Għall-Quddies tas-Sibt filgħaxija fittex il-Qari tal-Ħadd minn hawn ...
Is-Sittax-il Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena
Is-Sibt
Qari I
Huwa din id-dar li fuqha ssejjaħ ismi, saret xi għar tal-ħallelin f’għajnejkom?
Ġer 7, 1-11
Qari mill-Ktieb tal-Profeta Ġeremija
Il-kelma li ġiet lil Ġeremija mill-Mulej: “Mur oqgħod f’bieb it-tempju tal-Mulej u hemmhekk xandar din il-kelma u għid: Isimgħu l-kelma tal-Mulej, nies kollha ta’ Ġuda, intom li tidħlu minn dawn il-bibien biex tinxteħtu taduraw il-Mulej. Dan jgħid il-Mulej tal-eżerċti, Alla ta’ Iżrael: Tejbu l-imġiba tagħkom u għemilkom, u jiena nħallikom tgħixu f’dan il-post. Isserrħux raskom bi kliem qarrieq, u tgħidu: “Hawn hu t-tempju tal-Mulej, it-tempju tal-Mulej, it-tempju tal-Mulej!”.
Għax jekk tassew ittejbu l-imġiba tagħkom u għemilkom, jekk tassew tagħmlu l-ġustizzja bejn bniedem u sieħbu, jekk ma taħqrux il-barrani, l-iltim u l-armla, u ma xxerrdux demm bla ħtija f’dan il-post, u ma tmorrux wara allat oħra bi ħsara għalikom stess, jiena nħallikom tgħixu f’dan il-post, fl-art li tajt lil missirijietkom minn dejjem għal dejjem. Imma intom isserrħu raskom bi kliem qarrieq u bla fejda; tisirqu, toqtlu, taqgħu fiż-żína, taħilfu fil-falz, taħarqu l-inċens quddiem Bagħal, tmorru wara allat oħra li ma tafuhomx, u mbagħad tiġu u tieqfu quddiemi f’din id-dar li fuqha ssejjaħ ismi, u tgħidu: “Aħna salvi”, mhux ħlief biex tissuktaw f’dawn l-għemejjel mistkerrha kollha. Huwa din id-dar li fuqha ssejjaħ ismi, saret xi għar tal-ħallelin f’għajnejkom? Araw, dan rajtu jiena nnifsi! Oraklu tal-Mulej”.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Salm Responsorjali
Salm 83 (84), 3.4.5-6a u 8a.11
R/. (14a): Kemm hi għażiża d-dar tiegħek, Mulej tal-eżerċti!
Tixxennaq u tinfena ruħi għat-tempju tal-Mulej;
ngħanni ferħan b’ruħi u ġismi lil Alla l-ħaj R/.
Sal-għasfur isib fejn jgħammar,
u l-ħuttafa ssib il-bejta ħdejn l-altari tiegħek;
hemm hi tqiegħed iż-żgħar tagħha,
Mulej tal-eżerċti, Sultan u Alla tiegħi! R/.
Henjin dawk li jgħammru f’darek;
huma jfaħħruk għal dejjem.
Henjin dawk li jsibu fik il-qawwa tagħhom,
jimxu u aktar jissaħħu. R/.
Għax jum wieħed fit-tempju tiegħek
aħjar minn elf jum f’post ieħor;
aħjar noqgħod fuq l-għatba ta’ dar Alla tiegħi
milli ngħammar fit-tined tal-ħżiena. R/.
Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
Ġak 1, 21bċ
Hallelujah. R/. Hallelujah
Ilqgħu bil-ħlewwa l-Kelma mħawla fikom,
li tista’ ssalvalkom ruħkom.
R/. Hallelujah
Evanġelju
Erħulhom jikbru t-tnejn flimkien sal-ħsad.
Mt 13, 24-30
Qari mill-Evanġelju skont San Mattew
F’dak iż-żmien, Ġesù ġab parabbola oħra lill-folla u qalilhom: “Is-Saltna tas-Smewwiet tixbah lil wieħed raġel li żara’ żerriegħa tajba fl-għalqa tiegħu. Iżda xħin in-nies kienu reqdin, ġie l-għadu tiegħu, żara’ s-sikrana qalb il-qamħ u telaq. Meta mbagħad il-qamħ nibet u ħareġ is-sbul, tfaċċat ukoll is-sikrana. Resqu l-qaddejja fuq sid l-għalqa u qalulu: “Sinjur, int mhux żerriegħa tajba żrajt fl-għalqa tiegħek? Mela dis-sikrana mnejn ġiet?”. Iżda hu qalilhom: “Dil-biċċa għamilhieli xi għadu tiegħi!”. “Tridx immorru niġbruha?”, qalulu l-qaddejja. Qalilhom: “Le, għax intom u tiġbru s-sikrana għandkom mnejn taqilgħu magħha l-qamħ ukoll. Erħulhom jikbru t-tnejn flimkien sal-ħsad; meta mbagħad jasal il-ħsad, ngħid lill-ħassada: Iġbru s-sikrana l-ewwel, u orbtuha qatta qatta għall-ħruq, imbagħad qiegħdu l-qamħ fil-maħżen tiegħi”.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu