Tlugħ il-Mulej fis-Sema

Solennità

 

Qari I

Kien meħud ’il fuq waqt li huma kienu jħarsu lejh.

Atti 1, 1-11

 

Bidu tal-Ktieb tal-Atti tal-Appostli

 

Fl-ewwel rakkont tiegħi, Teofilu, tkellimt fuq dak kollu li Ġesù kien għamel u għallem minn mindu beda sal-jum li fih kien meħud fis-sema, wara li, permezz tal-Ispirtu s-Santu, ta l-ordnijiet tiegħu lill-appostli li hu kien għażel.

 

Wara l-passjoni tiegħu dehrilhom u tahom ħafna provi li hu ħaj; f’erbgħin jum rawh kemm-il darba u kellimhom fuq il-ħwejjeġ tas-Saltna ta’ Alla. Meta kien għadu magħhom, ordnalhom biex ma jitilqux minn Ġerusalemm, imma joqogħdu jistennew sa ma sseħħ il-wegħda tal-Missier, “li fuqha – qalilhom – smajtu x’kont għedtilkom: Ġwanni għammed bl-ilma, imma intom, fi ftit jiem oħra titgħammdu bl-Ispirtu s-Santu”.

 

Kif kienu flimkien staqsewh: “Mulej, hu dan iż-żmien li fih int se terġa’ twaqqaf is-Saltna ta’ Iżrael?”. Hu weġibhom: “M’hijiex biċċa tagħkom li tkunu tafu l-waqt u ż-żmien li l-Missier għażel bis-setgħa tiegħu. Imma meta jiġi fuqkom l-Ispirtu s-Santu, intom tirċievu l-qawwa, u tkunu xhieda tiegħi f’Ġerusalemm, fil-Lhudija kollha u s-Samarija u sa truf l-art”.

 

Wara li qal dan, huma u jħarsu lejh, kien meħud ’il fuq, u sħaba ħadithulhom minn quddiem għajnejhom. Waqt li kienu b’għajnejhom fis-sema jħarsu lejh sejjer, f’daqqa waħda dehru ħdejhom żewġt irġiel libsin l-abjad, u qalulhom: “Irġiel tal-Galilija, x’intom tħarsu lejn is-sema? Dan Ġesù, li kien meħud minn magħkom lejn is-sema, għad jerġa’ jiġi kif rajtuh sejjer”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 46 (47), 2-3.6-7.8-9

 

R/. (6): Tela’ Alla b’għajat ta’ ferħ

Jew

Hallelujah, hallelujah, hallelujah

 

Popli kollha, ċapċpu idejkom,

għajtu b’leħen ta’ ferħ lil Alla!

Għax il-Mulej, l-Għoli, hu tal-biża’,

sultan kbir fuq l-art kollha. R/.

 

Tela’ Alla b’għajat ta’ ferħ,

il-Mulej bid-daqq tat-trombi.

Għannu lil Alla, għannu,

għannu lis-sultan tagħna, għannu. R/.

 

Għax Alla s-sultan tal-art kollha:

għannulu bis-sengħa għanja sabiħa.

Isaltan Alla fuq il-ġnus kollha,

joqgħod Alla fuq it-tron imqaddes tiegħu. R/.

 

Qari II

Alla qiegħed lil Sidna Ġesù fil-lemin tiegħu fis-smewwiet.

Ef 1, 17-23

 

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Efesin

 

Ħuti, Alla ta’ Sidna Ġesù Kristu, il-Missier tal-glorja, jagħtikom spirtu ta’ għerf u rivelazzjoni biex tagħrfuh sewwa. Hu jdawlilkom l-għajnejn ta’ qalbkom biex tagħrfu x’inhi t-tama tas-sejħa tagħkom; x’inhu l-għana tal-glorja tal-wirt li takom taqsmu mal-qaddisin.

 

Tagħrfu x’inhu l-kobor bla qjies tas-setgħa tiegħu fina li emminna,

skond il-ħila tal-qawwa kbira tiegħu

li ħaddem fi Kristu,

meta qajmu mill-imwiet

u qiegħdu fil-lemin tiegħu fis-smewwiet,

’il fuq minn kull Saltna u Setgħa,

minn kull Qawwa u Ħakma,

’il fuq minn kull isem li jissemma,

mhux biss għaż-żmien ta’ issa, imma wkoll għal li ġej.

Iva, qiegħed kollox taħt riġlejh,

u għamlu ras fuq il-Knisja kollha,

li hi Ġismu,

il-milja ta’ dak li jimla kollox f’kollox.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Mt 28, 19a.20b

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Morru agħmlu dixxipli mill-ġnus kollha, jgħid il-Mulej.

Jiena magħkom dejjem, sa l-aħħar taż-żmien.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Lili ngħatat kull setgħa fis-sema u fl-art.

Mt 28, 16-20

 

Għeluq tal-Evanġelju skond San Mattew

 

F’dak iż-żmien, il-ħdax-il dixxiplu telqu lejn il-Galilija u marru fuq il-muntanja fejn kien ordnalhom Ġesù. Kif rawh, inxteħtu quddiemu, għalkemm xi wħud iddubitaw. Ġesù resaq ikellimhom u qalilhom: “Lili ngħatat kull setgħa fis-sema u fl-art. Morru, mela, agħmlu dixxipli mill-ġnus kollha, u għammduhom fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu, u għallmuhom iħarsu dak kollu li ordnajtilkom jien. U ara, jiena magħkom dejjem, sa l-aħħar taż-żmien”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu