4 ta’ Jannar

 

Qari I

Kull min hu mwieled minn Alla ma jagħmilx dnub.

1 Ġw 3, 7-10

 

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Ġwann Appostlu

 

Uliedi, tħallux min iqarraq bikom. Min jagħmel il-ġustizzja, hu ġust fih innifsu, bħalma Kristu huwa ġust. Iżda min jagħmel id-dnub ġej mix-Xitan, għax ix-Xitan dineb sa mill-bidu. Kien għalhekk li deher l-Iben ta’ Alla, biex iħott kulma għamel ix-Xitan. Kull min hu mwieled minn Alla ma jagħmilx dnub, għax iż-żerriegħa ta’ Alla tibqa’ fih; ma jistax jidneb, għax hu mwieled minn Alla. B’dan jidhru min huma wlied Alla u min huma wlied ix-Xitan; għax min ma jagħmilx il-ġustizzja mhuwiex minn Alla, anqas min ma jħobbx lil ħuh.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 97 (98), 1.7-8.9

 

R/. (3a): L-art kollha rat is-salvazzjoni ta’ Alla tagħna

 

Għannu lill-Mulej għanja ġdida,

għax għamel ħwejjeġ tal-għaġeb.

Ġibitlu r-rebħa l-leminija tiegħu,

u d-driegħ imqaddes tiegħu. R/.

 

Ħa jriegħed il-baħar u kulma fih,

id-dinja u kulma jgħammar fiha.

Ħa jċapċpu x-xmajjar idejhom,

u l-muntanji flimkien jgħajtu bil-ferħ. R/.

 

Quddiem il-Mulej, għax ġej

biex jagħmel ħaqq mill-art;

hu jagħmel ħaqq mid-dinja bil-ġustizzja,

u mill-popli bis-sewwa. R/.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Lhud 1, 1-2

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Alla fl-imgħoddi kellem lil missirijietna

ħafna drabi u b’ħafna manjieri permezz tal-profeti.

Issa f’dan l-aħħar żmien, hu kellimna permezz ta’ Ibnu.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Sibna l-Messija.

Ġw 1, 35-42

 

Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann

 

F’dak iż-żmien, Ġwanni raġa’ kien hemm ma’ tnejn mid-dixxipli tiegħu. Ħares lejn Ġesù li kien għaddej minn hemm, u qal: “Araw il-Ħaruf ta’ Alla!”. Iż-żewġ dixxipli semgħuh jgħid dan, u marru wara Ġesù. Ġesù dar u rahom mexjin warajh, u qalilhom: “Xi tridu?”. Iżda huma staqsewh: “Fejn toqgħod, Rabbi?” – li tfisser Mgħallem. Hu weġibhom: “Ejjew u taraw”. U marru miegħu u raw fejn kien joqgħod, u dakinhar baqgħu miegħu. Kien ħabta tal-għaxar siegħa. Wieħed mit-tnejn li semgħu x’kien qal Ġwanni u marru wara Ġesù kien Indrì, ħu Xmun Pietru. L-ewwel ma għamel mar isib lil ħuh Xmun, u qallu: “Sibna l-Messija” – li tfisser Kristu. U ħadu għand Ġesù. Ġesù ħares lejh u qallu: “Inti Xmun, bin Ġwanni. Inti tissejjaħ Kefa” – jew Pietru.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu