L-Għaxar Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena
It-Tnejn
Qari I
Alla jfarraġna biex aħna nkunu nistgħu nfarrġu lil dawk kollha li jinsabu f’kull xorta ta’ hemm.
2 Kor 1, 1-7
Qari mit-Tieni Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin
Pawlu, appostlu ta’ Ġesù Kristu bir-rieda ta’ Alla, u Timotju, ħija, lill-Knisja ta’ Alla li qiegħda f’Korintu, flimkien mal-qaddisin kollha li qegħdin fl-Akaja: grazzja lilkom u sliem mingħand Alla l-Missier tagħna u l-Mulej Ġesù Kristu.
Imbierek Alla u Missier Sidna Ġesù Kristu, Missier il-ħniena u Alla ta’ kull faraġ. Hu jfarraġna fil-hemm kollu tagħna, biex aħna, permezz tal-faraġ li bih Alla jfarraġ lilna, inkunu nistgħu nfarrġu lil dawk kollha li jinsabu f’kull xorta ta’ hemm. Bħalma joktru fina s-sofferenzi ta’ Kristu, hekk ukoll permezz ta’ Kristu, joktor fina l-faraġ.
In-niket tagħna jservi għall-faraġ u s-salvazzjoni tagħkom; u jekk nitfarrġu, dan iservi għall-faraġ tagħkom, li jaħdem fikom biex ikollkom il-qawwa tissaportu s-sofferenzi li nissaportu aħna wkoll.
B’hekk, it-tama tagħna fikom hi dejjem qawwija, għax aħna nafu li, kif intom taqsmu magħna s-sofferenzi tagħna, hekk ukoll taqsmu l-faraġ tagħna.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Salm Responsorjali
Salm 33 (34), 2-3.4-5.6-7.8-9
R/. (9a): Ippruvaw u taraw kemm hu tajjeb il-Mulej
Kull ħin inbierek il-Mulej;
tifħiru dejjem fuq fommi.
Bil-Mulej tiftaħar ruħi;
jisimgħu l-fqajrin u jifirħu. R/.
Xandru l-kobor tal-Mulej miegħi;
ħa ngħollu ismu flimkien.
Jien fittixt il-Mulej,
u weġibni, minn kull biża’ tiegħi ħelisni. R/.
Ħarsu lejh u jiddi bil-ferħ wiċċkom,
u ma jkollkomx għax tistħu.
Dan il-fqajjar sejjaħ u l-Mulej semgħu,
u mid-dwejjaq tiegħu kollha ħelsu. R/.
L-anġlu tal-Mulej jgħasses
madwar dawk li jibżgħu minnu, u jeħlishom.
Ippruvaw u taraw kemm hu tajjeb il-Mulej;
hieni l-bniedem li jistkenn fih. R/.
Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
Mt 5, 12a
Hallelujah. R/. Hallelujah
Ifirħu u thennew,
għax ħlaskom kbir fis-smewwiet.
R/. Hallelujah
Evanġelju
Henjin il-foqra fl-ispirtu.
Mt 5, 1-12
Qari mill-Evanġelju skont San Mattew
F’dak iż-żmien, kif ra l-folol, Ġesù tala’ fuq il-muntanja, qagħad bilqiegħda, u resqu lejh id-dixxipli tiegħu. Fetaħ fommu u qabad jgħallimhom u jgħid:
“Henjin il-foqra fl-ispirtu,
għax tagħhom hija s-Saltna tas-Smewwiet.
Henjin l-imnikkta,
għax huma jkunu mfarrġa.
Henjin ta’ qalbhom ħelwa,
għax huma jkollhom b’wirthom l-art.
Henjin dawk li huma bil-ġuħ u l-għatx tal-ġustizzja,
għax huma jkunu mxebbgħin.
Henjin dawk li jħennu,
għax huma jsibu ħniena.
Henjin dawk li huma safja f’qalbhom,
għax huma jaraw ’l Alla.
Henjin dawk li jġibu l-paċi,
għax huma jissejħu wlied Alla.
Henjin dawk li huma ppersegwitati minħabba s-sewwa,
għax tagħhom hija s-Saltna tas-Smewwiet.
Henjin intom, meta jgħajrukom u jippersegwitawkom u jaqilgħu
kull xorta ta’ ħażen u gideb kontra tagħkom minħabba fija.
Ifirħu u thennew, għax ħlaskom kbir fis-smewwiet.
Hekk kienu jippersegwitawhom lill-profeti li kienu qabilkom”.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu