbar u sbieħ li int ma bnejtx; u djar mimlija b’kull
ġid li ma ħżintx
int; bjar imħaffrin, li ma ħaffirthomx int; dwieli u żebbuġ li ma ħawwilthomx int; u tiekol u tixba’. Qis li ma tinsiex lill-Mulej, li ħarġek
mill-Eġittu, minn dar
il-jasar. Tibża’ mill-Mulej, Alla tiegħek,
lilu sservi u taħlef b’ismu”.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Salm Responsorjali
Salm 17 (18), 2-3a.3bċ-4.47 u 51ab
R/. (2): Inħobbok, Mulej,
qawwa tiegħi!
Inħobbok, Mulej, qawwa tiegħi!
Il-Mulej blata tiegħi,
fortizza u ħellies tiegħi. R/.
Alla tiegħi, sur tal-kenn tiegħi u tarka tiegħi,
qawwa tas-salvazzjoni tiegħi u kenn tiegħi!
Insejjaħ il-Mulej, li hu ta’ min ifaħħru,
u nkun meħlus mill-għedewwa tiegħi. R/.
Ħaj il-Mulej! Imbierek hu, il-blata tiegħi!
Ikun imfaħħar Alla tas-salvazzjoni tiegħi!
Hu jkabbar ir-rebħ
lis-sultan tiegħu,
juri mħabbtu mal-midluk tiegħu. R/.
Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
ara 2 Tim 1, 10
Hallelujah. R/. Hallelujah
Is-Salvatur tagħna
Kristu Ġesù qered il-mewt,
u dawwal il-ħajja bla tmiem permezz
tal-Evanġelju.
R/. Hallelujah
Evanġelju
Kieku għandkom
il-fidi ma jkun hemm xejn għalikom
li ma jistax isir.
Mt 17, 14-20
Qari mill-Evanġelju skont San Mattew
F’dak iż-żmien, resaq fuq Ġesù wieħed
raġel niżel għarkupptejh quddiemu u qallu: “Mulej, ikollok ħniena minn ibni,
għax marid b’tal-qamar u qiegħed ibati ħafna; għax sikwit jaqa’ jew
fin-nar jew fl-ilma. Ġibtu
lid-dixxipli tiegħek, iżda ma setgħux ifejquh”. Wieġeb Ġesù u qal: “Ja nies
bla fidi u ħżiena! Kemm se ndum magħkom? Kemm se ndum nissaportikom? Ġibuhuli hawn”. Imbagħad Ġesù hedded bis-sħiħ lix-xitan, u dan ħareġ
minnu, u minn dak
il-ħin stess it-tifel fieq.
Wara mbagħad id-dixxipli resqu lejn Ġesù
għalihom weħidhom
u qalulu: “L-għala aħna ma rnexxilniex inkeċċuh?”. U hu qalilhom: “Minħabba l-fidi
żgħira tagħkom!
Għax tassew ngħidilkom, li kieku għandkom fidi mqar daqs
żerriegħa tal-mustarda,
kontu tgħidu lil din il-muntanja: “Warrab minn hawn u mur
hemm”, u hi kienet twarrab; u ma jkun
hemm xejn għalikom li ma jistax isir”.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu