L-Erbatax-il Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

Il-Ħamis

 

Qari I

Daret għalija qalbi, tqanqlet bil-bosta ħnienti.

Ħos 11, 1-4.8ċ-9

 

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Ħosegħa

 

Dan jgħid il-Mulej:

Meta kien tfajjel Iżrael ħabbejtu,

u mill-Eġittu sejjaħt lil ibni.

Imma aktar ma sejjaħtilhom,

aktar tbiegħdu minni;

offrew sagrifiċċji lil Bagħalim,

u baħħru quddiem l-idoli.

Kont jien lil Efrajm għallimtu jimxi,

erfajthom fuq dirgħajja,

iżd’huma m’għarfux kemm kont ħadt ħsiebhom!

Bi ħbula ta’ bnedmin jien ġbidthom,

b’rabtiet ta’ mħabba;

u kont għalihom bħal min jerfa’ tarbija ma’ ħaddejh,

u lejha mmil nitmagħha.

Daret għalija qalbi,

tqanqlet bil-bosta ħnienti.

Le, ma nħaddimx il-korla mħeġġa tiegħi;

le, ma nerġax inġib fix-xejn ‘l Efrajm,

għax Alla jien, u mhux bniedem,

jien f’nofsok il-Qaddis;

jien ma niġix biex neqred”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 79 (80), 2aċ u 3b.15-16

 

R/. (4b): Itfa’ fuqna d-dija ta’ wiċċek, u nkunu salvi

 

O Ragħaj ta’ Iżrael, agħti widen,

int li qiegħed fuq il-kerubini,

qajjem il-qawwa tiegħek,

u ejja ħa ssalvana. R/.

 

Erġa’ ejja, Alla tal-eżerċti;

ħares mis-sema, u ara, u żuril din id-dielja.

Ħu ħsieb dak li ħawlet lemintek,

ir-rimja li int kabbart għalik. R/.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Mk 1, 15

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Iż-żmien huwa mitmum,

indmu u emmnu fl-Evanġelju.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

B’xejn ħadtu, b’xejn agħtu.

Mt 10, 7-15

 

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew

 

F’dak iż-żmien, Ġesů qal lill-appostli tiegħu: Intom u sejrin, xandru u għidu li s-Saltna tas-Smewwiet waslet. Fejqu l-morda, qajmu l-mejtin, fejqu l-lebbrużi, keċċu x-xjaten. B’xejn ħadtu, b’xejn agħtu. Tfittxux li jkollkom flus fuqkom, la tad-deheb, la tal-fidda u lanqas tar-ram; u la ħorġa għat-triq, la żewġ ilbiesi, la qrieq u lanqas ħatar, għax il-ħaddiem ħaqqu ħobżu. Fil-belt jew raħal fejn tidħlu, araw ikunx hemm min jixraqlu tmorru għandu, u ibqgħu f’daru sa ma titilqu minn hemm. Meta tidħlu f’dar, sellmu lin-nies tagħha, u jekk tkun dar li jixirqilha, ħa jiġi fuqha s-sliem tagħkom. Imma jekk tkun dar li ma jixirqilhiex, ħa jerġa’ lura għandkom is-sliem tagħkom. Jekk imbagħad xi ħadd ma jilqagħkomx u ma jismax minn kliemkom, oħorġu ’l barra minn dik id-dar jew belt u farfru t-trab ta’ saqajkom. Tassew, ngħidilkom, li jum il-ħaqq ikun eħfef għal Sodoma u Gomorra milli għal dik il-belt”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu