Is-Sitt Ġimgħa tal-Għid

Il-Ħamis

 

Qari I

Pawlu mar għandhom u qagħad jaħdem magħhom u kien imur jiddiskuti fissinagoga.

Atti 18, 1-8

 

Qari mill-Ktieb tal-Atti tal-Appostli

 

F’dak iż-żmien, Pawlu ħalla Ateni u mar Korintu. Hemm sab wieħed Lhudi minn Pontu, jismu Akwila, li kien għadu kemm wasal mill-Italja ma’ martu Prixxilla; għax l-imperatur Klawdju kien ordna biex il-Lhud kollha jitilqu minn Ruma.

 

Pawlu mar għandhom u, billi kellu l-istess sengħa tagħhom, qagħad jaħdem magħhom. Is-sengħa tagħhom kienet li jagħmlu t-tined. Kull nhar ta’ Sibt kien imur jiddiskuti fis-sinagoga u jfittex li jipperswadi lil-Lhud u l-Griegi.

 

Meta Sila u Timotju waslu mill-Maċedonja, Pawlu ta ruħu kollu kemm hu għax-xandir tal-kelma, u kien jixhed lil-Lhud li Ġesù huwa l-Messija. Iżda huma waqfulu u bdew jidgħulu, u għalhekk Pawlu farfar ħwejġu u qalilhom: “Intom taħtu għat-telfien tagħkom, jien ma għandix ħtija! Minn issa ’l quddiem se ngħaddi għal għand il-pagani”.


Imbagħad telaq minn hemm u mar għand wieħed jismu Titu Ġustu, li kien iqim lil Alla, u li daru kienet maġenb is-sinagoga. Krispu, il-kap tas-sinagoga, u l-familja tiegħu kollha emmnu fil-Mulej, u ħafna mill-Korintin, li kienu jisimgħu lil Pawlu, emmnu huma wkoll u tgħammdu.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 97 (98), 1.2-3ab.3ċd-4

 

R/. (ara 2b): Il-Mulej għarraf is-salvazzjoni tiegħu lill-ġnus

jew: Hallelujah, hallelujah, hallelujah

 

Għannu lill-Mulej għanja ġdida,

għax għamel ħwejjeġ tal-għaġeb.

Ġibitlu r-rebħa l-leminija tiegħu,

u d-driegħ imqaddes tiegħu. R/.

 

Għarraf il-Mulej is-salvazzjoni tiegħu,

f’għajnejn il-ġnus wera l-ġustizzja tiegħu.

Ftakar fit-tieba u l-fedeltà tiegħu

mal-poplu ta’ Iżrael. R/.

 

L-art kollha, minn tarf għall-ieħor,

rat is-salvazzjoni ta’ Alla tagħna.

Għajtu bil-ferħ lill-Mulej fl-art kollha,

infexxu fil-hena, ifirħu u għannu! R/.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

ara Ġw 14, 18

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Ma nħallikomx iltiema, jgħid il-Mulej,

nerġa’ niġi għandkom, u qalbkom tifraħ.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Għad iġġarrbu n-niket, imma n-niket tagħkom għad jitbiddel f’hena.

Ġw 16, 16-20

 

Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann

 

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: Ftit ieħor u ma tarawnix aktar; imbagħad ftit ieħor u terġgħu tarawni”. Għalhekk xi wħud mid-dixxipli tiegħu bdew jgħidu bejniethom: “X’ifisser dan li qiegħed jgħid: “Ftit ieħor u ma tarawnix aktar; imbagħad ftit ieħor u terġgħu tarawni”, u li: “Jiena sejjer għand il-Missier”?”. Għalhekk qalu: “X’inhu dan il-“ftit ieħor” li hu qiegħed jgħid? Ma nafux xi jrid jgħid”.

 

Ġesù għaraf li xtaqu jistaqsuh. Għalhekk qalilhom: “Qegħdin tistaqsu lil xulxin fuq dak li għedt: “Ftit ieħor u ma tarawnix aktar; imbagħad ftit ieħor u terġgħu tarawni”? Tassew tassew ngħidilkom, intom għad tibku u tingħu, iżda d-dinja għad tifraħ; għad iġġarrbu n-niket, imma n-niket tagħkom għad jitbiddel f’hena”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu