Santita,
Wasal
il-ħin li tħallina imma l-ispirtu tiegħek jibqa'
magħna biex jissokta jkabbrilna l-Fidi għal ħafna
żmien. Fl-Atti tal-Appostli, Luqa
jgħidilna li meta wasal il-ħin biex Pawlu u sħabu
jitilqu minn Malta, l-abitanti "Tawna minn kull
xorta ta' ġid, meta ġejna biex nitilqu, għabbew fuq
il-ġifen kull ma konna neħtieġu." Iżda jkolli ngħid
li din id-darba se tkun int, Santita -- li dalwaqt
titlaqna - li tajtna l-ġid li neħtieġu, l-għotjiet
li r-Ragħaj tagħna biss jista' jagħtina.
Il-barka
tiegħek saħħet il-Fidi tagħna, l-imġieba ġentili
tiegħek u kliemek ħanin kebbsulna qalbna, l-imħabba
paterna tiegħek lejn iż-żgħazagħ tagħna ġagħlithom
jersqu lejk, it-tagħlim ispirat tiegħek kien ta'
għajnuna lilna lkoll biex nifhmu aħjar il-ġmiel
tal-Karita Nisranija. Il-preżenza tiegħek fostna u
triqtek madwar il-parroċċi tagħna, bħala l-Vigarju
ta' Kristu u s-Suċċessur ta' Pietru, se jissuktaw
jimlew ħajjitna bil-ġid u, kif nittamaw, jagħmluna
Nsara u ċittadini aħjar.
Fl-omelija
tiegħek ta' dalgħodu, inti ġenerożament irrimarkajt:
L-ebda
viżitatur f'Malta ma jista' jonqos li jibqa'
mistagħġeb bid-devozzjoni tal-poplu tagħkom,
bil-fidi ħajja murija fil-festi tagħkom, bil-ġmiel
tal-knejjes u s-santwarji tagħkom. Imma dan id-don
irid jinqasam ma' oħrajn, irid jiġi mxandar.
Santita,
inħossni żgur li l-Kattoliċi Maltin se jkomplu
jipprofessaw apertament u elokwentement il-Fidi
tagħhom u l-valuri Nsara ta' karita u solidarjeta
mal-bnedmin u li se jagħmlu ħilithom sabiex jaqsmu
dawn id-doni ma' oħrajn, mhux biss f'artna imma
wkoll lil hinn minn xtutna bħalma jagħmlu ħafna
missjunarji Maltin f'tant pajjiżi madwar id-dinja.
Bis-saħħa
taż-żjara Appostolika tiegħek fostna, it-tama tagħna
ġġeddet u tqawwejna sabiex niffaċċjaw il-futur
b'aktar ċertezza saħansitra f'ħajjitna ta' kuljum.
Kif Inti tgħallimna tant tajjeb fit-tieni enċiklika
tiegħek Spe Salvi: "Il-Fidwa tiġi offruta
lilna fis-sens li ngħatajna t-tama, tama ta' min
jorbot fuqha, li permezz tagħha nistgħu niffaċċjaw
il-preżent: il-preżent, anki jekk diffiċli, jista'
jingħex u jintlaqa' jekk iwassal għal tragward, jekk
inkunu ċerti minn dan it-tragward, u jekk dan it-tragward
huwa kbir biżżejjed biex jiggustifika l-isforz
tal-vjaġġ". U tkompli tfissrilna: "Li ssir tagħraf
lil Alla - ‘l Alla veru - ifisser li tirċievi
t-tama".
Aħna konna
kommossi li nsiru nafu llum li Inti ltqajt
personalment mal-vittmi tal-abbuż li talbu li jarawk
u li sabu faraġ fi kliemek li nittamaw li jħaffilhom
xi ftit mill-piż li ilhom iġorru għal bosta snin.
Is-sensibilita tiegħek għan-niket tagħhom timlina
bil-hena.
Nittamaw,
Santita, li tieħu miegħek tifkiriet sbieħ taż-żjara
tiegħek fil-Gżira ta' San Pawl u l-Poplu tagħha u l-Fidi
tiegħu u ta' dik l-ospitalita li aħna kburin li
tissemma fl-Iskrittura Mqaddsa.
Aħna
għalhekk infissru l-gratitudni tagħna lejk, nitolbu
l-barka tiegħek u nixtiqulek il-vjaġġ it-tajjeb lejn
il-Belt Eterna.