Il-Wieħed u Tletin Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena
Il-Ġimgħa
Qari I
Nistennew jiġi lis-Salvatur tagħna Sidna Ġesù Kristu. Hu għad irid ibiddlilna l-ġisem imsejken tagħna fis-sura tal-ġisem glorjuż tiegħu.
Fil 3, 17 – 4, 1
Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Filippin
Ħuti, ixbhu lili, u ħarsu lejn dawk li jimxu skont l-eżempju li rajtu fina. Għaliex hawn ħafna – dan għedthulkom bosta drabi, imma issa ntennihulkom bid-dmugħ f’għajnejja – hawn ħafna li jġibu ruħhom bħal għedewwa tas-salib ta’ Kristu. It-telfien għad ikun tmiemhom; alla tagħhom hu żaqqhom, jiftaħru b’dak li jmisshom jistħu minnu, u moħħhom biss fil-ħwejjeġ tad-dinja.
Imma aħna pajżani tas-sema; minn hemm bil-ħerqa nistennewh jiġi, is-Salvatur tagħna Sidna Ġesù Kristu. Hu għad irid ibiddlilna l-ġisem imsejken tagħna fis-sura tal-ġisem glorjuż tiegħu, bil-qawwa tas-setgħa li għandu li jġib kollox taħtu.
Għalhekk, intom, ħuti li intom l-għożża u x-xewqa tiegħi, ferħ u kuruna tiegħi, żommu sħiħ fil-Mulej, maħbubin tiegħi!
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Salm Responsorjali
Salm 121 (122), 1-2.3-4a.4b-5
R/. (1): Sejrin ferħana f’dar il-Mulej
Fraħt meta qaluli:
“Sejrin f’dar il-Mulej!”
Diġà qegħdin riġlejna
fi bwiebek, Ġerusalemm! R/.
Ġerusalemm, mibnija bħal belt,
magħquda ħaġa waħda.
Lejha t-tribujiet jitilgħu,
it-tribujiet tal-Mulej. R/.
Skont il-liġi ta’ Iżrael,
ifaħħru isem il-Mulej.
Għax hemm twaqqfu t-tronijiet tal-ħaqq,
it-tronijiet tad-dar ta’ David. R/.
Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
1 Ġw 2, 5
Hallelujah. R/. Hallelujah
Min iżomm il-kelma ta’ Ġesù Kristu,
fih hemm tassew l-imħabba ta’ Alla fil-milja tagħha.
R/. Hallelujah
Evanġelju
Ulied din id-dinja jimxu bil-għaqal aktar minn ulied id-dawl ma’ min hu tal-qatgħa tagħhom.
Lq 16, 1-8
Qari mill-Evanġelju skont San Luqa
F’dak iż-żmien, Ġesù 1qal lid-dixxipli tiegħu: “Kien hemm raġel għani li kellu amministratur, u lil dan xlewh lil sidu li kien qiegħed iberbaqlu ġidu. Għalhekk is-sid sejjaħlu u qallu: “Dan x’inhu li qiegħed nisma’ fuqek? Agħtini kont tal-amministrazzjoni tiegħek, għax ma tistax tibqa’ iżjed amministratur tiegħi”. L-amministratur bejnu u bejn ruħu qal: “Issa x’sejjer nagħmel, ladarba sidi se jneħħini mill-amministrazzjoni? Immur nagħżaq? Ma niflaħx. Nittallab? Nistħi. Naf x’nagħmel, ħalli meta nitwarrab minn fuq din l-amministrazzjoni, insib lil ħaddieħor li jilqagħni għandu.
U wieħed wieħed bagħat għal dawk li kellhom jagħtu lil sidu. “Kemm għandek tagħtih lil sidi?” staqsa lill-ewwel wieħed. “Mitt barmil żejt”, wieġbu dak. “Oħroġ il-karti tiegħek”, qallu l-amministratur: “oqgħod bilqiegħda malajr u ikteb ħamsin”. Lil ieħor staqsieh: “U int, kemm għandek tagħti?” “Mitt xkora qamħ”, wieġbu. Qallu: “Oħroġ il-karti tiegħek u ikteb tmenin”.
U s-sid faħħru lil dak l-amministratur ħażin talli ħadem b’rasu. Għax ulied din id-dinja jimxu bil-għaqal aktar minn ulied id-dawl ma’ min hu tal-qatgħa tagħhom”.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu