Il-Magħmudija tal-Mulej

Festa

 

Jekk is-solennità tal-Epifanija tiġi ċċelebrata l-Ħadd, u taħbat fis-7 jew fit-8 ta’ Jannar, il-festa tal-Magħmudija tal-Mulej tiġi ttrasferita għat-Tnejn ta’ wara. Qabel l-Evanġelju jsir qari wieħed.

 

Qari I

Araw il-qaddej tiegħi li fih qalbi strieħet.

Is 42, 1-4.6-7

 

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Isaija

 

Dan jgħid il-Mulej:

“Araw il-qaddej tiegħi, li jiena nwieżen,

il-maħtur tiegħi li fih qalbi strieħet!

Qegħedt l-ispirtu tiegħi fuqu, biex iġib il-ġustizzja lill-ġnus.

Ma jgħajjatx, ma jgħollix leħnu; ma jsemmax leħnu fil-pjazez,

qasba mġelġla ma jiksirhiex, musbieħ inemnem ma jitfihx.

Iġib il-ġustizzja fis-sewwa.

Ma jegħjiex, ma jitfarrakx,

sakemm ma jwaqqafx il-ġustizzja fuq l-art;

u l-gżejjer imbiegħda jistennew il-liġi tiegħu.

Jien il-Mulej, sejjaħtlek fis-sewwa,

qbadtek minn idek u ħaristek,

u għamilt minnek patt tal-poplu,

dawl għall-ġnus,

biex int tiftaħ għajnejn l-għomja,

toħroġ lill-ilsiera mill-ħabs,

u lil dawk li hemm fid-dlam minn dar l-għeluq”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 28 (29), 1a-2.3ac-4.3b u 9b-10

 

R/. (11b): Il-Mulej ibierek il-poplu tiegħu bis-sliem

 

Agħtu lill-Mulej, ulied Alla,

agħtu lill-Mulej glorja u qawwa.

Agħtu lill-Mulej il-glorja ta’ ismu,

qimu l-Mulej fl-għamara mqaddsa tiegħu. R/.

 

Leħen il-Mulej fuq l-ibħra;

il-Mulej fuq l-ibħra kotrana.

Leħen il-Mulej bil-qawwa,

leħen il-Mulej bil-glorja. R/.

 

Alla tal-glorja jriegħed,

u fit-tempju tiegħu kulħadd jgħid: “Glorja!”.

Il-Mulej jaħkem fuq l-għargħar;

isaltan il-Mulej għal dejjem. R/.

 

Qari II

Alla jikkonsagra lil Ġesù ta’ Nażaret bl-Ispirtu s-Santu.

Atti 10, 34-38

 

Qari mill-Ktieb tal-Atti tal-Appostli

 

F’dak iż-żmien, Pietru qabad jitkellem u qal: “Issa tassew qiegħed nifhem li Alla ma jħares lejn wiċċ ħadd, imma jilqa’ lil kull min għandu l-biża’ tiegħu u jagħmel is-sewwa, ikun minn liema poplu jkun.

 

Huwa bagħat il-Kelma tiegħu lil ulied Iżrael u xandrilhom is-sliem permezz ta’ Ġesù Kristu, li hu s-Sid ta’ kollox. Intom tafu b’dak li ġara mal-Lhudija kollha, ibda mill-Galilija, wara li Ġwanni kien xandar il-magħmudija; tafu kif Alla kkonsagra lil Ġesù ta’ Nażaret bl-Ispirtu s-Santu u bil-qawwa, u kif dan Ġesù għadda jagħmel il-ġid u jfejjaq lil dawk kollha li kienu maħkuma mix-xitan, għax Alla kien miegħu”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

ara Mk 9, 7

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Is-smewwiet infetħu, u leħen il-Missier instama’:

“Dan hu Ibni l-għażiż: isimgħu lilu”.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Ġesù wara li tgħammed, ra l-Ispirtu ta’ Alla nieżel u jieqaf fuqu.

Mt 3, 13-17

 

Qari mill-Evanġelju skond San Mattew

 

F’dak iż-żmien, Ġesù ġie mill-Galilija lejn il-Ġordan għand Ġwanni biex jitgħammed minnu. Imma Ġwanni ma ħalliehx, u qallu: “Jiena hu li jeħtieġ li nitgħammed minnek, u inti tiġi għandi?”. Ġesù qallu: “Inti għalissa ħallik minn dan, għax hekk jixraq nagħmlu, biex intemmu s-sewwa kollu”. Imbagħad Ġwanni ħallieh jitgħammed.

 

Ġesù, wara li tgħammed, minnufih tala’ mill-ilma; u ara, is-smewwiet infetħu, u ra l-Ispirtu ta’ Alla nieżel qisu ħamiema u ġej għal fuqu. U mis-smewwiet instama’ leħen jgħid: “Dan hu Ibni l-għażiż: fih sibt l-għaxqa tiegħi”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu