Ir-Raba Ġimgħa tal-Għid

Il-Ħamis

 

Qari I

Min-nisel ta’ David, Alla ġieb għal Iżrael salvatur, li hu Ġesù.

Atti 13, 13-25

 

Qari mill-Ktieb tal-Atti tal-Appostli

 

Pawlu u sħabu telqu bil-baħar minn Pafos u waslu Perge fil-Pamfilja. Hawn Ġwanni ħalliehom u raġa’ lura lejn Ġerusalemm. Minn Perge baqgħu sejrin sa ma waslu f’Antjokja ta’ Pisidja. F’jum is-Sibt daħlu fis-sinagoga u qagħdu bilqiegħda. Wara l-qari mil-Liġi u l-Profeti, il-kapijiet tas-sinagoga bagħtu jgħidulhom: “L-aħwa, jekk xi ħadd minnkom irid jgħid kelmtejn ta’ tħeġġiġ lill-poplu, tkellmu!”. Għalhekk Pawlu qam, għamel sinjal b’idu u beda jitkellem: “Nies ta’ Iżrael, u intom mill-ġnus li tibżgħu minn Alla, isimgħuni. Alla ta’ dan il-poplu ta’ Iżrael għażel lil missirijietna. Meta l-poplu kien jgħix f’art barranija, fl-Eġittu, Alla għamlu poplu kbir u ħarġu minn hemm bil-qawwa ta’ driegħu. Għal madwar erbgħin sena stabar bihom fid-deżert. Meta mbagħad xejjen seba’ popli fl-art ta’ Kangħan, tahom din l-art b’wirt għalihom. Dan kollu ħa xi erba’ mija u ħamsin sena. Imbagħad tahom l-Imħallfin, sa żmien il-profeta Samwel. Wara dan talbu li jkollhom sultan, u Alla tahom lil Sawl bin Kis, raġel mit-tribù ta’ Benjamin, li dam erbgħin sena. Meta mbagħad neħħa lil Sawl, qiegħed bħala sultan tagħhom lil David, li għalih ta din ix-xhieda:  “Sibt lil David, bin Ġesse, raġel skont qalbi, li jagħmel dak kollu li rrid jien”. Min-nisel ta’ David, Alla, skont il-wegħda tiegħu, ġieb għal Iżrael salvatur, li hu Ġesù. Qabel il-miġja tiegħu, Ġwanni ħareġ ixandar magħmudija ta’ ndiema lill-poplu kollu ta’ Iżrael. U meta kien wasal fi tmiem il-ħidma tiegħu, Ġwanni qal: “Jien m’iniex dak li intom taħsbu li jien. Imma, araw, warajja ġej wieħed li jien anqas jistħoqqli nħoll il-qorq ta’ riġlejh”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 88 (89), 2-3.21-22.25 u 27

 

R/. (ara 2a): It-tieba tal-Mulej irrid dejjem ngħanni

jew: Hallelujah, hallelujah, hallelujah

 

It-tieba tal-Mulej irrid dejjem ngħanni;

f’kull żmien ixandar fommi l-fedeltà tiegħek.

Għax jien għedt: “Tjubitek tibqa’ sħiħa għal dejjem;

bħas-smewwiet int wettaqt il-fedeltà tiegħek”. R/.

 

Sibt ’il David, qaddej tiegħi,

biż-żejt imqaddes tiegħi dliktu;

tkun idi dejjem miegħu,

u nsaħħu wkoll bi driegħi”. R/.

 

Miegħu jkunu l-fedeltà u t-tieba tiegħi;

b’ismi tissaħħaħ il-qawwa tiegħu.

Hu jsejjaħli: “Int missieri u Alla tiegħi,

fortizza u salvazzjoni tiegħi!”. R/.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Apok 1, 5ab

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Ġesù Kristu, ix-xhud fidil, il-kbir fost il-mejtin,

ħabbna u ħallna minn dubietna bis-saħħa ta’ demmu.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Min jilqa’ lil min nibgħat jien, ikun jilqa’ lili.

Ġw 13, 16-20

 

Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann

 

Wara li ħaslilhom saqajhom, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu:Tassew tassew ngħidilkom, l-ilsir mhuwiex aqwa minn sidu, anqas il-messaġġier ma hu aqwa minn min jibagħtu. Jekk dawn il-ħwejjeġ tafuhom, henjin intom jekk tagħmluhom. Jien m’iniex ngħid għalikom ilkoll, għax jien naf x’nies għażilt, imma għandha sseħħ l-Iskrittura li tgħid: “Min kiel il-ħobż miegħi, tani bis-sieq”. Dan qiegħed ngħidu minn issa, qabel ma jiġri, biex, meta jiġri, temmnu li jiena hu. Tassew tassew ngħidilkom, min jilqa’ lil min nibgħat jien, ikun jilqa’ lili, u min jilqa’ lili, ikun jilqa’ lil dak li bagħatni”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu