Ferji bejn is-solennità tal-Epifanija u l-Festa tal-Magħmudija tal-Mulej

Il-Ħamis

 

Qari I

Min iħobb ’l Alla, iħobb ukoll lil ħuh.

1 Ġw 4, 19 -5,4

 

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Ġwann Appostlu

 

Għeżież, aħna nħobbu lil Alla, għax hu ħabbna l-ewwel. Jekk xi ħadd jgħid: “Jiena nħobb ’l Alla”, u jobgħod lil ħuh, dan ikun giddieb. Għax min ma jħobbx lil ħuh li jara, kif jista’ jħobb lil Alla li hu qatt ma rah? Dan hu l-kmandament li tana hu: li min iħobb ’l Alla, iħobb ukoll lil ħuh.

 

Kull min jemmen li Ġesù hu l-Messija hu mwieled minn Alla, u kull min iħobb lill-Missier iħobb lil min twieled minnu. Minn dan nafu li nħobbu lil ulied Alla, meta nħobbu ’l Alla u nagħmlu l-kmandamenti tiegħu. Għax din hi l-imħabba ta’ Alla, li nżommu l-kmandamenti tiegħu; u l-kmandamenti tiegħu mhumiex tqal.

 

Kull min hu mwieled minn Alla jegħleb lid-dinja. Din hi r-rebħa fuq id-dinja: il-fidi tagħna.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 71 (72), 2.14 u 15bċ.17

 

R/. (ara 11): Lilek iqimu l-ġnus kollha, Mulej

 

O Alla, agħti lis-sultan il-ħaqq tiegħek,

il-ġustizzja tiegħek lil bin is-sultan,

biex jiġġudika l-poplu tiegħek bil-ġustizzja,

u bil-ħaqq l-imsejknin tiegħek. R/.

 

Jeħlishom mill-qerq u mill-moħqrija;

demmhom għażiż quddiem għajnejh.

Ħa jitolbu għalih dejjem,

u jberkuh il-jum kollu! R/.

 

Ismu jibqa’ jissemma għal dejjem;

idum ismu sakemm iddum ix-xemx!

Bih jitbierku l-ġnus kollha tal-art;

il-popli kollha jsejħulu hieni. R/.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Lq 4, 18

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Il-Mulej bagħatni nwassal il-bxara t-tajba lill-fqajrin

u rrodd il-ħelsien lill-maħqurin.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Din il-kitba seħħet illum.

Lq 4, 14-22a

 

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

 

F’dak iż-żmien, Ġesù, bil-qawwa tal-Ispirtu, reġa’ mar il-Galilija; u l-fama tiegħu xterdet ma’ dawk l-inħawi kollha, għax hu kien jgħallem fis-sinagogi tagħhom fost it-tifħir ta’ kulħadd.

 

U ġie Nazaret fejn kien trabba. Daħal fis-sinagoga tagħhom, kif kien imdorri jagħmel nhar ta’ Sibt, u qam biex jaqra. Tawh f’idejh il-ktieb ta’ Iżaija l-profeta, fetħu u sab fejn kien hemm miktub dan li ġej:

L-Ispirtu tal-Mulej fuqi,

għax hu kkonsagrani.

Bagħatni nħabbar il-ħelsien lill-imjassrin,

inwassal il-bxara t-tajba lill-fqajrin,

u d-dawl mill-ġdid lill-għomja,

irrodd il-ħelsien lill-maħqurin

u nxandar sena tal-grazzja tal-Mulej”.

 

Imbagħad raġa’ għalaq il-ktieb, tah lura lill-qaddej u qagħad bilqiegħda. Għajnejn kulħadd fis-sinagoga kienu msammra fuqu. U beda jgħidilhom: “Din il-kitba seħħet illum, intom u tisimgħu”. U lkoll laqgħu kliemu u stagħġbu għall-kliem mimli ħlewwa li kien ħiereġ minn fommu.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu