Il-Ħmistax-il Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena
Is-Sibt
Qari I
Jekk jitlebilbu għall-għelieqi, jisirquhom; jekk għad-djar, jaħtfuhom.
Mik 2, 1-5
Qari mill-Ktieb tal-Profeta Mikea
Ħażin għalihom dawk li jfasslu l-ħsara,
dawk li jsawru d-deni fuq soddithom!
U jagħmluh mas-sebħ filgħodu,
għax idejhom għandhom is-setgħa.
Jekk jitlebilbu għall-għelieqi, jisirquhom;
jekk għad-djar, jaħtfuhom;
jagħmlu l-vjolenza fuq raġel u daru,
fuq is-sid u ġidu.
Għalhekk dan jgħid il-Mulej:
“Ara, kontra din ir-razza ta’ nies
qed infassal ħsibijiet ta’ ħsara, li ma teħilsux għonqkom minnha,
u ma tibqgħux timxu raskom merfugħa,
għax ikun żmien ħażin.
Dakinhar tiġu f’ilsien in-nies,
jgħannulkom għanja tal-biki u jgħidulkom:
“Aħna misruqin serqa għall-aħħar:
sehem il-poplu tiegħu qiegħed jitqies bil-ħbula,
m’hemm ħadd biex iroddhulu lura;
ir-raba’ tagħna sar sehem min seraqna”.
Għalhekk għalikom ma jkunx hemm min jixħet il-ħabel tal-qjies
bix-xorti fil-ġemgħa tal-Mulej”.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Salm Responsorjali
Salm 9 (10), 22-23.24-25.28-29.35
R/. (12b): Mulej, la tinsihomx lill-imsejknin
Għaliex, Mulej, int hekk imbiegħed?
Għaliex tinħeba waqt il-bżonn?
Fi kburitu l-ħażin lill-fqir jaħqar,
jaqbdu fin-nases li nasablu. R/.
Il-ħażin jiftaħar bix-xewqat ta’ qalbu,
fir-regħba tiegħu jisħet u jżeblaħ lill-Mulej.
Fi kburitu jkasbar lill-Mulej, u f’xejn ma jfittxu;
u Alla ma jidħolx fi ħsibijietu. R/.
Saħta, qerq u dnewwa fuq fommu;
għawġ u ħsara fuq ilsienu.
Wara l-ħitan tas-sejjieħ jissajja,
fil-moħbi joqtol nies bla ħtija;
għajnejh ifittxu lill-imsejken. R/.
Int tara, tabilħaqq, l-għawġ u l-ħsara,
u taħseb biex f’idejk teħodhom.
F’idejk jintelaq l-imsejken;
tal-iltim int sirt l-għajnuna. R/.
Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
2 Kor 5, 19
Hallelujah. R/. Hallelujah
Alla kien li ħabbeb il-ħolqien miegħu nnifsu permezz ta’ Kristu,
u fdalna l-ministeru ta’ din il-ħbiberija.
R/. Hallelujah
Evanġelju
Ordnalhom bis-sħiħ biex ma jurux min kien, biex hekk iseħħ dak li kien ingħad.
Mt 12, 14-21
Qari mill-Evanġelju skont San Mattew
F’dak iż-żmien, il-Fariżej ħarġu u bdew jiftiehmu bejniethom kontra Ġesù, kif se jeqirduh. Ġesù sar jaf b’dan u telaq minn hemm. Ħafna nies marru warajh u fejjaqhom kollha, u ordnalhom bis-sħiħ biex ma jurux min kien, biex hekk iseħħ dak li kien ingħad permezz tal-profeta Iżaija, meta qal:
“Ara l-Qaddej tiegħi li jiena ħtart,
l-għażiż tiegħi li bih ruħi tgħaxxqet!
Jien inqiegħed l-Ispirtu tiegħi fuqu
u hu jxandar il-ġustizzja lill-ġnus.
Ma jiksirha ma’ ħadd,
ma jgħollix leħnu
u ħadd ma jisma’ leħnu fil-pjazez.
Qasba mġelġla ma jiksirhiex,
u musbieħ inemnem ma jitfihx,
sa ma jwassal il-ġustizzja għar-rebħa,
u f’ismu jittamaw il-ġnus”.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu