Id-Disa’ Ġimgħa taż-Żmien
ta’ Matul is-Sena
Is-Sibt
Qari I
Issa bierku lill-Mulej. Jien tiela’ għand min bagħatni.
Tob 12, 1.5-15.20
Qari mill-Ktieb ta’ Tobit
F’dak
iż-żmien, malli għaddiet il-festa tat-tieġ, Tobit sejjaħ lil Tobija ibnu
u qallu: “Ibni, qis li tħallas skont ma ħaqqu lil dak ir-raġel
li ġie jwasslek,
u agħtih xi ħaġa
aktar”. Imbagħad sejjaħlu u qallu: “Nofs kulma ġibtilna miegħek hu tiegħek bi ħlas. Ħudu, u tista’ tmur bis-sliem”.
Rafel
imbagħad sejħilhom
bil-moħbi u qalilhom:
“Bierku lil Alla u
faħħruh
quddiem il-ħajjin kollha għall-ġid kollu li għamel magħkom, biex
iberkuh u jgħannu għana ta’ tifħir
f’ġieħ ismu. Xandru
mal-bnedmin kollha kulma għamel
Alla u agħtuh ġieħ u titnikkrux biex
tfaħħruh. Tajjeb
li wieħed iżomm moħbi s-sigriet tas-sultan,
iżda
unur li wieħed ifaħħar u jxandar l-opri ta’ Alla. Agħmlu
t-tajjeb u ma jilħaqkom
ebda deni. Aħjar it-talb bil-qalb, u
l-karità bis-sewwa, mill-għana bid-dnewwa. Aħjar tagħti l-karità, milli
taħżen id-deheb.
Il-karità teħilsek
mill-mewt, u tnaddfek minn
kull dnub. Dawk li jagħmlu l-karità jimtlew bil-ħajja. Dawk li jagħmlu
d-dnub u l-inġustizzja,
huma l-għedewwa tagħhom infushom.
Irrid
ngħidilkom is-sewwa kollu, u ma naħbilkom xejn. Diġà għarraftkom:
Tajjeb li wieħed iżomm moħbi s-sigriet tas-sultan, iżda
unur
li wieħed ixandar l-opri ta’ Alla. U issa, meta int
u Sara kontu titolbu,
jien kont inwassal it-talb tagħkom quddiem il-maestà
tal-Mulej
u nfakkru fih; meta kont tidfen il-mejtin
kont nagħmel l-istess.
Meta int ma qgħadtx taħsibha darbtejn biex tqum, tħalli l-ikel,
u tmur tkeffen il-mejjet, jien kont mibgħut biex inġarrbek. U issa
Alla bl-istess mod bagħatni biex infejjaq lilek u lil Sara, mart ibnek.
Jien
Rafel, wieħed mis-seba’ anġli, li qegħdin quddiem il-maestà
tal-Mulej,
u nistgħu nersqu lejh. Issa bierku
lill-Mulej fuq l-art; faħħru
lil Alla. Jien tiela’ għand
min bagħatni. Iktbu kulma ġralkom”.
Kif
qal hekk għola ’l fuq.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Salm Responsorjali
Tob 13, 2.6.7.8
R/. (2a): Imbierek Alla, li jgħix għal dejjem
Imbierek
Alla, li jgħix għal dejjem,
u
mbierka s-saltna tiegħu!
Hu jikkastiga u jħenn;
iwasslek
sal-qabar f’qiegħ
l-art,
u
mbagħad jerfgħek
mill-akbar qerda.
M’hemm
ħadd li jeħles minn idejh.
R/.
Meta b’qalbkom sħiħa u ruħkom kollha,
terġgħu
lura għal għandu,
imbagħad
hu jdur lejkom,
u
ma jaħbix iżjed wiċċu minnkom. R/.
Ara
x’għamel magħkom!
Faħħruh
b’kemm għandkom ħila,
u
bierku l-Mulej il-ġust,
u
faħħru s-sultan ta’ dejjem.
R/.
Infaħħru
jien f’art l-eżilju tiegħi,
u
nuri l-qawwa u l-kobor tiegħu lill-ġens midneb.
Erġgħu
lura għal għandu, midinbin,
u
għamlu l-ġustizzja
quddiemu.
Min jaf jilqagħkomx u jħennx għalikom? R/.
Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
Mt 5, 3
Hallelujah. R/. Hallelujah
Henjin
il-foqra fl-ispirtu,
għax
tagħhom hija s-Saltna tas-Smewwiet.
R/. Hallelujah
Evanġelju
Din l-armla fqira tefgħet iktar minn dawk
kollha li tefgħu fit-teżor.
Mk 12, 38-44
Qari mill-Evanġelju skont San Mark
F’dak
iż-żmien, Ġesù,
hu u jgħallem lin-nies fit-tempju qalilhom:
“Iftħu għajnejkom mill-kittieba, li
jħobbu jduru mat-toroq bi lbiesi twal,
jixtiequ min isellmilhom
fil-pjazez, u fis-sinagogi joqogħdu fis-siġġijiet
ta’ quddiem, u fil-postijiet
ewlenin fil-pranzijiet; iberbqu
ġid
ir-romol, u mbagħad għal wiċċ in-nies idumu ħafna
jitolbu. Dawn jieħdu kundanna aktar iebsa”.
Kien
qiegħed biswit it-teżor, iħares u jara xi flus jitfgħu n-nies fit-teżor. Bosta għonja bdew jitfgħu ħafna. Resqet waħda armla fqira u tefgħet
biċċtejn żgħar,
jiġifieri xi ftit ċenteżmi. Hu sejjaħ id-dixxipli tiegħu u qalilhom: “Tassew ngħidilkom, li din l-armla fqira tefgħet iktar minn dawk
kollha li tefgħu fit-teżor. Għax dawk
kollha tefgħu miż-żejjed tagħhom,
imma hi, fil-faqar tagħha, tefgħet
kulma kellha, dak kollu li kellha
biex tgħix”.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu