L-Ewwel Ġimgħa tar-Randan
It-Tnejn
Qari I
Agħmel ħaqq mill-proxxmu tieghek fis-sewwa.
Lev 19, 1-2.11-18
Qari mill-Ktieb tal-Levitiku
Il-Mulej kellem lil Mosè u qallu: “Għid lill-ġemgħa kollha ta’ wlied Iżrael: Għandkom tkunu qaddisin, għax qaddis jien, il-Mulej Alla tagħkom.
La tisirqux, la tgħidux kliem b’ieħor, la tqarrqux b’xulxin.
La taħilfux b’ismi fil-gideb, lanqas ma għandek iżżeblaħ lil isem Alla tiegħek: Jiena l-Mulej.
La taħqarx lil għajrek, u lanqas tisirqu; il-ħlas tal-ħaddiem mikri ma jibqax għandek sa filgħodu.
La tisħetx lit-trux, u la tqegħidx tfixkil quddiem l-għama; imma tibża’ minn Alla tiegħek: Jiena l-Mulej.
La tgħawwiġx fil-ħaqq li tagħmel; la tħarisx lejn wiċċ il-fqir; lanqas ma tweġġaħ lill-kbir għal wiċċu; imma tagħmel ħaqq mill-proxxmu tiegħek fis-sewwa.
Tmurx ixxerred qlajja’ fuq niesek, u tqumx kontra demm għajrek: Jiena l-Mulej.
La tbejjitx lil ħuk f’qalbek, imma lil għajrek wissih u erġa’ wissih, biex ma tkunx ħati tiegħu. La titħallasx b’idejk, u la żżommx f’qalbek għal ulied niesek, imma ħobb lil għajrek bħalek innifsek: Jiena l-Mulej”.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Salm Responsorjali
Salm 18 (19), 8.9.10.15
R/. (ara Ġw 6, 63): Il-kliem tiegħek Mulej huwa spirtu u ħajja
Il-liġi tal-Mulej perfetta,
u tagħti l-ħajja;
ix-xhieda tal-Mulej hi sewwa,
u tgħallem lil min ma jafx. R/.
Il-preċetti tal-Mulej dritti,
u jferrħu l-qalb;
il-kmandament tal-Mulej safi,
u jdawwal l-għajnejn. R/.
Il-biża’ tal-Mulej sinċier,
u jibqa’ għal dejjem;
il-ġudizzji tal-Mulej sewwa,
u mseddqa għalkollox. R/.
Ħa jkunu milqugħa quddiemek kliem fommi
u ħsieb qalbi,
Mulej, blata tiegħi u feddej tiegħi. R/.
Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
2 Kor 6, 2b
Glorja u tifħir lilek, Kristu!
Issa hu ż-żmien it-tajjeb;
issa hu jum is-salvazzjoni.
R/. Glorja u tifħir lilek, Kristu!
Evanġelju
Kulma għamiltu ma’ wieħed mill-iżgħar fost dawn ħuti, għamiltuh miegħi.
Mt 25, 31-46
Qari mill-Evanġelju skont San Mattew
F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Meta jiġi Bin il-bniedem fil-glorja tiegħu u bl-anġli kollha miegħu, imbagħad joqgħod fuq it-tron glorjuż tiegħu. U quddiemu jinġabru l-ġnus kollha, u hu jifridhom minn xulxin, bħalma r-ragħaj jifred in-nagħaġ mill-mogħoż: in-nagħaġ iqegħedhom fuq il-lemin tiegħu u l-mogħoż fuq ix-xellug.
Imbagħad is-Sultan jgħid lil dawk ta’ fuq il-lemin tiegħu : “Ejjew, imberkin minn Missieri, ħudu b’wirt tagħkom is-Saltna li tħejjiet għalikom sa mill-ħolqien tad-dinja. Għax jien kont bil-ġuħ u tmajtuni, kont bil-għatx u sqejtuni, kont barrani u lqajtuni, kont għeri u libbistuni, kont marid u ġejtu tarawni, kont fil-ħabs u ġejtu żżuruni”.
Imbagħad iweġbuh il-ġusti u jgħidulu: “Mulej, meta rajniek bil-ġuħ u tmajniek, jew bil-għatx u sqejniek? Meta rajniek barrani u lqajniek, jew għeri u libbisniek? Meta rajniek marid jew fil-ħabs u ġejna nżuruk?”. U s-Sultan iweġibhom u jgħid: “Tassew, ngħidilkom, kulma għamiltu ma’ wieħed mill-iżgħar fost dawn ħuti, għamiltuh miegħi”.
Imbagħad jgħid ukoll lil dawk ta’ fuq ix-xellug: “Morru minn quddiemi, misħutin, fin-nar ta’ dejjem li tħejja għax-xitan u għall-anġli tiegħu. Għax jien kont bil-ġuħ u ma tmajtunix, kont bil-għatx u ma sqejtunix, kont barrani u ma lqajtunix, kont għeri u ma libbistunix, kont marid u fil-ħabs u ma ġejtux iżżuruni!”.
Imbagħad huma wkoll iweġbuh u jgħidulu: “Mulej, meta rajniek bil-ġuħ, jew bil-għatx, jew barrani, jew għeri, jew marid, jew fil-ħabs, u aħna ma waqafniex miegħek?”. Iweġibhom imbagħad u jgħidilhom: “Tassew, ngħidilkom, dak li ma għamiltux ma’ wieħed minn dawk iż-żgħar, anqas miegħi ma għamiltuh”.
U dawn imorru fit-tbatija ta’ dejjem u l-ġusti fil-ħajja ta’ dejjem”.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu