2 ta’ Frar
Il-Preżentazzjoni
tal-Mulej
Festa
Qari
Mal 3,1-4
Qari mill-Ktieb tal-Profeta Malakija
Dan jgħid il-Mulej
Alla: Arawni, sa nibgħat il-messaġġier tiegħi iwitti t-triq quddiemi.
U jasal minnufih fit-tempju tiegħu s-Sid
mistenni minnkom.
U dan l-Anġlu tal-patt, li intom imxennqa
għalih, dalwaqt ġej. Hekk jgħid il-Mulej tal-eżerċti.
Min sa jiflaħ għal-jum il-miġja tiegħu? Min sa jżomm
fuq riġlejh għad-dehra tiegħu? Għax hu bħan-nar
tal-ħaddied, bħas-soder fin tal-ħassiela!
Jintefa’ bilqiegħda jdewweb u jnaddaf
il-fidda, u jsaffi u jirfina n-nisel ta’ Levi bħallikieku deheb u fidda.
Huma mbagħad jersqu quddiem il-Mulej b’offerta xierqa. U ssir togħġbu lill-Mulej kull
offerta ta’ art Ġuda u Ġerusalemm, bħal fiż-żmien
imbiegħed, bħal fis-snin ta’ qabel.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr
lil Alla.
jew
Qari
Sar jixbah lil
ħutu f’kollox.
Lhud 2,
14-18
Qari mill-Ittra lil-Lhud.
Billi l‐ulied għandhom l‐istess demm u ġisem, Ġesù
wkoll bl‐istess mod sar bħalhom, biex b’mewtu jeqred
is‐setgħa ta’ dak li kellu l‐mewt f’idejh, jiġifieri
x‐xitan, u jeħles ’il dawk kollha li, minħabba
fil‐biża’ tal‐mewt, kienu mjassrin għal għomorhom
kollu. Għax tabilħaqq, mhux lill‐anġli jrid jgħin,
imma lil ulied Abraham. Għalhekk kellu jkun jixbah lil ħutu
f’kollox, biex ikun qassis ħanin u fidil f’dak li għandu x’jaqsam ma’ Alla, u
biex ipatti għad‐dnubiet tal‐poplu. Għax, billi hu stess
bata u kien imġarrab, jaf jgħin ’il dawk li huma fit‐tiġrib.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.
Salm Responsorjali
23,
7-10
R/. Il-Mulej hu s-Sultan tal-Glorja.
Intrefgħu, o bibien,
infetħu, intom bibien
ta’ dejjem,
ħalli jidħol
is-Sultan tal-glorja! R/.
Min hu dan is-Sultan
tal-glorja?
Hu l-Mulej
tal-eżerċti:
hu s-Sultan tal-glorja! R/.
Akklamazzjoni għall-Evanġelju
Lq 2, 32
R/. Hallelujah
Dawl biex idawwal il-ġnus
u glorja tal-poplu tiegħek Iżrael.
R/. Hallelujah
Evanġelju
Għajnejja raw is-salvazzjoni tiegħek.
Lq 2, 22-40
Qari
mill-Evanġelju skont San Luqa.
Meta għalqilhom
iż-żmien għat-tisfija tagħhom, skont il-Liġi ta’ Mosè, ħadu lil Ġesù f’Ġerusalemm biex jippreżentawh lill-Mulej, bħalma hu miktub fil-Liġi tal-Mulej, ‘Kull tifel li jitwieled l-ewwel
wieħed, ikun ikkonsagrat lill-Mulej,’ u biex joffru b’sagrifiċċju
‘par gamiem jew żewġ bċieċen,’ kif jingħad
fil-Liġi tal-Mulej.
Kien hemm f’Ġerusalemm raġel jismu Xmun.
Dan kien raġel ġust u tajjeb, li kien jistenna l-faraġ ta’
Israel, u l-Ispirtu s-Santu kien fuqu. U kien imnebbaħ mill-Ispirtu
s-Santu li ma kienx sa jara l-mewt qabel ma jara lil Kristu l-Mulej.
Ġie mela fit-Tempju, imqanqal mill-Ispirtu, u
xħin il-ġenituri ġiebu t-tarbija Ġesù biex jagħmlulu
dak li kienet trid il-Liġi, huwa ħadu fuq dirgħajh, bierek ’l
Alla u qal: “Issa, o Sid, tista’ tħalli l-qaddej tiegħek imur
fis-sliem, skont kelmtek; għaliex għajnejja raw is-salvazzjoni
tiegħek, li int ħejjejt għall-popli kollha: dawl biex idawwal
il-ġnus, u glorja tal-poplu tiegħek Israel.” Missieru u ommu
baqgħu mistagħġba b’dak li kien qiegħed jingħad fuqu. Xmun berikhom, u qal lil Marija, ommu:
“Ara, dan sa jġib il-waqgħa u l-qawmien ta’
ħafna f’Israel; sa jkun sinjal u jmeruh – u int ukoll, min-naħa
tiegħek, sejf jinfidlek ruħek! – ħalli jinkixfu l-ħsibijiet
moħbija ta’ ħafna.”
Kien hemm ukoll waħda
profetissa, Anna, bint Fanwel, mit-tribù ta’
Aser. Din kienet imdaħħla ħafna
fiż-żmien; wara xbubitha kienet għamlet seba’ snin
miżżewġa, u mbagħad baqgħet armla.
Sakemm kellha erbgħa u tmenin
sena ma kinitx titwarrab mit- Tempju, lejl u nhar taqdi fis-sawm u t-talb.
Dak il-ħin stess waslet, u bdiet
tfaħħar ’l Alla u titkellem fuq it-tarbija ma’ dawk kollha li kienu
jistennew il-fidwa ta’ Ġerusalemm. Meta temmew kulma kellhom jagħmlu skont il-Liġi tal-Mulej, reġgħu lura lejn il-Galilija,
fil-belt tagħhom Nazaret. U t-tifel
baqa’ jikber u jitqawwa u jimtela bl-għerf. U l-grazzja t’Alla
kienet fuqu.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek
Kristu.