1 ta’ Mejju

San Ġużepp Ħaddiem

Tifkira Obbligatorja

 

Qari I

Ġen 1: 26-2, 3

 

Qari mill-Ktieb tal-Ġenesi

 

Alla qal:

“Nagħmlu l-bniedem skond ix-xbieha tagħna, bħalna, biex jaħkem fuq il-ħut tal-baħar, fuq it-tajr tal-ajru, fuq il-bhejjem tad-dar, fuq l-annimali selvaġġi, u fuq il-ħlejjaq li jitkaxkru ma’ l-art.” U Alla ħalaq il-bniedem skond ix-xbieha tiegħu;

iva, skond ix-xbieha ta’ Alla ħalaqhom, u għamilhom raġel u mara.

 

U berikom Alla, u qalilhom: “Nisslu u kattru u imlew l-art, u aħkmu fuqha, u saltnu fuq il-ħut tal-baħar, fuq it-tajr tal-ajru, u fuq il-ħlejjaq kollha li jitkaxkru ma’ l-art.” U Alla qal: “Ara, tajtkom il-ħaxix kollu li jagħmel iż-żerriegħa fuq l-art kollha, u s-siġar kollha li jagħmlu l-frott biż-żerriegħa; dan kollu tajtulkom biex tieklu minnu. U lill-bhejjem kollha selvaġġi, u t-tajr kollu ta’l-ajru, u l-ħlejjaq kollha li jitkaxkru mal-art li fihom nifs il-ħajja, lilhom tajthom il-ħaxix aħdar kollu biex jieklu minnu.” U hekk sar.

 

U Alla ħares lejn kull ma għamel, u ra li kollox kien sew ħafna. U dalam u sebaħ, is-sitt jum u tlestew is-sema u l-art bit-tiżjin tagħhom. U fis-seba’ jum Alla temm il-biċċa xogħol li għamel, u waqaf mill-ħidma tiegħu. U Alla bierek is-seba’ jum u qaddsu, għax fih waqaf mix-xogħol kollu li kien għamel meta ħalaq kollox.

 

Il-Kelma tal-Mulej.

R/. Irroddu ħajr lil Alla.

 

Salm Responsorjali

Salm 89, 2-4. 12. 1. 16

 

R/. Wettaq xogħol idejna Mulej.

 

Qabel ma twieldu l-muntanji,

qabel ma tnisslu l-art u d-dinja,

minn dejjem int, o Alla. R/.

 

Int treġġa’ l-bniedem lejn it-trab,

u tgħid: “Erġgħu lura, ulied il-bniedem.

Elf sena huma f’għajnejk

bħall-jum tal-bieraħ li għadda, jew bħal sahra ta’ lejl. R/.

 

Għallimna ngħoddu jiem ħajjitna,

biex hekk nimxu b’moħħ għaqli,

dur lejna, Mulej.  Kemm se ddum?

Ħenn għall-qaddejja tiegħek. R/.

 

Imliena malajr bit-tjieba tiegħek,

biex nifirħu u nithennew tul jiemna kollha,

ħa jidher għemilek quddiem il-qaddejja tiegħek,

u l-kobor tiegħek quddiem uliedhom. R/.

 

Qari II

Kol 3, 14-15. 17. 23-24

 

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Kolossin

 

Ħuti:

Fuq kollox ilbsu l-imħabba, li hi l-qofol tal-perfezzjoni. Ħalli s-sliem ta’ Kristu jsaltan fi qlubkom, dak is-sliem li għalih kontu msejħa biex issiru ġisem wieħed. U ta’ dan roddu ħajr lil Alla. Kull ma tagħmlu jew tgħidu, agħmlu kollox f’isem il-Mulej Ġesù, u roddu ħajr lil Alla l-Missier permezz tiegħu.

 

Kull ma tagħmlu, agħmluh minn qalbkom bħallikieku lill-Mulej u mhux lill-bnedmin, għax tafu li għad tieħdu l-ħlas li ħejja għalikom il-Mulej bħala wirt. Aqdu lil Kristu Sidna.

   

Il-Kelma tal-Mulej.

R/. Irroddu ħajr lil Alla.

 

Akklamazzjoni għall-Evanġelju

 

Hallelujah R/. Hallelujah

Imbierek il-Mulej minn jum għal jum;

jieħu ħsiebna Alla tal-ħelsien tagħna.                                   

R/. Hallelujah 

 

Evanġelju

Mt 13, 54-56

 

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew

 

F’dak iż-żmien: Ġesù ġie f’pajjiżu, u daħal jgħallem in-nies fis-sinagoga tagħhom; tant għaġġibhom li bdew jgħidu: “Mnejn kisbu dan il-għerf u dawn l-għeġubijiet? Dan mhuwiex bin il-mastrudaxxa? Ommu mhijiex dik li jisimha Marija, u ħutu Ġakbu u Ġużeppi u Xmun u Ġuda? U ħutu l-bniet mhux kollha fostna qegħdin? Mela mnejn kisbu dan kollu?” U tfixklu minħabba fih. 

 

Imma Ġesù qalilhom: “M’hemmx profeta li mhuwiex imweġġah, jekk mhux f’pajjiżu u f’daru stess.” U ma għamilx ħafna mirakli hemmhekk minħabba fin-nuqqas ta’ fidi tagħhom.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu.