It-Tielet Ġimgħa tar-Randan
It-Tlieta
Qari I
B’qalbna niedma u ruħna mċekkna, jalla nkunu ningħoġbu quddiemek, Mulej.
Dan 3, 25.34-43
Qari mill-Ktieb tal-Profeta Danjel
F’dak iż-żmien, Għażarija waqaf f’nofs in-nar,
fetaħ fommu u talab u qal:
“Minħabba f’ismek, la titlaqniex għal kollox,
la tħassarx il-patt tiegħek;
la twarrabx il-ħniena tiegħek minn fuqna,
minħabba f’Abraham, il-ħabib tiegħek,
u minħabba f’Iżrael, il-qaddis tiegħek.
Lilhom int kont wegħidt nisel bla għadd,
daqs il-kwiekeb tas-sema u r-ramel ta’ xatt il-baħar.
Għax aħna, Mulej, sirna l-iżgħar fost il-ġnus,
u minħabba fi dnubietna
illum aħna ċċekkinna fid-dinja kollha.
U bħalissa la hemm iżjed prinċep,
la profeta u lanqas mexxej;
la hemm offerta tal-ħruq u lanqas sagrifiċċju,
la offerta u lanqas inċens,
u lanqas baqa’ mkien fejn noffrulek l-ewwel frott tagħna,
jew fejn nitolbuk ħniena.
Madankollu, b’qalbna niedma u ruħna mċekkna,
jalla nkunu ningħoġbu quddiemek,
qisna b’sagrifiċċji tal-ħruq ta’ nagħaġ u barrin,
qisna b’eluf ta’ ħrief imsemmna;
ħa jkun hekk illum is-sagrifiċċju tagħna quddiemek,
u jalla nimxu għal kollox warajk,
għax xejn ma jitħawdu dawk li jittamaw fik.
U issa b’qalbna kollha nimxu warajk,
nibżgħu minnek u nfittxu lilek.
Twaqqgħalniex wiċċna fl-art,
iżda ġib ruħek magħna skont il-ħlewwa u l-kobor tal-ħniena tiegħek.
Eħlisna skont l-għemejjel tiegħek tal-għaġeb,
u sebbaħ, Mulej, lil ismek”.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Salm Responsorjali
Salm 24 (25), 4bċ-5ab.6-7bċ.8-9
R/. (6a): Ftakar fil-ħniena u t-tieba tiegħek, Mulej
Triqatek, Mulej, għarrafni,
il-mogħdijiet tiegħek għallimni.
Mexxini fis-sewwa tiegħek u għallimni,
għax int Alla tas-salvazzjoni tiegħi. R/.
Ftakar fil-ħniena u t-tieba tiegħek,
għax huma minn dejjem, Mulej.
Inti tajjeb, Mulej;
ftakar fija skont it-tieba tiegħek. R/.
Tajjeb u sewwa l-Mulej;
għalhekk juri triqtu lill-ħatja.
mexxi l-imsejkna fis-sewwa,
jgħallem lill-fqajrin it-triq tiegħu. R/.
Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
Ġoel 2, 12-13
Glorja u tifħir lilek, Kristu!
Erġgħu duru lejja bi qlubkom kollha, jgħid il-Mulej,
għax jien twajjeb u ħanin.
R/. Glorja u tifħir lilek, Kristu!
Evanġelju
Jekk ma taħfrux lil xulxin minn qalbkom, anqas il-Missier ma jaħfer lilkom.
Mt 18, 21-35
Qari mill-Evanġelju skont San Mattew
F’dak iż-żmien, Pietru resaq lejn Ġesù u qallu: “Mulej, xi kemm-il darba jrid jonqosni ħija biex jiena naħfirlu? Sa seba’ darbiet?”. Wieġbu Ġesù: “Ma ngħidlikx sa seba’ darbiet. Imma sa sebgħa u sebgħin darba.
Għalhekk is-Saltna tas-Smewwiet nistgħu nxebbhuha ma’ wieħed sultan, li ried jagħmel il-kontijiet mal-qaddejja tiegħu. Kif beda jagħmel dan, ħadulu quddiemu wieħed li kellu jagħtih għaxart elef talent. Billi ma kellux minn fejn iroddhomlu, is-sinjur ordna li jinbiegħu hu, martu, uliedu u kulma kellu, ħalli b’hekk jitħallas id-dejn. Imma l-qaddej inxteħet quddiemu jitolbu u jgħidlu: “Sinjur, stabar ftit bija; kollox irroddlok”. Is-sinjur ġietu ħasra minn dak il-qaddej, bagħtu u ħafirlu dejnu.
Mela dak il-qaddej joħroġ, u jiltaqa’ ma’ wieħed minn sħabu, li kellu jagħtih mitt dinar; qabdu minn għonqu u beda jagħfsu. “Ħallas dejnek”, qallu. Il-qaddej sieħbu nxteħet quddiemu jitolbu bil-ħniena u jgħidlu: “Stabar ftit bija u rroddlok”. Imma dak ma riedx jaf, mar u xeħtu l-ħabs sa ma jrodd kulma kellu jagħtih.
Sħabu l-qaddejja raw il-ġrajja kollha u sewdu qalbhom ħafna; marru għand is-sinjur tagħhom u tarrfulu kulma kien ġara. Imbagħad is-sinjur bagħat għalih u qallu: “Ja qaddej ħażin, meta jiena ħfirtlek dak id-dejn kollu wara li tlabtni bil-ħniena, ma kienx imissek int ukoll tħenn għal sieħbek kif ħennejt jien għalik?”. U saħan bl-aħrax is-sinjur għalih, u tah f’idejn min jaħqru sa ma jrodd kulma kellu jagħti.
Hekk jagħmel lilkom Missieri li hu fis-Smewwiet jekk ma taħfrux lil xulxin minn qalbkom”.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu