It-Tieni Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

Il-Ġimgħa

 

Qari I

Ma jkun qatt li mmidd idi fuqu, għax hu l-midluk tal-Mulej.

1 Sam 24, 3-21

 

Qari mill-Ewwel Ktieb ta’ Samwel

 

F’dak iż-żmien: Sawl ħa tlitt elef raġel magħżula minn fost Iżrael kollu, u mar ifittex lil David u n-nies tiegħu fuq in-naħa tal-Lvant ta’ Blat il-Mogħoż Selvaġġi. U wasal ħdejn l-imqawel tal-imrieħel fuq ittriq; kien hemm għar, u Sawl daħal fih biex jaqdi l-bżonnijiet tiegħu; u David u n-nies tiegħu kienu qegħdin ‘il ġewwa nett tal-għar.

 

U n-nies ta’ David qalulu: “Ara, dan hu l-jum li għalih il-Mulej qallek: “Ara, jien se nagħtik l-għadu tiegħek f’idejk, u tagħmel minnu kif jogħġbok”.“ U David qam, u ċarrat bis-serqa l-keffa tal-mantar ta’ Sawl. U ġara li David stess ħass il-kuxjenza tniggżu għax qata’ l-keffa tal-mantar ta’ Sawl. U qal lin-nies tiegħu: “Iħarisni l-Mulej! Ma jkun qatt li nagħmel dan lil sidi, il-midluk tal-Mulej, li mmidd idi fuqu, għax hu l-midluk tal-Mulej”. U David ipperswada lin-nies tiegħu bi kliemu, u ma ħallihomx iqumu għal Sawl. U Sawl qam u ħareġ mill-għar għal triqtu.

 

Imbagħad wara dan David ħareġ mill-għar u beda jgħajjat wara Sawl u jgħidlu: “Sidi s-sultan!”. U Sawl ħares lura, u David niżżel wiċċu sal-art quddiemu u sellimlu. U David qal lil Sawl: “Għaliex tisma’ milli jgħidulek in-nies: “Ara, David qiegħed ifittex jagħmillek id-deni”?. Ara, illum rajt b’għajnejk li l-Mulej illum erħiek f’idi fl-għar, imma jien ma ridtx noqtlok, għax għedt: “Ma mmiddx idi fuq sidi, għax hu l-midluk tal-Mulej”. Ara, missieri, il-keffa tal-libsa tiegħek f’idejja. Jien qtajt il-keffa ta’ mantarek, u ma qtiltekx. Ara, u kun af li ma hemm ebda ħażen jew qerq f’idejja, u ma offendejtek b’xejn, u b’dan kollu int tistadli ħajti biex tneħħihieli. Jagħmel ħaqq il-Mulej bejni u bejnek, u jitħallas minnek għalija l-Mulej. Imma idi ma tintrefax fuqek! Kif jgħid il-proverbju mill-qedem: “Mill-ħżiena joħroġ il-ħażen; iżda idi ma tintrafa’ qatt fuqek”. Wara min ħareġ issultan ta’ Iżrael? Wara min qiegħed tiġri int? Wara kelb mejjet, wara bergħud! Ħa jkun imħallef il-Mulej, u jagħmel ħaqq bejni u bejnek, ħa jara u jqis il-kawża tiegħi, u jeħlisni minn idejk”.

 

Meta David temm dan il-kliem, Sawl wieġeb: “Dan huwa leħnek, David, ibni?”. U Sawl għolla leħnu u beka. U ssokta jgħid lil David: “Int bniedem sewwa aktar minni, għax int għamilt il-ġid miegħi u jien għamiltlek id-deni. Imma llum int għamilt ġid akbar miegħi, għaliex il-Mulej erħieni f’idejk u int ma qtiltnix. Kif jista’ jkun li wieħed ifittex l-għadu tiegħu, u mbagħad iħallih għaddej għal triqtu bis-sliem? Il-Mulej jimliek bil-ġid u r-risq għal li għamilt miegħi llum. Illum għaraft li inti żgur issaltan, u f’idejk is-saltna ta’ Iżrael tkun fis-sod”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 56 (57), 2.3-4.6 u 11

 

R/. (2a): Ħenn għalija, o Alla, ħenn għalija

 

Ħenn għalija, o Alla, ħenn għalija,

għax fik jiena nsib il-kenn tiegħi;

għad-dell ta’ ġwenħajk nistkenn,

sakemm jgħaddi l-hemm minn fuqi. R/.

 

Insejjaħ lil Alla l-Għoli,

lil Alla, li jieħu ħsiebi.

Jibgħat mis-sema u jsalvani;

jitfa’ l-għajb fuq min jgħaffiġni;

jibgħat Alla t-tieba u l-fedeltà tiegħu. R/.

 

Ogħlal fuq mis-smewwiet, o Alla!

Uri l-glorja tiegħek fuq l-art kollha!

għax m’ogħla s-smewwiet it-tieba tiegħek,

sas-sħab il-fedeltà tiegħek. R/.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

2 Kor 5, 19

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Alla kien li ħabbeb il-ħolqien miegħu nnifsu permezz ta’ Kristu,

u fdalna l-ministeru ta’ din il-ħbiberija.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Sejjaħ lejh lil dawk li ried.

Mk 3, 13-19

 

Qari mill-Evanġelju skont San Mark

 

F’dak iż-żmien, Ġesù tela’ fuq l-għolja u sejjaħ lejh lil dawk li ried. Huma resqu lejh, u għażel tnax li semmiehom appostli biex jibqgħu miegħu u biex jibgħathom jippritkaw, u jkollhom is-setgħa li jkeċċu x-xjaten.

 

Għażel mela t-Tnax: Xmun, li tah ukoll l-isem ta’ Pietru, u Ġakbu ta’ Żebedew, u Ġwanni, ħu Ġakbu, li tahom ukoll l-isem ta’ Boanerges, jiġifieri wlied ir-ragħad, u Indrì, u Filippu, u Bartilmew, u Mattew, u Tumas, u Ġakbu ta’ Alfew, u Taddew, u Xmun il-Kanani, u Ġuda l-Iskarjota, dak li ttradieh.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu