Stampa t-test tal-qari tas-Sibt tar-Raba' Ġimgħa tal-Għid ...
Stampa t-test tal-qari tat-Tifkira ta' Santa Ġianna Beretta Molla ...
Għall-Quddies tas-Sibt filgħaxija fittex il-Qari tal-Ħadd minn hawn ...
Ir-Raba’ Ġimgħa tal-Għid
Is-Sibt
Qari I
Aħna se nduru fuq il-pagani.
Atti 13, 44-52
Qari mill-Ktieb tal-Atti tal-Appostli
Is-Sibt ta’ wara, tista’ tgħid il-belt ta’ Antjokja kollha nġabret biex tisma’ l-kelma tal-Mulej. Il-Lhud, meta raw il-folol, imtlew bl-għejra u bdew imieru lil Pawlu u jidgħulu. Imma Pawlu u Barnaba bil-kuraġġ kollu qalu: “Hekk kien meħtieġ, li l-kelma ta’ Alla titħabbar lilkom l-ewwel. Billi intom qegħdin twarrbuha, u jidhrilkom li ma tistħoqqilkomx il-ħajja ta’ dejjem, aħna se nduru fuq il-pagani. Għax hekk ordnalna l-Mulej: “Jien għamiltek dawl tal-ġnus, biex twassal is-salvazzjoni sa truf l-art”.
Il-pagani, meta semgħu dan, bdew jifirħu u jigglorifikaw il-kelma tal-Mulej, u dawk kollha li kienu magħżula għall-ħajja ta’ dejjem emmnu. Hekk il-Kelma tal-Mulej baqgħet tixtered mal-art kollha. Imma l-Lhud xewxu n-nisa twajba u magħrufa u wkoll il-kbarat tal-belt, u qajmu persekuzzjoni kontra Pawlu u Barnaba u keċċewhom ’il barra minn arthom. Huma farfru għal fuqhom it-trab minn ma’ riġlejhom u marru Ikonju. Iżda d-dixxipli mtlew bil-ferħ u bl-Ispirtu s-Santu.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Salm Responsorjali
Salm 97 (98), 1.2-3ab.3ċd-4
R/. (3ċd): L-art kollha, minn tarf għall-ieħor,
rat is-salvazzjoni ta’ Alla tagħna
jew: Hallelujah, hallelujah, hallelujah
Għannu lill-Mulej għanja ġdida,
għax għamel ħwejjeġ tal-għaġeb.
Ġibitlu r-rebħa l-leminija tiegħu,
u d-driegħ imqaddes tiegħu. R/.
Għarraf il-Mulej is-salvazzjoni tiegħu,
f’għajnejn il-ġnus wera l-ġustizzja tiegħu.
Ftakar fit-tieba u l-fedeltà tiegħu
mal-poplu ta’ Iżrael. R/.
L-art kollha, minn tarf għall-ieħor,
rat is-salvazzjoni ta’ Alla tagħna.
Għajtu bil-ferħ lill-Mulej fl-art kollha,
infexxu fil-hena, ifirħu u għannu! R/.
Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
Ġw 8, 31b-32
Hallelujah. R/. Hallelujah
Jekk iżżommu fil-kelma tiegħi,
tkunu tassew dixxipli tiegħi, jgħid il-Mulej, u tagħrfu l-verità.
R/. Hallelujah
Evanġelju
Min ra lili ra lill-Missier.
Ġw 14, 7-14
Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann
F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Kieku għaraftu lili, kontu tagħrfu wkoll lil Missieri. Minn issa ’l quddiem tagħrfuh, anzi diġà rajtuh”. Qallu Filippu: “Mulej, urina l-Missier, u jkun biżżejjed għalina”. Ġesù wieġeb: “Ili daqshekk magħkom, Filippu, u għadek ma għaraftnix? Min ra lili ra lill-Missier. Kif tgħidli: “Urina l-Missier”? Ma temminx li jiena fil-Missier u l-Missier fija? Il-kliem li ngħidilkom jien, ma ngħidux minn moħħi iżda l-Missier li jgħammar fija qiegħed jagħmel l-opri tiegħu. Emmnuni! Jiena fil-Missier u l-Missier huwa fija. Jekk mhux għal ħaġ’oħra, emmnuni minħabba dawn l-opri stess.
Tassew tassew ngħidilkom, min jemmen fija hu wkoll għad jagħmel l-opri li qiegħed nagħmel jien, u akbar minnhom għad jagħmel, għax jiena sejjer għand il-Missier. U jekk titolbu xi ħaġa f’ismi jiena nagħmilha, biex il-Missier ikun igglorifikat permezz ta’ Ibnu. Iva, jekk titolbuni xi ħaġa f’ismi, jiena nagħmilha.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu
fuq xbihet Alla ħalqu.
Raw għajnejk l-għemejjel tiegħi:
kollha nkitbu fil-ktieb tiegħek. Hallelujah.
Agħmel, o Missier, li l-fidili tiegħek,
fuq l-eżempju ta’ Santa Gianna,
jgħixu b’fedeltà l-grazzja
tal-konsagrazzjoni fl-imħabba taż-żwieġ u l-familja,
u jilqgħu bi gratitudni l-ulied,
li fihom tiddi l-istess xbieha ta’ Kristu,
huma u jdawruhom bi mħabba attenta
sa mill-ewwel waqtiet ta’ ħajjithom.
Bl-istess Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla,
u miegħek jgħix u jsaltan,
flimkien mal-Ispirtu s-Santu,
għal dejjem ta’ dejjem.
O Alla, li mlejt lil Santa Gianna bil-qawwa ta’ Kristu,
hekk li għarfet toffri l-ogħla xhieda
tal-imħabba materna,
agħti lill-poplu tiegħek,
li qed jiċċelebra s-sagrifiċċju tal-fidwa,
li jweġġaħ u jħares dejjem bi mħabba reliġjuża
l-ħajja umana,
sinjal u don tat-tjieba bla tmiem tiegħek.
Bi Kristu Sidna.
Prefazju tal-Qaddisin (I/II)
ANTIFONA TAT-TQARBIN Mt 25:40
Tassew, ngħidilkom:
kulma għamiltu ma’ wieħed mill-iżgħar fost dawn ħuti,
għamiltuh miegħi, jgħid il-Mulej. Hallelujah.
TALBA WARA T-TQARBIN
kebbes f’qalbu mħabba sinċiera,
u agħmel li,
għall-interċessjoni ta’ Santa Gianna,
b’rieda sħiħa u b’għemil xieraq,
jirrispetta u jħares dejjem id-dinjità invjolabbli tal-bniedem,
li Kristu nnifsu, bl-istess demm tiegħu,
feda u għolla għal dinjità akbar.
Hu li jgħix u jsaltan għal dejjem ta’ dejjem.