L-Erbatax-il Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

Il-Ġimgħa

 

Qari I

Lanqas ma ngħidu iżjed “alla tagħna” lil xogħol idejna.

Ħos 14, 2-10

 

Għeluq tal-Ktieb tal-Profeta Ħosegħa

 

Erġa’ dur, Iżrael, lejn il-Mulej Alla tiegħek,

għax int tfixkilt minħabba fi ħżunitek.

Ħudu kliem magħkom,

duru mill-ġdid lejn il-Mulej,

u għidulu: “Int tneħħi l-ħażen kollu:

ilqa’ t-tajjeb,

u rroddu frott xufftejna.

L-Assirja ma ssalvaniex,

fuq żiemel aktar ma nirkbux,

lanqas ma ngħidu iżjed “alla tagħna” lil xogħol idejna.

Għandek l-iltim isib il-ħniena”.

Naħfrilhom, għad li xxewxu kontrija;

minn qalbi nħobbhom,

għaliex il-korla tiegħi reġgħet lura minn fuqhom.

Jien għad inkun għal Iżrael bħal nida.

Ħa jiftaħ bħal ġilju,

għeruqu jxenxel bħal siġra tal-luq,

jinfirxu r-rimjiet tiegħu,

sbuħitu ta’ siġra taż-żebbuġ,

u jkun ifewwaħ qisu l-Libanu.

U jerġgħu jiġu jgħammru taħt id-dell tiegħi,

isiru qishom ġnien,

jisbieħu qishom dielja,

inbid tal-Libanu tkun tistħajjilhom.

X’għandi x’naqsam mal-idoli, Efrajm?

Kont jiena li weġibtek, u jien inħarsek;

għalik jien bħal ċipressa dejjem tħaddar,

minni tikseb il-frott”.

Kull min hu għaref, jifhem dawn il-ħwejjeġ;

ħa jagħrafhom kull min hu bil-għaqal,

għax il-Mulej it-triqat tiegħu dritti,

il-ġusti jimxu fihom,

iżda jitfixklu fihom il-midinbin.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 50 (51), 3-4.8-9.12-13.14 u 17

 

R/. (17b): Fommi jxandar it-tifħir tiegħek

 

Ikollok ħniena minni, o Alla, fi tjubitek;

fil-kobor tal-ħniena tiegħek ħassar ħtijieti.

Aħsilni kollni mill-ħtija tiegħi;

naddafni mid-dnub tiegħi. R/.

 

Int li tħobb il-qalb sinċiera,

għallimni l-għerf fil-fond ta’ qalbi.

Roxxni bl-ilma, u nissaffa;

aħsilni, u aktar mis-silġ nibjad. R/.

 

Oħloq fija qalb safja, o Alla,

u spirtu qawwi ġedded fija.

La twarrabnix minn quddiemek;

tneħħix minni l-ispirtu qaddis tiegħek. R/.

 

Roddli l-hena tas-salvazzjoni tiegħek,

u bi spirtu qalbieni wettaqni.

Iftaħli xufftejja, Sidi,

u fommi jxandar it-tifħir tiegħek. R/.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Ġw 16, 13a; 14, 26d

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Meta jiġi hu, l-Ispirtu tal-verità,

iwassalkom għall-verità kollha;

u jfakkarkom dak kollu li għedtilkom.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Mhux intom tkunu li titkellmu, imma l-Ispirtu ta’ Missierkom.

Mt 10, 16-23

 

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew

 

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lill-Appostli tiegħu: Ara, jiena qiegħed nibgħatkom bħal nagħaġ qalb l-ilpup. Kunu mela għaqlin bħas-sriep u safjin bħall-ħamiem. Oqogħdu attenti mill-bnedmin! Għax għad jerħukom f’idejn il-qrati, jagħtukom is-swat fis-sinagogi tagħhom, itellgħukom quddiem gvernaturi u slaten minħabba fija, biex tagħtu xhieda quddiemhom u quddiem il-pagani. Iżda meta jerħukom f’idejhom, tinkwetawx ruħkom kif se titkellmu jew x’se tgħidu, għax dak il-ħin stess jingħatalkom xi jkollkom tgħidu. Għax mhux intom tkunu li titkellmu, imma l-Ispirtu ta’ Missierkom ikun qiegħed jitkellem permezz tagħkom.

 

L-aħwa jwasslu lil xulxin għall-mewt u l-missier lil ibnu, u l-ulied iqumu kontra l-ġenituri tagħhom biex tinqatgħalhom għall-mewt. U lilkom kulħadd isir jobgħodkom minħabba f’ismi. Imma min jibqa’ jżomm sħiħ sal-aħħar, dan isalva. Jekk jippersegwitawkom f’belt, aħarbu f’oħra. Tassew ngħidilkom, ma tkunux dortu l-bliet kollha ta’ Iżrael sa ma jiġi Bin il-bniedem”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu