It-Tnejn u Għoxrin Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena
Il-Ħamis
Qari I
Ħelisna mill-ħakma tad-dlam, u daħħalna fis-saltna ta’
Ibnu l-maħbub.
Kol 1, 9-14
Qari
mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu
lill-Kolossin
Ħuti,
aħna wkoll, mindu smajna bikom,
ma hedejniex nitolbu għalikom, u nibqgħu nitolbu li tagħrfu sewwa r-rieda ta’ Alla bl-għerf kollu u d-dehen spiritwali. Hekk tkunu tistgħu tgħixu sewwa kif jixraq lill-Mulej
u togħġbuh f’kollox
bil-frott ta’ kull opra tajba, u tikbru
fl-għarfien ta’ Alla, titwettqu bil-qawwa kollha li tiġi mill-qawwa tal-glorja tiegħu, biex tkunu tifilħu ġġarrbu kollox bis-sabar.
Ifirħu
u roddu ħajr lill-Missier, li għamilkom denji li tissieħbu fil-wirt tal-qaddisin fis-saltna tad-dawl. Hu ħelisna mill-ħakma tad-dlam, u daħħalna fis-saltna ta’ Ibnu l-maħbub, li bih għandna l-fidwa, il-maħfra tad-dnubiet.
Il-Kelma
tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Salm Responsorjali
Salm 97 (98), 2-3ab.3ċd-4.5-6
R/. (2a): Għarraf il-Mulej is-salvazzjoni tiegħu
Għarraf
il-Mulej is-salvazzjoni tiegħu,
f’għajnejn
il-ġnus wera l-ġustizzja tiegħu.
Ftakar
fit-tieba u l-fedeltà tiegħu mal-poplu ta’ Iżrael. R/.
L-art kollha, minn tarf
għall-ieħor,
rat is-salvazzjoni ta’ Alla tagħna.
Għajtu
bil-ferħ lill-Mulej fl-art kollha,
infexxu
fil-hena, ifirħu u għannu! R/.
Għannu
lill-Mulej biċ-ċetra,
biċ-ċetra
u bil-ħlewwa tal-għana,
bit-trombi
u bid-daqq tat-trumbetti;
għajtu
bil-ferħ quddiem il-Mulej is-sultan! R/.
Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
Mt 4, 19
Hallelujah. R/. Hallelujah
Ejjew
warajja, jgħid il-Mulej
u nagħmilkom sajjieda tal-bnedmin.
R/. Hallelujah
Evanġelju
Telqu kollox u marru warajh.
Lq 5, 1-11
Qari
mill-Evanġelju skont
San Luqa
Darba
l-kotra bdiet tross fuq Ġesù
biex tisma’ l-kelma ta’ Alla. Hu kien qiegħed f’xatt l-għadira ta’ Ġennesaret. U ra żewġ dgħajjes qegħdin max-xatt; is-sajjieda kienu niżlu minn
fuqhom u kienu qegħdin jaħslu x-xbiek. Tela’ fuq
waħda minnhom, li kienet ta’ Xmun, u talbu jaqla’ kemmxejn
’il barra
mill-art; imbagħad qagħad
bilqiegħda u beda jgħallem lin-nies mid-dgħajsa.
Meta temm li kellu jgħid, qal lil Xmun:
“Aqdef ’il
barra fil-fond, u kalaw ix-xbiek tagħkom għas-sajd”. Wieġbu Xmun u qallu: “Mgħallem, għamilna lejl sħiħ nitħabtu u ma qbadna xejn. Imma, la qiegħed tgħid int, ħa nkala
x-xbiek”. Hekk għamlu, u qabdu kotra hekk kbira
ta’ ħut li x-xbiek tagħhom kien għoddu nqasam. Għalhekk għamlu sinjal lil sħabhom
li kienu fid-dgħajsa
l-oħra biex jiġu jgħinuhom. Dawk ġew, u mlew iż-żewġ dgħajjes hekk li għal ftit ma għerqux.
Xmun
Pietru, kif ra dan, inxteħet
f’riġlejn Ġesù u qallu: “Tbiegħed minni, Mulej, għaliex
jiena raġel midneb”. Għax baqgħu tassew mistagħġba, kemm hu u kemm dawk
kollha li kienu miegħu, għal dik il-qabda ħut
li qabdu. U hekk ukoll ġralhom Ġakbu u Ġwanni, ulied Żebedew, li kienu sħab Xmun. Imbagħad Ġesù qal lil
Xmun: “Tibżax; minn issa
’l quddiem tkun taqbad in-nies”.
Meta mbagħad ressqu d-dgħajjes mal-art, telqu kollox u marru warajh.
Il-Kelma
tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu