Is-Sebgħa u Għoxrin Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena
It-Tnejn
Qari I
Ġona qam biex jaħrab minn quddiem
il-Mulej.
Ġona 1,1 – 2, 1.11
Qari mill-Ktieb tal-Profeta Ġona
Il-kelma tal-Mulej waslet lil Ġona
bin Amittaj, u qallu: “Qum, mur Ninwè, il-belt
il-kbira, u xandrilha li ħżunithom telgħet quddiemi”. Imma Ġona qam biex jaħrab
lejn Tarsis minn quddiem
il-Mulej. Niżel Ġaffa, fejn inzerta ġifen
sejjer lejn Tarsis, ħallas il-passaġġ, u telaq fuqu biex
imur magħhom f’Tarsis, ’il
bogħod mill-Mulej. Iżda l-Mulej
bagħat riefnu fuq il-baħar, u qamet taqliba kbira,
hekk li l-ġifen kien għoddu nqasam. Il-baħrin twerwru, u kull wieħed minnhom beda jgħajjat lill-alla tiegħu; u waddbu l-baħar il-merkanzija li kien hemm fuq
il-ġifen, biex iħaffu minn fuqhom. Iżda Ġona niżel isfel nett tal-ġifen, imtedd u raqad fil-fond.
Imbagħad resaq fuqu l-kaptan
u qallu: “Int kif int rieqed?
Qum, u sejjaħ
lil Alla tiegħek! Għandu mnejn Alla jiftakar
fina u ma nintilfux”. Imbagħad bdew jgħidu wieħed lil ieħor: “Ejjew nitfgħu x-xorti, ħa nkunu nafu
ta’ min hi l-ħtija li waqa’
fuqna dan l-għawġ kollu”. Tefgħu x-xorti, u x-xorti waqgħet fuq Ġona. Imbagħad qalulu: “Issa għidilna: ħtija ta’ min ġie fuqna dan il-għawġ?
X’inhu xogħlok? Minn fejn int ġej? Liema
hu pajjiżek? U minn liema poplu
int?”. Qalilhom: “Jien
Għebrew, u nqim lill-Mulej, Alla tas-sema, li għamel il-baħar u l-art”.
Dawk l-irġiel beżgħu biża’ kbir, u qalulu: “Dan għax għamiltu?”. Għax billi
hu qalilhom kollox, saru jafu
li kien ħarab minn quddiem il-Mulej. Imbagħad
qalulu: “X’se nagħmlu bik, biex il-baħar jikkwitalna?”. Għax il-baħar
baqa’ jżid. Qalilhom: “Aqbduni u ixħtuni l-baħar, u l-baħar jikkwitalkom. Għax naf li din it-tempesta kollha waqgħet
fuqkom ħtija tiegħi”.
In-nies armaw jaqdfu biex jerġgħu
jaqbdu l-art, iżda ma seħħilhomx, għax it-taqlib tal-baħar baqa’ jżid kontrihom. Għalhekk sejħu l-Mulej u qalu: “Jaħasra, Mulej, nitolbuk li ma tħalliniex nintilfu ħtija tal-ħajja ta’ dan il-bniedem, u twaħħalniex
ħatja ta’ demm bla ħtija, għax kont int, Mulej, li għamilt kif għoġbok”. U qabdu ’l Ġona u xeħtuh
il-baħar, u l-baħar
raqqad il-qilla tiegħu. U l-irġiel qabadhom biża’ kbira mill-Mulej, u offrew sagrifiċċji lill-Mulej
u għamlu wegħdiet.
U l-Mulej qabbad ħuta kbira tibla’ ’l Ġona, u Ġona baqa’ tlitt ijiem u tliet iljieli
f’żaqq il-ħuta. U
l-Mulej kellem lill-ħuta, u din xeħtet
lil Ġona fuq l-art.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Salm Responsorjali
Ġona 2, 2.3.4.5.8
R/. (7ċ): Mulej, int
tellajtli ħajti minn ġol-ħofra
Fid-dwejjaq tiegħi
lill-Mulej sejjaħt,
u hu weġibni;
mill-ġuf ta’ Art
l-Imwiet krabt għall-għajnuna,
u leħni smajtu. R/.
Inti tfajtni fil-qiegħ,
ġo nofs il-baħar,
u l-wied dar miegħi;
l-imwieġ il-kbar u l-ħalel kollha tiegħek
għaddew minn fuqi. R/.
U jiena għedt:
“Tgerrixt
minn quddiem wiċċek:
kif nerġa’ nara t-tempju mqaddes tiegħek?”. R/.
Meta ġo fija kelli ruħi
mħeddla,
jien fil-Mulej ftakart;
u t-talba tiegħi telgħet sa quddiemek,
fit-tempju mqaddes tiegħek. R/.
Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
Ġw 13, 34
Hallelujah. R/. Hallelujah
Nagħtikom kmandament ġdid, jgħid il-Mulej:
bħalma ħabbejtkom jien, hekk ukoll ħobbu
intom lil xulxin.
R/. Hallelujah
Evanġelju
Il-proxxmu tiegħi
min hu?
Lq 10, 25-37
Qari mill-Evanġelju skont San Luqa
F’dak iż-żmien, iqum wieħed għaref fil-Liġi u, biex iġarrab lil Ġesù staqsieh: “Mgħallem, x’nagħmel biex niret il-ħajja ta’ dejjem?”. Qallu Ġesù: “Fil-Liġi
x’hemm miktub? Inti x’taqra fiha?”.
U dak wieġeb: “Int għandek tħobb il-Mulej, Alla tiegħek, b’qalbek kollha, u b’ruħek kollha, bil-qawwa tiegħek kollha, u b’moħħok kollu, u lill-proxxmu tiegħek bħalek innifsek”. Qallu Ġesù: “Sewwa weġibt, agħmel hekk u tgħix”.
Iżda dak, biex juri
li kellu raġun, qal lil Ġesù:
“U l-proxxmu tiegħi min hu?”. U Ġesù raġa’
qabad jgħidlu: “Wieħed raġel kien nieżel Ġeriko minn Ġerusalemm, u waqa’ f’idejn il-ħallelin; dawn neżżgħuh, biċċruh bis-swat u telqu, u ħallewh nofsu mejjet. Inzerta kien nieżel
qassis minn
dik it-triq u rah, għadda minn mal-ġenb u baqa’ sejjer. Hekk ukoll wieħed
levita, meta wasal hemm u rah, għadda minn mal-ġenb u baqa’ sejjer. Imma
kien għaddej minn hemm wieħed Samaritan, wasal ħdejh, rah u tħassru. Resaq lejh, dewwielu l-ġrieħi biż-żejt
u l-inbid u rabathomlu, u mbagħad tellgħu fuq il-bhima
tiegħu, wasslu f’lukanda u ħa ħsiebu. L-għada ħareġ biċċtejn flus, tahom
lil tal-lukanda u qallu: “Ħu ħsiebu; jekk tonfoq xi ħaġa iżjed, irroddhielek jien meta nerġa’ ngħaddi”. Minn dawn it-tlieta, int min jidhirlek li ġieb ruħu ta’ proxxmu ma’ dak li waqa’ f’idejn il-ħallelin?”.
“Min ħenn
għalih”, wieġbu dak. Qallu Ġesù: “Mur, u agħmel hekk
int ukoll”.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu