29 ta’ Lulju

Santa Marta

Tifkira Obbligatorja

 

Qari I

1Ġw 4: 7-16

 

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Ġwann Appostlu

 

Geżież, ejjew inħobbu ’l xulxin, għax l-imħabba ġejja minn Alla, u kull min iħobb hu mwieled minn Alla u jagħraf lil Alla. Dak li ma jħobbx ma għarafx lil Alla, għax Alla hu mħabba. B’dan dehritilna l-imħabba ta’ Alla, għax Alla bagħat lil Ibnu l-waħdieni fid-dinja biex ngħixu bih. U hawn qiegħda l-imħabba: mhux għax aħna ħabbejna ’l Alla, imma għax ħabbna hu, u bagħat lil Ibnu bħala tpattija għal dnubietna. Għeżież, jekk Alla ħabbna daqshekk, aħna wkoll għandna nħobbu ’l xulxin. Lil Alla għadu ħadd ma rah, imma jekk nħobbu ’l xulxin hu jgħammar fina, u mħabbtu ssib il-milja tagħha fina. B’hekk nafu li aħna ngħammru fih u hu fina, għax tana sehem mill-Ispirtu tiegħu.

   

Aħna rajna, u nagħtu xhieda, li l-Missier bagħat lil Ibnu biex ikun is-Salvatur tad-dinja. Kull min jistqarr li Ġesù hu l-Iben ta’ Alla, Alla jgħammar fih u hu f’Alla. Hekk aħna għarafna l-imħabba li Alla għandu għalina u emminnieha. Alla hu mħabba, u min jgħammar fl-imħabba jgħammar f’Alla, u Alla fih.

 

Il-Kelma tal-Mulej.

R/. Irroddu ħajr lil Alla.

 

Salm Responsorjali

33

 

R/. Ippruvaw u taraw kemm hu tajjeb il-Mulej!

 

Kull ħin imbierek il-Mulej,

tifħiru dejjem f’fommi.

Bil-Mulej tiftaħar ruħi,

jisimgħu l-fqajrin u jifirħu. R/.

 

Kabbru l-Mulej miegħi,

u ngħollu ismu flimkien

jien fittixt il-Mulej, u weġibni,

u minn kull biża’ ħelisni. R/.

 

Ħarsu lejh u tiddu bil-ferħ,

u wiċċkom ma jistħix.

Dan il-fqajjar sejjaħ il-Mulej, u semgħu,

u mid-dwejjaq kollha tiegħu ħelsu. R/.

 

L-anġlu tal-Mulej jgħammar madwar dawk li jibżgħu minnu,

u jeħlishom.

Ippruvaw u taraw kemm hu tajjeb il-Mulej;

hieni l-bniedem li jistkenn fih. R/.

 

Ibżgħu mill-Mulej, intom il-qaddisin tiegħu,

għax xejn ma jkun jonqsu minn jibża’ minnu.

L-imkabbrin jiftaqru u jkunu bil-ġuħ;

min ifittex lill-Mulej ma jkun jonqsu ebda ġid. R/.

 

Akklamazzjoni għall-Evanġelju

ara Ġw 8:12

 

R/. Hallelujah

Jiena d-dawl tad-dinja, jgħid il-Mulej;

u min jimxi warajja jkollu d-dawl tal-ħajja.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Lq 10: 38-42

jew jista’ jinqara Ġw 11: 19-27

 

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

 

F’dak iż-żmien: Ġesù daħal f’raħal, u laqgħetu għandha waħda mara jisimha Marta. Din kellha oħtha, jisimha Marija, li niżlet bilqegħda f’riġlejn il-Mulej tisimgħu x’kien qiegħed ighid.

   

Iżda Marta kienet moħħha fuq il-ħafna xogħol tad-dar. Imbagħad resqet u qaltlu: “Mulej, mintix tara kif oħti ħalliet ix-xogħol kollu fuqi biss? Mela għidilha taqbad tagħmel xi ħaġa miegħi!’’ Qabeż il-Mulej u qalilha: “Marta, Marta, inti tieħu rasek u tinkwieta fuq ħafna ħwejjeġ: imma ħaġa waħda hi meħtieġa. Hi Marija li għażlet is-sehem it-tajjeb, u ma jitteħdilhiex.”

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu.