It-Tieni Ġimgħa tal-Avvent
It-Tnejn
Qari I
Alla ġej biex isalvakom.
Iż 35, 1-10
Qari mill-Ktieb tal-Profeta Iżaija
Ħa jifirħu d-deżert u l-art maħruqa;
ħa jifraħ ix-xagħri u jwarrad,
ħa jwarrad bħar-ranġis.
Ħa tifraħ fuq li tifraħ, taqbeż u tgħanni.
Sebħ il-Libanu jingħata lilha,
il-ġmiel tal-Karmel u ta’ Saron.
Għad jaraw is-sebħ tal-Mulej,
il-ġmiel ta’ Alla tagħna.
Qawwu l-idejn mitruħa;
saħħu l-irkupptejn imriegħda.
Għidu lil dawk b’qalbhom imbeżżgħa:
“Agħmlu l-ħila, la tibżgħux!
Araw, Alla
tagħkom ġej jitħallas;
il-ħlas ta’ Alla wasal;
Hu stess ġej biex isalvakom”.
Imbagħad jinfetħu għajnejn l-għomja,
jinfetħu widnejn it-torox.
Imbagħad iz-zopp jaqbeż bħal għażżiela
u lsien l-imbikkma jinħall bil-ferħ.
Iva, igelgel l-ilma fid-deżert, u l-widien fix-xagħri.
L-art maħruqa tinbidel f’għadira,
u l-art niexfa f’għejun ta’ ilma ġieri.
Fejn qabel kienu jimteddu x-xakalli,
issa hemm il-ħmiemel tal-qasab u l-ġummar.
Hemm ikun hemm triq,
isejħulha: It-Triq
il-Qaddisa.
Ħadd imniġġes
ma jgħaddi minnha,
u l-boloh ma jiġġerrewx fiha.
Ma jkunx hemm l-iljun,
u ebda bhima feroċi ma titla’ minnha:
minnha jgħaddu l-mifdijin.
Jerġgħu lura l-mifdijin tal-Mulej,
u jidħlu f’Sijon jgħajtu bil-ferħ,
b’ferħ ta’ dejjem fuq rashom.
Il-ferħ u l-hena jiksbu,
u jgħibu swied il-qalb u l-krib.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Salm Responsorjali
Salm 84 (85), 9ab-10.11-12.13-14
R/. (Iż 35, 4d):
Alla ġej biex isalvana
Ħa nisma’ xi jgħid Alla;
il-Mulej is-sliem ixandar.
Qrib hi tassew is-salvazzjoni tiegħu
għal dawk li jibżgħu minnu,
biex jgħammar is-sebħ f’artna. R/.
It-tieba u l-fedeltà jiltaqgħu,
il-ġustizzja u s-sliem jitbewsu.
Il-fedeltà mill-art tinbet,
u l-ġustizzja mis-sema tixref. R/.
Il-Mulej ukoll jagħti l-ġid tiegħu,
u artna tagħti l-frott tagħha.
Il-ġustizzja quddiemu timxi,
u s-sliem fuq il-passi tiegħu.
R/.
Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
Hallelujah. R/. Hallelujah
Ara, ġej
il-Mulej
biex ifarrak il-madmad li qed iżommna fil-jasar.
R/. Hallelujah
Evanġelju
Rajna ħwejjeġ tal-għaġeb illum!
Lq 5, 17-26
Qari mill-Evanġelju skont San Luqa
Jum fost l-oħrajn Ġesù kien qiegħed jgħallem. Kien hemm bilqiegħda madwaru xi Fariżej u għorrief tal-Liġi li kienu ġew mill-irħula kollha tal-Galilija u l-Lhudija u minn Ġerusalemm.
Il-qawwa tal-Mulej kienet fih biex
ifejjaq. U ġew xi rġiel iġorru wieħed mifluġ fuq mitraħ; huma bdew ifittxu
li jdaħħluh ġewwa
u jqegħduhulu quddiemu,
iżda minħabba l-folla ma sabux minn fejn
setgħu jidħlu bih. Għalhekk telgħu fuq il-bejt, u niżżluh bil-mitraħ b’kollox minn bejn
ix-xorok f’nofs in-nies quddiem Ġesù.
Meta hu ra l-fidi tagħhom,
qallu: “Ħabib, dnubietek maħfura”. Il-kittieba u l-Fariżej qabdu jaħsbu u jgħidu bejnhom u bejn ruħhom: “Dan min hu biex jitkellem
hekk? Din dagħwa! Għax min jista’ jaħfirhom id-dnubiet ħlief Alla waħdu?”. Imma
Ġesù għaraf ħsibijiethom, u qalilhom: “Għaliex qegħdin taħsbu hekk f’qalbkom? X’inhu l-eħfef: tgħid “Dnubietek maħfura”, jew tgħid
“Qum u imxi”? Mela biex tkunu tafu
li Bin il-bniedem għandu
s-setgħa jaħfer
id-dnubiet fuq l-art – qal lill-mifluġ –: qum, qiegħed ngħidlek, aqbad friexek u mur lejn
darek”. U dak minnufih qam quddiemhom,
qabad il-friex li fuqu kien mixħut,
u telaq lejn id-dar ifaħħar lil Alla.
U lkoll baqgħu mistagħġba
u bdew ifaħħru lil Alla; u mtlew
bil-biża’ u bdew jgħidu: “Rajna ħwejjeġ tal-għaġeb
illum!”
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu