It-Tieni Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

It-Tnejn

 

Qari I

L-ubbidjenza hi aqwa mis-sagrifiċċji. Għax int warrabt il-kelma tal-Mulej, hu se jwarrab lilek minn sultan!

1 Sam 15, 16-23

 

Qari mill-Ewwel Ktieb ta’ Samwel

 

F’dak iż-żmien, Samwel qal lil Sawl: “Biżżejjed! Ħalli nuri x’qalli l-Mulej dal-lejl”. “Tkellem!” qallu dak. U Samwel qal: “Jaqaw mhux veru li, għalkemm int kont ċkejken f’għajnejk stess, int sirt prinċep fuq it-tribujiet ta’ Iżrael, u l-Mulej dilkek sultan ta’ Iżrael? U l-Mulej bagħtek fi triqtek u qallek: “Mur u eqred dawk il-midinbin, l-Għamalekin; aħbat għalihom sakemm teqridhom għalkollox”. L-għala, mela, ma smajtx mill-kelma tal-Mulej, u nxtħett fuq il-priża u għamilt il-ħażin f’għajnejn il-Mulej?”.

 

U Sawl wieġeb lil Samwel: “Jien smajt mill-kelma tal-Mulej! U qbadt it-triq li fiha bagħatni l-Mulej, ġibt miegħi lil Agag, sultan ta’ Għamalek, u qridt l-Għamalekin. Il-poplu ħa mill-priża nagħaġ u baqar, l-aħjar minn dawk li kienu mitluqa għall-qerda, biex joffrihom lill-Mulej, Alla tiegħek, f’Gilgal”.

 

U Samwel wieġeb: “Jaqaw il-Mulej jogħġbuh il-vittmi tal-ħruq u s-sagrifiċċji aktar mis-smigħ tal-kelma tal-Mulej? Ara, l-ubbidjenza hi aqwa mis-sagrifiċċji; is-smigħ, aħjar mix-xaħam tal-muntun.  Ir-ribelljoni daqs id-dnub tas-seħer, u li twebbes rasek daqs il-ħażen tal-qima tax-xbihat. Għax int warrabt il-kelma tal-Mulej, hu se jwarrab lilek minn sultan!”

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 49 (50), 8-9.16bċ-17.21 u 23

 

R/. (23b): Min jimxi bis-sewwa nurih is-salvazzjoni ta’ Alla

 

Ma nċanfrekx għas-sagrifiċċji tiegħek;

il-vittmi tiegħek maħruqa huma dejjem quddiemi.

Ma neħtieġ ebda għoġol minn tiegħek,

jew gidien mill-imrieħel tiegħek”. R/.

 

Lill-ħażin, imma, Alla jgħidlu:

“Kif titkellem fuq il-kmandamenti tiegħi,

u żżomm fuq xufftejk il-patt tiegħi,

int, li tobgħod it-twiddib,

u tixħet kliemi wara dahrek? R/.

 

Dan int għamilt, u jien bqajt sieket;

forsi ħsibt li jiena bħalek.

Issa se nċanfrek, u dan kollu nqiegħed quddiemek.

Min iroddli sagrifiċċju ta’ radd il-ħajr, dan isebbaħni;

lil min jimxi bis-sewwa nurih is-salvazzjoni ta’ Alla”. R/.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Lhud 4, 12

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Il-kelma ta’ Alla hi ħajja u qawwija,

tgħarbel il-ħsibijiet u l-fehmiet tal-qalb.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

L-għarus qiegħed magħhom.

Mk 2, 18-22

 

Qari mill-Evanġelju skont San Mark

 

Darba waħda d-dixxipli ta’ Ġwanni u l-Fariżej kienu sajmin, u ġew u qalu lil Ġesù: “Għaliex id-dixxipli ta’ Ġwanni u d-dixxipli tal-Fariżej isumu, u d-dixxipli tiegħek ma jsumux?”. Qalilhom Ġesù: “Huwa l-ħbieb tal-għarus se jsumu sakemm l-għarus ikun għadu magħhom? Sakemm ikollhom l-għarus magħhom mhumiex se jsumu. Imma jasal il-jum meta l-għarus jitteħdilhom, u mbagħad isumu dakinhar. Ħadd ma jraqqa’ mantar qadim b’biċċa drapp ġdida, għax inkella r-roqgħa l-ġdida ssellet il-qadim, u t- tiċrita tikber. U ħadd ma jqiegħed l-inbid il-ġdid f’damiġġani qodma tal-ġild, għax inkella l-inbid jifqa’ d-damiġġani, u jintilef kemm l-inbid u kemm id-damiġġani. Iżda nbid ġdid jitqiegħed f’damiġġani ġodda!”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu