It-Tieni Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

Il-Ħamis

 

Qari I

Sawl missieri qiegħed ifittex li joqtlok.

1 Sam 18, 6-9; 19, 1-7

 

Qari mill-Ewwel Ktieb ta’ Samwel

 

F’dak iż-żmien, meta David raġa’ lura wara li kien qatel il-Filisti, ħarġu n-nisa mill-ibliet kollha ta’ Iżrael bit-tnabar u bl-arpi, jgħajtu bil-ferħ, jgħannu u jiżfnu madwar is-sultan Sawl, jaqbżu u jwieġbul xulxin: “L-eluf tiegħu qatel Sawl; u David l-għaxriet tal-eluf tiegħu”. Dan deher ikrah f’għajnejn Sawl, u saħan bis-sħiħ u qal: “Lil David tawh għaxriet l-eluf, u lili tawni l-eluf; ma jonqoshomx jagħtuh ħlief is-saltna!”. U minn dakinharil quddiem beda jarah ikrah lil David.

 

U Sawl qal lil Ġonatan, ibnu, ul-qaddejja tiegħu biex joqtlu lil David; imma Gonatan bin Sawl kellu qalbu marbuta ma’ David. Ġonatan għarraf lil David u qallu: “Sawl missieri qiegħed ifittex li joqtlok. Issa, mela, qis li tgħasses minn għada filgħodu, u sib xi moħba, u żomm ruħek moħbi. Jien imbagħad noħroġ u noqgħod ħdejn missieri fir-raba’ fejn tkun int; jien inkellem lil missieri fuqek, u jekk nara xi ħaġa ngħarrfek”.

 

U Ġonatan tkellem tajjeb ma’ Sawl missieru fuq David: “Ma għandux għalfejn is-sultan jagħmel dan lill-qaddej tiegħu David! Għax ma għamillek ebda tort, anzi għamillek ħafna ġid. Hu lagħab ħajtu f’idejh u qatel il-Filisti u l-Mulej ta rebħa kbira lil Iżrael kollu. Int rajt dan kollu u fraħt. Għaliex trid tkun ħati ta’ demm innoċenti, u toqtol lil David għal xejn b’xejn?”. Sawl sama’ minn kliem Ġonatan, u ħalef u qal: “Daqs kemm hu ħaj il-Mulej, ma jmutx żgur!”.

 

Ġonatan sejjaħ lil David u għarrfu b’dan kollu: imbagħad ressqu quddiem Sawl, u baqa’ miegħu bħal qabel.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 55 (56), 2-3.9-10ab.10ċ-11.12-13

 

R/. (5bċ). F’Alla nafda, m’għandix għax nibża’

 

Ħenn għalija, o Alla, għax qegħdin ikasbruni,

il-jum kollu jagħmlu għalija u jagħfsu fuqi.

Il-jum kollu jkasbruni l-għedewwa tiegħi,

għax ħafna huma dawk li jeħduha miegħi. R/.

 

Int għaddejt kull ċaqliqa tiegħi;

iġma’ fi flixkun id-dmugħ tiegħi.

Mhuwiex dan fil-ktieb tiegħek?

Imbagħad jerġgħu lura l-għedewwa tiegħi,

meta jiena nsejjaħlek. R/.

 

Dan jien naf, li Alla hu miegħi.

Bl-għajnuna ta’ Alla nfaħħar kelmtu;

bl-għajnuna tal-Mulej infaħħar kelmtu. R/.

 

F’Alla nitma, m’għandix għax nibża’;

x’jista’ jagħmilli l-bniedem?

O Alla, jien marbut bil-wegħdiet tiegħek;

għalhekk irroddlok sagrifiċċji ta’ tifħir. R/.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

ara 2 Tim 1, 10

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Is-Salvatur tagħna Kristu Ġesù qered il-mewt,

u dawwal il-ħajja bla tmiem permezz tal-Evanġelju.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

L-ispirti ħżiena kienu jgħajtu: “Int l-Iben ta’ Alla!”. Iżda hu kien jordnalhom bis-sħiħ biex ma jurux min kien.

Mk 3, 7-12

 

Qari mill-Evanġelju skont San Mark

 

F’dak iż-żmien, Ġesù telaq flimkien mad-dixxipli tiegħu għan-naħa tal-baħar, u kotra kbira mill-Galilija marret warajh; u mil-Lhudija, minn Ġerusalemm, mill-Idumija, min-naħa l-oħra tal-Ġordan, u mill-inħawi ta’ Tir u Sidon, kotra kbira ta’ nies, li semgħu b’kulma kien għamel, marru ħdejh. Hu qal lid-dixxipli tiegħu biex iżommulu dgħajsa mħejjija fil-qrib minħabba l-kotra, biex ma jagħfsux fuqu; għax billi kien fejjaq ħafna nies dawk kollha li kellhom xi mard kienu jrossu fuqu biex imissuh. U l-ispirti ħżiena kull darba li kienu jilmħuh, kienu jinxteħtu fl-art quddiemu u jaqbdu jgħajtu: “Int l-Iben ta’ Alla!”. Iżda hu kien jordnalhom bis-sħiħ biex ma jurux min kien.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu