Is-Sitta u Għoxrin Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena
Il-Ġimgħa
Qari I
Aħna dnibna quddiem il-Mulej, ma smajniex minnu.
Bar 1, 15-22
Qari mill-Ktieb tal-Profeta Baruk
Il-ġustizzja hi min-naħa
tal-Mulej, Alla tagħna; iżda
min-naħa tagħna, kif aħna
llum, aħna għandna l-għajb ma’ wiċċna, ma’ wiċċ kull bniedem
ta’ Ġuda, u ma’ wiċċ
kull min joqgħod Ġerusalemm, ma’ wiċċ is-slaten u l-prinċpijiet, u ma’ wiċċ
il-qassisin u l-profeti tagħna, u ma’ wiċċ missirijietna. Għax aħna dnibna quddiem il-Mulej, ma tajniex
widen għall-Mulej Alla
tagħna, meta sejħilna biex inġibu ruħna skont il-kmandamenti li tana l-Mulej, ma smajniex minnu. Sa
minn meta l-Mulej ħareġ lil missirijietna mill-art tal-Eġittu sal-lum, aħna qomna kontra l-Mulej Alla tagħna, ġibna ruħna bla ħsieb
u ma smajniex il-leħen
tiegħu.
Għalhekk qabdu magħna l-hemm u s-saħta, li l-Mulej kien ħabbrilna permezz tal-qaddej tiegħu Mosè, meta ħareġ lil missirijietna mill-art tal-Eġittu, biex jagħtina art tnixxi ħalib u għasel; u hekk għadna sal-lum.
Ma smajniex leħen
il-Mulej, Alla tagħna, f’kulma qalilna permezz tal-profeti li bagħtilna, iżda kull wieħed minna mexa skont
il-qalb ħażina tiegħu billi qdejna allat
oħra u għamilna dak li hu ħażin quddiem il-Mulej,
Alla tagħna.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Salm Responsorjali
Salm 78 (79), 1-2.3-5.8.9
R/. (9b): Eħlisna Mulej,
f’ġieħ is-sebħ
tal-isem tiegħek
O Alla, daħlu
l-ġnus f’wirtek,
niġġsu t-tempju mqaddes tiegħek,
għamlu ’l Ġerusalemm ħerba waħda.
Taw l-iġsma tal-qaddejja
tiegħek b’ikel lit-tjur tal-ajru;
taw laħam ħbiebek lill-bhejjem tal-art. R/.
Xerrdulhom demmhom bħal ilma
madwar Ġerusalemm;
u ma kienx hemm min jidfinhom.
Waqajna għaċ-ċajt mal-ġirien
tagħna,
għad-daħk u ż-żebliħ għal ta’ madwarna.
Mulej, għal dejjem se tibqa’ inkurlat magħna?
Se tibqa’ mkebbsa bħan-nar il-ħeġġa
tiegħek? R/.
Tiftakrilniex il-ħtijiet tal-imgħoddi;
fittex ejja u lqagħna bi ħnientek,
għax ninsabu mifnija għall-aħħar.
Għinna, o Alla, Salvatur tagħna,
f’ġieħ is-sebħ tal-isem tiegħek;
eħlisna u aħfrilna dnubietna,
minħabba l-isem tiegħek. R/.
Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
ara Salm 94
(95), 8ab
Hallelujah. R/. Hallelujah
Illum la twebbsux qalbkom,
iżda isimgħu leħen il-Mulej.
R/. Hallelujah
Evanġelju
Min iwarrab lili jkun iwarrab lil
dak li bagħatni.
Lq 10, 13-16
Qari mill-Evanġelju skont San Luqa
F’dak iż-żmien, Ġesù qal: “Ħażin għalik, Korożajn! Ħażin għalik, Betsajda! Għax kieku l-mirakli li saru fikom saru
f’Tir u Sidon, kieku ilhom li nidmu
u libsu l-ixkejjer u qagħdu fuq ir-rmied. Imma l-ġudizzju għad
ikun eħfef għal Tir u Sidon milli għalikom. U int, Kafarnahum, taħseb li se togħla sas-sema? Sa ġol-qiegħ
għad tinxteħet! Min jisma’ lilkom ikun
jisma’ lili, u min iwarrab lilkom ikun iwarrab lili; imma min iwarrab lili jkun
iwarrab lil dak li bagħatni”.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu