Il-Ħdax-il Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena
Il-Ġimgħa
Qari I
Dak il-ħafna ġej u sejjer tan-nies ta’ kuljum għandi, u l-ħsieb tal-knejjes kollha.
2 Kor 11, 18.21b-30
Qari mit-Tieni Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin
Ħuti, jekk ħafna jiftaħru ta’ bnedmin, ħa niftaħar jien. Imma – biex nitkellem ta’ iblah – f’dak li ħaddieħor jagħmel wiċċu, nagħmel wiċċi jiena wkoll. Huma Lhud? Jiena wkoll. Huma Iżraelin? Jiena wkoll. Huma nisel Abraham? Jiena wkoll. Huma ministri ta’ Kristu? Jiena – ħa nitkellem ta’ iblah! – jiena aktar minnhom. Ħafna aktar minnhom fit-taħbit, ħafna aktar minnhom fil-ħabsijiet, aktar u aktar minnhom fis-swat. Bosta drabi sibt ruħi wiċċ imb wiċċ mal-mewt.
Ħames darbiet qlajt mingħand il-Lhud l-erbgħin daqqa neqsin waħda; tliet darbiet tawni s-swat bil-virgi; darb’oħra ħaġġruni. Tliet darbiet rajt l-għarqa; għaddejt lejl u jum f’nofs ta’ baħar. Għamilt safar bla għadd; sibt ruħi f’perikli ta’ xmajjar, perikli mill-ħallelin, perikli min-nies ta’ ġensi, perikli mill-pagani, perikli fl-ibliet, perikli fid-deżert, perikli fil-baħar, perikli mill-aħwa qarrieqa. Taħbit u xogħol iebes; kemm-il darba kelli ngħaddi sahriet bla rqad, bil-ġuħ u bil-għatx; kemm-il darba kelli ngħaddi fis-sawm, fil-ksieħ u fl-għera!
U, biex ma nsemmix ħwejjeġ oħra, dak il-ħafna ġej u sejjer tan-nies ta’ kuljum għandi, u l-ħsieb tal-knejjes kollha! Min hu marid u m’iniex marid miegħu jien? Min hu dak li jsib min ifixklu, u jien ma nħossnix imbaqbaq? Jekk għandi niftaħar, niftaħar b’dak li hu dgħajjef fija.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Salm Responsorjali
Salm 33 (34), 2-3.4-5.6-7
R/. (ara 18b): Il-Mulej jeħles lill-ġusti mid-dwejjaq kollha tagħhom
Kull ħin inbierek il-Mulej;
tifħiru dejjem fuq fommi.
Bil-Mulej tiftaħar ruħi;
jisimgħu l-fqajrin u jifirħu. R/.
Xandru l-kobor tal-Mulej miegħi;
ħa ngħollu ismu flimkien.
Jien fittixt il-Mulej, u weġibni,
minn kull biża’ tiegħi ħelisni. R/.
Ħarsu lejh u jiddi bil-ferħ wiċċkom,
u ma jkollkomx għax tistħu.
Dan il-fqajjar sejjaħ u l-Mulej semgħu,
u mid-dwejjaq tiegħu kollha ħelsu. R/.
Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
Mt 5, 3
Hallelujah. R/. Hallelujah
Henjin il-foqra fl-ispirtu,
għax tagħhom hija s-Saltna tas-Smewwiet.
R/. Hallelujah
Evanġelju
Fejn hemm it-teżor tiegħek, hemm tinsab qalbek ukoll.
Mt 6, 19-23
Qari mill-Evanġelju skont San Mattew
F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Tgeddsux għalikom teżori f’din id-dinja, fejn kollox jitmermer bil-kamla u s-sadid, u fejn il-ħallelin jinfdu u jisirqu. Iżda ġemmgħu għalikom teżori fis-sema, fejn xejn ma jitmermer u la bil-kamla u lanqas bis-sadid, u fejn ma hemmx ħallelin jinfdu u jisirqu. Għax fejn hemm it-teżor tiegħek, hemm tinsab qalbek ukoll.
Il-musbieħ tal-ġisem hija l-għajn. Jekk mela għajnek hija safja, ġismek kollu jkun imdawwal. Iżda jekk għajnek hi marida, ġismek kollu jkun mudlam. Mela jekk id-dawl li hemm fik huwa dlam, kemm aktar id-dlam!”
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu