It-Tlieta
u Għoxrin Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena
Qari I
Widnejn it-torox jinfetħu,
u lsien l-imbikkem jgħajjat bil-ferħ.
Is 35, 4-7a
Qari
mill-Ktieb tal-Profeta Isaija
Għidu
lil dawk b’qalbhom imbeżżgħa:
“Agħmlu l-ħila, la tibżgħux!
Araw,
Alla tagħkom ġej jitħallas;
il-ħlas
ta’ Alla wasal;
Hu stess ġej biex isalvakom”.
Imbagħad
jinfetħu għajnejn
l-għomja,
jinfetħu
widnejn it-torox.
Imbagħad
iz-zopp jaqbeż bħal għażżiela
u lsien l-imbikkma jinħall bil-ferħ.
Iva, igelgel l-ilma fid-deżert,
u l-widien fix-xagħri.
L-art maħruqa tinbidel f’għadira,
u l-art niexfa f’għejun ta’ ilma ġieri.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Salm Responsorjali
Salm 145 (146), 7.8-9a.9bċ.10
R/. (1): Faħħar,
ruħ tiegħi, il-Mulej!
Il-Mulej iżomm kelmtu għal dejjem,
jagħmel
ħaqq lill-maħqurin,
u jagħti l-ħobż lill-imġewħin.
Il-Mulej jeħles lill-imjassrin. R/.
Il-Mulej jiftaħ għajnejn l-għomja;
il-Mulej
jerfa’ lill-milwijin;
il-Mulej
iħobb lill-ġusti;
il-Mulej
jħares lill-barranin.
R/.
Hu li jżomm lill-iltim u lill-armla,
imma
lill-ħżiena jħarbtilhom
triqathom.
Il-Mulej isaltan għal dejjem;
Alla
tiegħek, Sijon, minn nisel
għal nisel. R/.
Qari II
Alla għażel
lil dawk li huma foqra biex
isiru werrieta tas-Saltna.
Ġak 2, 1-5
Qari
mill-Ittra ta’ San Ġakbu
Appostlu
Ħuti,
tħalltux il-fidi f’Ġesù Kristu, il-Mulej tagħna tal-glorja, mal-ħarsien lejn l-uċuħ. Għax jekk fil-laqgħat tagħkom jidħol xi ħadd biċ-ċrieket tad-deheb f’subgħajh
u bi lbies ilellex, imbagħad jidħol xi ħaddieħor fqir liebes imċerċer, u intom idduru ma’ dak bl-ilbies ilellex
u tgħidulu: “Int oqgħod
komdu bilqiegħda” waqt li lill-fqir tgħidulu: “Int oqgħod bilwieqfa”, jew: “Oqgħod bilqiegħda fuq il-mirfes ta’ riġlejja”, ma jidhrilkomx
li tkunu qegħdin tagħmlu għażla bejniethom, u hekk issiru
mħallfin qarrieqa?
Isimgħu,
ħuti għeżież:
mhux Alla kien li għażel lill-foqra għad-dinja biex
jistagħnu fil-fidi u jsiru werrieta tas-Saltna li hu wiegħed lil dawk
li jħobbuh?
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
Mt 4, 23
Hallelujah. R/. Hallelujah
Ġesù
dar il-Galilija kollha jgħallem fis-sinagogi tagħhom,
ixandar
l-Evanġelju tas-Saltna
u jfejjaq kull xorta
ta’ mard u dgħufija fost il-poplu.
R/. Hallelujah
Evanġelju
Jagħti s-smigħ lit-torox
u l-kliem lill-imbikkmin.
Mk 7, 31-37
Qari
mill-Evanġelju skont
San Mark
F’dak
iż-żmien, Ġesù
telaq mill-inħawi tal-belt ta’ Tir, għadda minn Sidon lejn
il-baħar tal-Galilija,
fl-inħawi tad-Dekapoli. U ġibulu
wieħed, trux u mbikkem, u talbuh iqegħedlu idu fuqu. Ġesù ħarġu għalih waħdu minn
qalb in-nies, daħħal subgħajh f’widnejh
u messlu lsienu bir-riq tiegħu. Imbagħad refa’ għajnejh lejn is-sema, tniehed tnehida,
u qallu: “Effata!” jiġifieri: “Infetaħ!”. U minnufih widnejh infetħulu, l-irbit ta’ lsienu nħallu u qabad jitkellem
sewwa.
Ġesù
wissiehom biex ma jgħidu lil ħadd; iżda aktar ma wissiehom, aktar
bdew ixandruh. U mimlijin bil-għaġeb, bdew jgħidu: “Kollox għamel tajjeb: jagħti s-smigħ lit-torox u l-kliem lill-imbikkmin!”.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu