Id-Disa’ Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

Is-Sibt

 

Qari I

Int agħmel ħidma ta’ evanġelista. Ngħid għalija, demmi ġa mxerred b’sagrifiċċju u l-Mulej ser iħallasni bil-kuruna tal-ġustizzja.

2 Tim 4, 1-8

 

Qari mit-Tieni Ittra ta’ San Pawl Appostlu lil Timotju

 

Għażiż, nitolbok bil-ħerqa, quddiem Alla u Kristu Ġesù, li għandu jagħmel ħaqq mill-ħajjin u mill-mejtin, f’isem id-Dehra tiegħu u s-Saltna tiegħu: xandar il-kelma, insisti f’waqtu u barra minn waqtu, ċanfar, widdeb, wissi, bis-sabar kollu u bit-tagħlim. Għax għad jiġi żmien meta għat-tagħlim tajjeb ma jibqgħalhomx sabar, iżda widnejhom jikluhom u jiġbru madwarhom qabda mgħallmin skont ma jixtiequ, u jwarrbu widnejhom mis-sewwa biex jiġġerrew wara l-ħrejjef. Imma int oqgħod dejjem b’għajnejk miftuħa, stabar fit-tiġrib, agħmel ħidma ta’ evanġelista, aqdi sewwa l-ministeru tiegħek.

 

Ngħid għalija, demmi ġa mxerred b’sagrifiċċju, u żmien it-tluq tiegħi wasal. Tqabadt it-taqbida t-tajba, temmejt il-ġirja, ħarist il-fidi. Mil-lbqija hemm merfugħa għalija l-kuruna tal-ġustizzja, li biha f’dak il-Jum iħallasni l-Mulej, l-Imħallef ġust, u mhux lili biss, imma wkoll lil dawk kollha li jkunu għexu fl-imħabba tad-Dehra tiegħu.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 70 (71), 8-9.14-15ab.16-17.22

 

R/. (15a): Fommi jxandar il-ġustizzja tiegħek

 

Mimli fommi b’tifħirek,

u b’sebħek il-jum kollu.

Twarrabnix meta nasal għax-xjuħija;

titlaqnix meta tħallini saħħti. R/.

 

Imma jien nibqa’ dejjem nittama,

u nkattar tifħirek kollu.

Fommi jxandar il-ġustizzja tiegħek,

il-jum kollu l-għemejjel tal-għajnuna tiegħek. R/.

 

Nersaq quddiem il-kobor tiegħek, Mulej Sidi,

biex il-ġustizzja tiegħek waħdek inxandar.

O Alla, sa minn żgħożiti int għallimtni;

u jien s’issa għadni nxandar għeġubijietek. R/.

 

U jiena nfaħħrek bl-arpa

għall-fedeltà tiegħek, Alla tiegħi;

ngħannilek biċ-ċetra, Qaddis ta’ Iżrael. R/.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Mt 5, 3

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Henjin il-foqra fl-ispirtu,

għax tagħhom hija s-Saltna tas-Smewwiet.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Din l-armla fqira tefgħet iktar minn dawk kollha li tefgħu fit-teżor.

Mk 12, 38-44

 

Qari mill-Evanġelju skont San Mark

 

F’dak iż-żmien, Ġesù, hu u jgħallem lin-nies fit-tempju qalilhom: “Iftħu għajnejkom mill-kittieba, li jħobbu jduru mat-toroq bi lbiesi twal, jixtiequ min isellmilhom fil-pjazez, u fis-sinagogi joqogħdu fis-siġġijiet ta’ quddiem, u fil-postijiet ewlenin fil-pranzijiet; iberbqu ġid ir-romol, u mbagħad għal wiċċ in-nies idumu ħafna jitolbu. Dawn jieħdu kundanna aktar iebsa”. Kien qiegħed biswit it-teżor, iħares u jara xi flus jitfgħu n-nies fit-teżor. Bosta għonja bdew jitfgħu ħafna. Resqet waħda armla fqira u tefgħet biċċtejn żgħar, jiġifieri xi ftit ċenteżmi. Hu sejjaħ id-dixxipli tiegħu u qalilhom: “Tassew ngħidilkom, li din l-armla fqira tefgħet iktar minn dawk kollha li tefgħu fit-teżor. Għax dawk kollha tefgħu miż-żejjed tagħhom, imma hi, fil-faqar tagħha, tefgħet kulma kellha, dak kollu li kellha biex tgħix”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu