24 ta’ Diċembru
Quddiesa ta’ filgħodu
Qari I
Is-saltna ta’ David tibqa’ għal dejjem quddiem il-Mulej.
2 Sam 7, 1-5.8b-12.14a.16
Qari mit-Tieni Ktieb ta’ Samwel
Meta s-sultan David mar joqgħod f’daru, u l-Mulej serrħu mill-għedewwa kollha ta’ madwaru, is-sultan qal lil Natan il-profeta: “Issa, ara jiena qiegħed f’dar taċ-ċedru, u l-arka ta’ Alla qiegħda f’nofs ta’ tinda”. U qal Natan lis-sultan: “Kulma għandek fi ħsiebek li tagħmel, mur agħmlu, għax il-Mulej miegħek”. Imma dak il-lejl stess ġiet il-kelma tal-Mulej lil Natan u qallu: “Mur għid lill-qaddej tiegħi David: “Dan jgħid il-Mulej: Se tibnili int dar biex noqgħod fiha? Ara, jiena ħadtek mill-mergħat minn wara l-imrieħel biex tkun prinċep fuq il-poplu tiegħi Iżrael. Dejjem kont miegħek f’kulma kont tidħol għalih; u meta int qridt l-għedewwa tiegħek kollha minn quddiemek. Issa jiena nibnilek isem kbir jixbah l-ismijiet il-kbar li hawn fid-dinja. Nagħmel post għall-poplu tiegħi Iżrael, u nqiegħdu hemm fejn jgħammar bla biża’, u ma jgħakksuhx iżjed il-ħżiena bħalma għamlu sa minn dejjem, jiġifieri sa minn meta qajjimt l-imħallfin fuq il-poplu tiegħi Iżrael; u nserrħek mill-għedewwa tiegħek kollha. Lilek imbagħad il-Mulej jagħtik kelma li jibnilek dar. U meta inti ttemm żmienek, u tkun striħajt ma’ missirijietek, jiena nqajjem nislek warajk, nisel ħiereġ mill-ġewwieni tiegħek, u nsaħħaħ is-saltna tiegħu. Jiena nkun għalih missier, u hu jkun għalija iben. Il-familja tiegħek u s-saltna tiegħek jibqgħu sħaħ għal dejjem quddiemi. It-tron tiegħek jibqa’ sħiħ għal dejjem”.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Salm Responsorjali
Salm 88 (89), 2-3.4-5.27 u 29
R/. (ara 2a): It-tieba tal-Mulej irrid dejjem ngħanni
It-tieba tal-Mulej irrid dejjem ngħanni;
f’kull żmien ixandar fommi l-fedeltà tiegħek.
Għax jien għedt: “Tjubitek tibqa’ sħiħa għal dejjem;
bħas-smewwiet int wettaqt il-fedeltà tiegħek”. R/.
“Għamilt patt mal-magħżul tiegħi,
ħlift lil David, il-qaddej tiegħi:
Jien nagħmel li nislek jibqa’ għal dejjem,
li f’kull żmien jibqa’ sħiħ it-tron tiegħek”. R/.
“Hu jsejjaħli: “Int missieri
u Alla tiegħi, fortizza u salvazzjoni tiegħi!”
It-tieba tiegħi nżommha fuqu għal dejjem,
u l-patt tiegħi miegħu jibqa’ sħiħ”. R/.
Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
Hallelujah. R/. Hallelujah
O Xemx tielgħa,
dija tad-dawl ta’ dejjem u xemx tal-ġustizzja,
ejja u dawwal lil dawk
li jinsabu fid-dlamijiet u d-dell tal-mewt.
R/. Hallelujah
Evanġelju
Mill-għoli jiġi jżurna bħax-xemx tielgħa.
Lq 1, 67-79
Qari mill-Evanġelju skont San Luqa
F’dak iż-żmien, Żakkarija, missier Ġwanni, imtela bl-Ispirtu s-Santu u beda jħabbar u jgħid:
“Imbierek il-Mulej, Alla ta’ Iżrael,
għaliex ġie jżur u jifdi l-poplu tiegħu,
u waqqaf għalina qawwa ta’ salvazzjoni
f’dar David qaddej tiegħu,
bħalma wiegħed fl-imgħoddi b’fomm il-profeti qaddisin tiegħu,
biex isalvana mill-għedewwa tagħna,
u minn idejn dawk kollha li jobogħduna.
B’hekk juri ħniena ma’ missirijietna
u jiftakar fil-patt qaddis tiegħu,
fil-ħalfa li ħalef lil Abraham missierna:
li jagħtina l-grazzja li, wara li jeħlisna minn idejn l-għedewwa tagħna,
naqduh bla biża’, tul ħajjitna kollha,
bil-ġustizzja u l-qdusija quddiemu ħajjitna kollha.
U int, tfajjel, tissejjaħ profeta tal-aktar Għoli,
għax tmur qabel il-Mulej biex tħejjilu triqatu
u tgħarraf lill-poplu tiegħu bis-salvazzjoni permezz tal-maħfra ta’ dnubiethom,
mogħtija mill-qalb ħanina ta’ Alla tagħna,
li mill-għoli jiġi jżurna bħax-xemx tielgħa;
u jdawwal lil min jinsab fid-dlamijiet u d-dell tal-mewt,
u jmexxi l-passi tagħna fit-triq tas-sliem”.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu