Id-Dsatax-il Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena
It-Tlieta
Qari I
Agħmel il-ħila u qawwi qalbek, għax int Gożwè iddaħħal lil dan il-poplu fl-art imwiegħda.
Dewt 31, 1-8
Qari mill-Ktieb tad-Dewteronomju
Mosè qal dan il-kliem lil Iżrael kollu: “Illum jien għandi mija u għoxrin sena, u ma niflaħx nibqa’ dieħel u ħiereġ, u l-Mulej qalli: “Int ma taqsamx dan il-Ġordan”. Il-Mulej, Alla tiegħek, se jaqsam il-Ġordan quddiemek, jeqred dawk il-ġnus minn quddiemek u int tirithom. Ġożwè se jgħaddi quddiemek kif qallek il-Mulej, u l-Mulej jagħmlilhom bħalma għamel lil Sihon, u lil Għog, slaten tal-Amurrin, u lil arthom, u qeridhom. U l-Mulej jerħihom f’idejkom u tagħmlulhom skont l-ordni li jien tajtkom.
Agħmlu l-ħila u qawwu qalbkom; tibżgħux u titregħdux quddiemhom; għax hu, il-Mulej, Alla tiegħek, se jimxi miegħek; mhux se jħallik, u anqas jitilqek”.
U Mosè sejjaħ lil Ġożwè u qallu quddiem Iżrael kollu: “Agħmel il-ħila u qawwi qalbek, għax int iddaħħal lil dan il-poplu fl-art li l-Mulej ħalef lil missirijiethom li jagħtihielhom, u int tqassamhielhom. Il-Mulej jimxi quddiemek, hu jkun miegħek; ma jħallikx u anqas jitilqek; la tibżax u la taqtax qalbek!”
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Salm Responsorjali
Dewt 32, 3-4a.7.8.9 u 12
R/. (9a): Sehem il-Mulej baqa’ l-poplu tiegħu
Irrid inxandar isem il-Mulej;
faħħruh intom lil Alla tagħna!
Għax hu l-Blata tagħna; perfett għemilu;
u lkoll ġusti t-triqat tiegħu. R/.
Ftakar fil-jiem ta’ dari;
qis is-snin, kull żmien li gerbeb!
Staqsi ’l missierek u jurik,
lix-xjuħ tiegħek u jgħidulek. R/.
Meta Alla l-Għoli ’l ġnus qassmilhom sehemhom,
u l-bnedmin minn xulxin fired,
ħażżeż truf il-ġnus,
skont l-għadd ta’ wlied Alla. R/.
Imma sehem il-Mulej baqa’ l-poplu tiegħu,
Ġakobb sehem il-wirt tiegħu.
Il-Mulej mexxiehom waħdu,
u ebda alla ieħor ma kien miegħu. R/.
Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
Mt 11, 29ab
Hallelujah. R/. Hallelujah
Ħudu fuqkom il-madmad tiegħi, jgħid il-Mulej,
u tgħallmu minni, għaliex jiena ta’ qalb ħelwa u umli.
R/. Hallelujah
Evanġelju
Araw li ma tonqsux mill-istima lejn xi wieħed minn dawn iż-żgħar.
Mt 18, 1-5.10.12-14
Qari mill-Evanġelju skont San Mattew
F’dak il-waqt resqu d-dixxipli lejn Ġesù u staqsewh: “Mela min hu l-akbar fis-Saltna tas-Smewwiet?”. Hu sejjaħ lejh tfajjel ċkejken, qiegħdu f’nofshom u qalilhom: “Tassew ngħidilkom, li jekk intom ma terġgħux issiru bħat-tfal iż-żgħar, żgur li ma tidħlux fis-Saltna tas-Smewwiet. U għalhekk l-ikbar wieħed fis-Saltna tas-Smewwiet huwa dak li jċekken lilu nnifsu bħal dan it-tfajjel żgħir. U kull min jilqa’ tfajjel bħal dan minħabba f’ismi, ikun jilqa’ lili.
Araw li ma tonqsux mill-istima lejn xi wieħed minn dawn iż-żgħar; għax, ngħidilkom, l-anġli tagħhom fis-smewwiet dejjem jaraw wiċċ Missieri li hu fis-smewwiet.
Intom x’jidhrilkom? Jekk wieħed raġel ikollu mitt nagħġa u tintiliflu waħda minnhom, ma jħallix id-disgħa u disgħin l-oħra fuq l-għoljiet u jmur ifittex dik li tkun intilfitlu? U jekk jirnexxilu jsibha, tassew ngħidilkom jifraħ iktar biha milli bid-disgħa u disgħin l-oħra li ma jkunux intilfu. Hekk ukoll, anqas Missierkom li hu fis-smewwiet ma jrid li jintilef wieħed minn dawn iż-żgħar”.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu