Stampa t-test tal-qari ...


It-Tmien Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

Il-Ġimgħa

 

Qari I

Kunu amministraturi tajbin tal-grazzja ta’ Alla, li hi ta’ ħafna xorta.

1 Piet 4, 7-13

 

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pietru Appostlu

 

Għeżież, qrib hu t-tmiem ta’ kollox; għalhekk kunu għaqlin u meqjusin biex tagħtu ruħkom għat-talb. Fuq kollox, ħa jkollkom imħabba sħiħa lejn xulxin, għax l-imħabba tgħatti kotra ta’ dnubiet. Ilqgħul xulxin bla tgergir. Kull wieħed minnkom jgħix skont id-don li rċieva u jinqeda bih għall-ġid tal-oħrajn; hekk tkunu amministraturi tajbin tal-grazzja ta’ Alla, li hi ta’ ħafna xorta. Jekk xi ħadd għandu d-don tal-kelma, jipprietka l-kliem ta’ Alla; jekk xi ħadd għandu d-don tal-ministeru, iħaddmu bis-setgħa li Alla tah, u hekk f’kollox ikun igglorifikat Alla b’Ġesù Kristu, li tiegħu huma l-glorja u s-setgħa għal dejjem ta’ dejjem! Ammen!

 

 Ħuti għeżież, tistagħġbux għax tinsabu fil-forġa qalila tan-nar, li ġiet fuqkom biex iġġarrabkom, bħallikieku ġratilkom xi ħaġa mhux tas-soltu. Imma ifirħu, għax b’hekk intom qegħdin tissieħbu fittbatijiet ta’ Kristu, biex aktar tifirħu u tithennew fid-dehra tal-glorja tiegħu.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 95 (96), 10.11-12.13

 

R/. (13ab): Il-Mulej jagħmel ħaqq mid-dinja

 

Għidu fost il-ġnus: “Il-Mulej isaltan!”

Hu jżomm sħiħa d-dinja biex qatt ma titħarrek;

hu li jiġġudika l-popli bis-sewwa. R/.

 

Ħa jifirħu s-smewwiet u tithenna l-art,

ħa jħabbat il-baħar u kulma fih,

ħa jifraħ ir-raba’ u kulma fih,

u jgħannu bil-ferħ is-siġar kollha tal-bosk

quddiem il-Mulej, għax ġej. R/.

 

Il-Mulej ġej biex jagħmel ħaqq mill-art.

Hu jagħmel ħaqq mid-dinja bil-ġustizzja,

u mill-popli bis-sewwa tiegħu. R/.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Ġw 15, 16

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Jien għażilt lilkom, jgħid il-Mulej,

biex tmorru tagħmlu l-frott

u l-frott tagħkom jibqa’.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Id-dar tiegħi tkun tissejjaħ dar it-talb għall-ġnus kollha. Emmnu f’Alla!

Mk 11, 11-26

 

Qari mill-Evanġelju skont San Mark

 

Wara d-daħla messjanika f’Ġerusalemm, Ġesù baqa’ sejjer fit-tempju, ta ħarsa madwaru, u mbagħad, billi kien ġa sar il-ħin, ħareġ biex imur Betanja mat-Tnax. L-għada, kif ħarġu minn Betanja, ħadu l-ġuħ. Mill-bogħod lemaħ siġra tat-tin kollha weraq, u mar jara jsibx xi ħaġa fiha. Imma, kif resaq ħdejha, ma sabilha xejn ħlief weraq, għax it-tin kien għadu mhuwiex żmienu. U qalilha: “Qatt iżjed ma jkun hawn min jiekol frott minnek għal li ġej!” U d-dixxipli tiegħu semgħuh.

 

U waslu Ġerusalemm. Kif daħal fit-tempju, qabad ikeċċi l-bejjiegħa u x-xerrejja li kien hemm fit-tempju, qaleb l-imwejjed tas-sarrafa tal-flus u s-siġġijiet ta’ dawk li kienu jbigħu l-ħamiem, u ma ħalla lil ħadd mgħobbi b’xi ħaġa jaqsam mit-tempju. U beda jgħallimhom u jgħidilhom: “Ma hemmx miktub: li d-dar tiegħi tkun tissejjaħ dar it-talb għall-ġnus kollha? Intom, imma, għamiltuha għar tal-ħallelin!”. Dan wasal f’widnejn il-qassisin il-kbar u l-kittieba, u bdew jaraw x’jagħmlu biex jeqirduh; għax huma kienu jibżgħu minnu, billi l-poplu kollu kien mimli bil-għaġeb għat-tagħlim tiegħu.

 

Filgħaxija mbagħad ħarġu barra mill-belt. Filgħodu kmieni, huma u għaddejjin minn hemm, raw is-siġra tat-tin imnixxfa sa mill-għeruq. Pietru ftakar, u qallu: “Ara Rabbi, it-tina li sħett int nixfet”. U Ġesù wieġeb u qalilhom: “Emmnu f’Alla! Tassew ngħidilkom, li jekk xi ħadd jgħid lil din il-muntanja: “Intrefa’ u nxteħet il-baħar”, bla ma joqgħod jitħasseb f’qalbu imma jemmen li dak li jgħid ikun se jsir, isirlu żgur. Għalhekk ngħidilkom: kulma titolbu fit-talb tagħkom, emmnu li tkunu ġa qlajtuh, u jingħatalkom. U meta tkunu weqfin titolbu, jekk ikollkom xi ħaġa kontra xi ħadd, aħfru, biex ukoll Missierkom li hu fis-smewwiet jaħfer lilkom il-ħtijiet tagħkom”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu