Ir-Raba’ Ġimgħa tar-Randan
Is-Sibt
Qari I
Bħal ħaruf ġwejjed meħud għall-qatla.
Ġer 11, 18-20
Qari mill-Ktieb tal-Profeta Ġeremija
Il-Mulej għarrafni, u jien sirt naf; inti wrejtni l-għemejjel tagħhom. U jien bħal ħaruf ġwejjed meħud għall-qatla, ma kontx naf li kienu qed inassu kontrija u jgħidu: “Ħa noqtlu s-siġra bil-frott tagħha; inqaċċtuh mill-art tal-ħajjin, u ismu ma jiftakruhx aktar”. Int, Mulej tal-eżerċti, imħallef ġust li tifli l-qalb u l-moħħ, ħallini nara l-vendetta tiegħek minnhom, għaliex f’idejk irħejt il-kawża tiegħi!
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Salm Responsorjali
Salm 7, 2-3.9bċ-10.11-12
R/. (2a): Mulej, Alla tiegħi, fik il-kenn tiegħi
Mulej, Alla tiegħi, fik il-kenn tiegħi;
salvani minn kull min iħabbatni, u eħlisni,
li ma jaħtfunix bħal iljun u jqattgħuni,
u ma jkunx hemm min jeħlisni. R/.
Agħmel ħaqq minni, Mulej, skont is-sewwa tiegħi
u skont it-tjubija li hemm fija.
Ħa jintemm il-ħażen tal-ħżiena,
u jitwettaq il-bniedem sewwa.
Int li tgħarbel il-moħħ u l-qalb, int Alla ġust. R/.
It-tarka tiegħi hu Alla,
li jsalva ’l min hu qalbu safja.
Alla hu mħallef ġust,
Alla li dejjem jitħallas mill-ħażen. R/.
Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
ara Lq 8, 15
Glorja u tifħir lilek, Kristu!
Henjin dawk li jisimgħu l-kelma b’qalb tajba u sinċiera, jgħożżuha,
u jagħmlu l-frott billi jżommu sħiħ.
R/. Glorja u tifħir lilek, Kristu!
Evanġelju
Mela l-Messija għandu jiġi mill-Galilija?
Ġw 7, 40-53
Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann
F’dak iż-żmien, meta xi wħud min-nies semgħu kliem Ġesù, qalu: “Tassew dan hu l-Profeta”. Oħrajn qalu: “Dan hu l-Messija”. Iżda xi wħud qalu: “Mela l-Messija għandu jiġi mill-Galilija? Ma tgħidx l-Iskrittura li l-Messija għandu jiġi min-nisel ta’ David u minn Betlehem, ir-raħal minn fejn kien David?”. Hekk in-nies ma qablux bejniethom minħabba fih.
Xi wħud minnhom riedu jaqbduh, iżda ħadd ma medd idejh fuqu. L-għases reġgħu lura għand il-qassisin il-kbar u l-Fariżej, u dawn qalulhom: “Dan kif ma ġibtuhx magħkom?”. L-għases qalulhom: “Qatt ħadd ma tkellem bħalu, dan il-bniedem!”. Qabżu l-Fariżej u qalulhom: “Intom ukoll tqarraqtu? Hemm xi ħadd mill-kapijiet u l-Fariżej li emmen fih? Imma dawn x’qabda nies misħuta, li l-Liġi ma jafuhiex!”.
Wieħed minnhom, jismu Nikodemu, dak li qabel kien mar għand Ġesù, qabeż u qalilhom: “Jaqaw il-Liġi tagħna tikkundanna lil xi ħadd qabel ma tisma’ lilu stess ħalli tkun taf x’inhu jagħmel?”. U huma qalulu: “M’intix int ukoll mill-Galilija, hux? Fittex fl-Iskrittura, ħalli tara li ebda profeta ma jqum mill-Galilija!”. U wieħed wieħed telqu lejn djarhom.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu