Il-Wieħed u Tletin Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena
Il-Ħamis
Qari I
Sew jekk ngħixu, mela, sew jekk immutu, aħna tal-Mulej.
Rum 14, 7-12
Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lir-Rumani
Għeżież, ħadd minna ma jgħix għalih innifsu, u ħadd ma jmut għalih innifsu. Jekk ngħixu, ngħixu għall-Mulej; jekk immutu, immutu għall-Mulej. Sew jekk ngħixu, mela, sew jekk immutu, aħna tal-Mulej. Kristu għalhekk miet u rxoxta, biex ikun Sid kemm tal-ħajjin u kemm tal-mejtin.
Imma int, għax għandek tagħmel ħaqq minn ħuk? Jew lil ħuk, għaliex għandek tmaqdru? Aħna lkoll għad nidhru quddiem it-tribunal ta’ Alla; għax hemm miktub: “Daqskemm jien ħaj, jgħid il-Mulej, quddiemi għad jinżel għarrkupptejh kull bniedem, u kull ilsien għad ifaħħar lil Alla”.
Għalhekk kull wieħed minna għad jagħti kont tiegħu nnifsu lil Alla.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Salm Responsorjali
Salm 26 (27), 1.4.13-14
R/. (13): Nemmen li għad nara t-tieba tal-Mulej f’art il-ħajjin
Il-Mulej id-dawl u s-salvazzjoni tiegħi;
minn min għandi nibża’?
Il-Mulej hu l-kenn tiegħi;
quddiem min għandi nitwerwer? R/.
Ħaġa waħda tlabt lill-Mulej,
ħaġa waħda nfittex:
li ngħammar f’dar il-Mulej
tul il-jiem kollha ta’ ħajti;
biex nitgħaxxaq bil-ħlewwa tal-Mulej
jien u nħares lejn it-tempju tiegħu. R/.
Nemmen li għad nara t-tieba tal-Mulej
f’art il-ħajjin.
Ittama fil-Mulej, żomm sħiħ u qawwi qalbek;
ittama fil-Mulej. R/.
Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
Mt 11, 28
Hallelujah. R/. Hallelujah
Ejjew għandi, intom ilkoll li tinsabu mħabbtin u mtaqqlin,
u jiena nserraħkom, jgħid il-Mulej.
R/. Hallelujah
Evanġelju
Ikun hemm ferħ fost l-anġli ta’ Alla għal midneb wieħed li jindem.
Lq 15, 1-10
Qari mill-Evanġelju skont San Luqa
F’dak iż-żmien, il-pubblikani u l-midinbin kienu jersqu bi ħġarhom biex jisimgħu lil Ġesù. U kemm il-Fariżej u kemm il-kittieba kienu jgemgmu u jgħidu: “Nies midinba jilqa’ għandu dan u jiekol magħhom”.
U Ġesù qabad u qalilhom din il-parabbola: “Min hu dak fostkom li jkollu mitt nagħġa u jitlef waħda minnhom, u ma jħallix id-disgħa u disgħin l-oħra fid-deżert biex imur wara l-mitlufa sa ma jsibha? U meta jsibha, jifraħ biha u jerfagħha fuq spallejh, imur id-dar, isejjaħ għandu lil ħbiebu u l-ġirien, u jgħidilhom: “Ifirħu miegħi, għax sibt in-nagħġa li kienet intilfitli”. Ngħidilkom li l-istess jiġri fis-smewwiet: ikun hemm aktar ferħ għal midneb wieħed li jindem milli għal disgħa u disgħin bniedem tajjeb li ma kellux bżonn ta’ ndiema.
Jew min hi dik il-mara li jkollha għaxar drakmiet u titlef waħda minnhom, li mhijiex sejra tixgħel il-musbieħ u tiknes id-dar, u tibqa’ tfittex bil-għaqal sa ma ssibha? U meta ssibha, issejjaħ għandha lil ħbiebha u l-ġirien, u tgħidilhom: “Ifirħu miegħi, għax sibt id-drakma li kienet intilfitli”. Ngħidilkom jien li l-istess ferħ ikun hemm fost l-anġli ta’ Alla għal midneb wieħed li jindem”.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu