Is-Sebgħa u Għoxrin Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena
It-Tlieta
Qari I
In-nies ta’ Ninwè reġgħu lura minn triqthom il-ħażina
u Alla raġa’ bdielu mid-deni li qal li kien se jagħmlilhom.
Ġona 3, 1-10
Qari mill-Ktieb tal-Profeta Ġona
F’dak iż-żmien, il-kelma tal-Mulej għat-tieni darba waslet lil
Ġona u qallu: “Qum, mur f’Ninwè,
il-belt il-kbira, u xandrilha li ngħidlek jien”. U Ġona
qam u mar f’Ninwè kif qallu l-Mulej.
Issa Ninwè kienet belt kbira għall-aħħar,
trid tlitt ijiem biex timxiha. Ġona, kif
daħal il-belt, beda ġurnata
mixi, ixandar u jgħid: “Erbgħin jum ieħor,
u Ninwè ssir ħerba”. In-nies ta’ Ninwè emmnu f’Alla, nedew
sawma u libsu x-xkejjer, mill-kbir saż-żgħir. L-aħbar waslet għand is-sultan ta’ Ninwè, u
qam minn fuq
it-tron tiegħu, neħħa minn fuqu l-mantell tiegħu, inkesa bi xkora, u ntasab
fuq l-irmied.
U ħarġu jxandru u jgħidu f’Ninwè: “B’digriet tas-sultan u tal-kbarat tiegħu: La nies, la annimali, la bhejjem u lanqas merħliet, ħadd m’għandu jduq xejn, u la jirgħu u lanqas jixorbu ilma. U jinksew bi xkejjer, kemm
il-bnedmin u kemm l-annimali jgħajtu b’qawwa lejn Alla, u kull
wieħed jerġa’ lura minn
triqtu l-ħażina u
mill-ħsara li għamel b’idejh. Min jaf jekk Alla
jibdilux u jisgħobx bih, u jdur mill-korla mixgħula
tiegħu, u aħna ma
nintilfux!”
U Alla ra x’għamlu, kif reġgħu lura minn triqthom
il-ħażina. U Alla raġa’ bdielu
mid-deni li qal li kien se jagħmlilhom, u ma għamlux.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Salm Responsorjali
Salm 129 (130), 1-2.3-4ab.7-8
R/. (3): Jekk tal-ħtijiet
int tagħti kas, Mulej, min jista’ jżomm sħiħ?
Minn qiegħ l-art insejjaħlek,
Mulej:
isma’, Sidi, il-leħen tiegħi!
Ħa jkunu widnejk miftuħa,
jiena u nitolbok bil-ħniena. R/.
Jekk tal-ħtijiet int tagħti kas, Mulej,
Sidi, min jista’ jżomm sħiħ?
Imma għandek hemm il-maħfra,
biex hekk inqimuk fil-biża’ tiegħek. R/.
Jistenna Iżrael lill-Mulej!
Għax għand il-Mulej hemm it-tieba,
u l-fidwa għandu bil-kotra.
Hu li jifdi lil Iżrael minn
ħtijietu kollha. R/.
Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
Lq 11, 28
Hallelujah. R/. Hallelujah
Hienja dawk li jisimgħu l-kelma ta’ Alla
u jħarsuha.
R/. Hallelujah
Evanġelju
Marta laqgħetu. Marija
għażlet l-aħjar
sehem.
Lq 10, 38-42
Qari mill-Evanġelju skont San Luqa
F’dak iż-żmien, huma u mexjin, Ġesù daħal f’raħal, u laqgħetu għandha waħda mara jisimha Marta. Din kellha oħtha,
jisimha Marija, li niżlet bilqiegħda f’riġlejn il-Mulej tisimgħu x’kien qiegħed jgħid. Iżda Marta kienet moħħha fuq il-ħafna
xogħol tad-dar. Imbagħad resqet u qaltlu: “Mulej, m’intix tara kif
oħti ħalliet ix-xogħol kollu
fuqi biss? Mela għidilha taqbad tagħmel xi ħaġa miegħi”. Qabeż il-Mulej u qalilha: “Marta Marta! Inti taħseb wisq u tinkwieta fuq ħafna
ħwejjeġ; imma waħda hi meħtieġa. U Marija għażlet l-aħjar sehem, li ma jitteħdilhiex”.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu