It-Tnejn u Għoxrin Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena
It-Tnejn
Qari I
Alla jiġbor miegħu lil dawk li raqdu f’Ġesù.
1 Tess 4, 13-18
Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu lit-Tessalonkin
Ma rridux li ma tkunux tafu, ħuti, fuq il-mejtin biex ma ssewdux qalbkom bħall-oħrajn li ma għandhomx tama. Jekk aħna nemmnu li Ġesù miet u qam mill-imwiet, hekk ukoll Alla jiġbor miegħu lil dawk li raqdu f’Ġesù.
Dan ngħidulkom fuq il-kelma tal-Mulej, jiġifieri li aħna li nkunu għadna hawn ħajjin għall-miġja tal-Mulej, ma mmorrux qabel dawk li jkunu raqdu. Għaliex il-Mulej innifsu mal-kmand, mal-leħen tal-arkanġlu u t-tromba ta’ Alla, jinżel mis-sema, u dawk li jkunu mietu fi Kristu jqumu l-ewwel. Imbagħad aħna li nkunu ħajjin, li nkunu għadna hawn, ninħatfu magħhom fis-sħab biex niltaqgħu mal-Mulej fl-ajru. Hekk inkunu dejjem mal-Mulej.
Agħmlu l-qalb lil xulxin b’dan il-kliem.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Salm Responsorjali
Salm 95 (96), 1 u 3. 4-5.11-12.13
R/. (13b): Il-Mulej ġej biex jagħmel ħaqq mill-art
Għannu lill-Mulej għanja ġdida;
għannu lill-Mulej fl-art kollha!
Xandru fost il-ġnus is-sebħ tiegħu,
fost il-popli kollha l-għeġubijiet tiegħu. R/.
Għax kbir il-Mulej, ta’ min ifaħħru ħafna,
tal-biża’ aktar mill-allat kollha.
Għax kollha frugħa l-allat tal-popli;
Jaħweh hu li għamel is-smewwiet! R/.
Ħa jifirħu s-smewwiet u tithenna l-art,
ħa jħabbat il-baħar u kulma fih,
ħa jifraħ ir-raba’ u kulma fih,
u jgħannu bil-ferħ is-siġar kollha tal-bosk. R/.
Quddiem il-Mulej, għax ġej,
għax ġej biex jagħmel ħaqq mill-art.
Hu jagħmel ħaqq mid-dinja bil-ġustizzja,
u mill-popli bis-sewwa tiegħu. R/.
Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
ara Lq 4, 18
Hallelujah. R/. Hallelujah
L-Ispirtu tal-Mulej fuqi:
bagħatni nwassal il-bxara t-tajba lill-fqajrin.
R/. Hallelujah
Evanġelju
Bagħatni nwassal il-bxara t-tajba lill-fqajrin... ebda profeta ma jilqgħuh tajjeb f’pajjiżu.
Lq 4, 16-30
Qari mill-Evanġelju skont San Luqa
F’dak iż-żmien, Ġesù ġie Nazaret fejn kien trabba. Daħal fis-sinagoga tagħhom, kif kien imdorri jagħmel nhar ta’ Sibt, u qam biex jaqra. Tawh f’idejh il-ktieb ta’ Isaija l-profeta, fetħu u sab fejn kien hemm miktub dan li ġej:
“L-Ispirtu tal-Mulej fuqi,
għax hu kkonsagrani.
Bagħatni nħabbar il-ħelsien lill-imjassrin,
inwassal il-bxara t-tajba lill-fqajrin,
u d-dawl mill-ġdid lill-għomja,
irrodd il-ħelsien lill-maħqurin
u nxandar is-sena tal-grazzja tal-Mulej”.
Imbagħad raġa’ għalaq il-ktieb, tah lura lill-qaddej u qagħad bilqiegħda. Għajnejn kulħadd fis-sinagoga kienu msammra fuqu. U beda jgħidilhom: “Din il-kitba seħħet illum, intom u tisimgħu”.
U lkoll laqgħu kliemu u stagħġbu għall-kliem mimli ħlewwa li kien ħiereġ minn fommu u bdew jgħidu: “Dan mhuwiex bin Ġużeppi?”. Iżda hu qalilhom: “Żgur li se tgħidu għalija dan il-proverbju: “Tabib, fejjaq lilek innifsek; dak kollu li smajna li ġara f’Kafarnahum agħmlu hawn f’pajjiżek ukoll””.
U żied jgħidilhom: “Tassew, ngħidilkom, ebda profeta ma jilqgħuh tajjeb f’pajjiżu. Għax, ngħidilkom is-sewwa, kien hemm bosta romol f’Iżrael fi żmien Elija meta s-sema baqa’ tliet snin u sitt xhur magħluq u waqa’ ġuħ kbir fil-pajjiż kollu; madankollu għand ħadd minnhom ma ntbagħat Elija, imma għand waħda armla minn Sarefta ta’ Sidon. U kien hemm bosta lebbrużi f’Iżrael fi żmien il-profeta Eliżew, imma ħadd minnhom ma ġie mfejjaq ħlief Nagħman tas-Sirja”.
Meta semgħu dan fis-sinagoga kulħadd imtela bil-korla; qamu, u ħarġuh ’il barra mill-belt, ħaduh fuq xifer ta’ rdum tal-għolja li fuqha kienet mibnija l-belt tagħhom, u riedu jixħtuh minn hemm fuq għal isfel. Iżda hu għadda minn ġo nofshom u baqa’ sejjer.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu