DISKORS TA' MERĦBA MILL-EĊĊELLENZA TIEGĦU DOTT. GEORGE ABELA, PRESIDENT TA' MALTA, FL-OKKAŻJONI TAŻ-ŻJARA MILL-QDUSIJA TIEGĦU L-PAPA BENEDITTU XVI F'MALTA.  L-AJRUPORT INTERNAZZJONALI TA' MALTA, ĦAL LUQA.  IS-SIBT 17 TA' APRIL 2010.

Santità,

Merħba fil-Gżira ta' San Pawl, f'din l-ewwel żjara Appostolika Tiegħek fi gżiritna li tikkonċidi ma' għeluq sninek li kien ilbieraħ: f'isem il-Poplu ta' Malta u Għawdex, u f'ismi u f'isem marti Margaret, nawguralek Ad multos annos.

Għad għandi memorji friski tal-laqgħa ta' ispirazzjoni li kelli miegħek f'Ġunju li għadda, waqt l-ewwel żjara konswetudinarja barra minn Malta ta' kull President Malti meta, il-kliem li għidtli qabel ħallejtek kienu "Nittama li darboħra narak Malta".

Aħna nifirħu llum li s-Suċċessur ta' San Pietru, San Pietru l-Appostlu ħabib ta' San Pawl, qiegħed fostna sabiex ifakkar flimkien mal-merħla tiegħu l-elf disgħa mija u ħamsin anniversarju minn nawfraġju ta' San Pawl f'Malta fis-sena 60.

San Pawl, kif insibu fl-Atti tal-Appostli, kien fi triqtu għall-proċess f'Ruma meta tempesta ġagħlet lill-mitejn u sitta u sebgħin (276) passiġġier abbord il-mirkeb li jfittxu kenn f'Malta, dak iż-żmien magħrufa bħala Melite, li kienet taħt ir-Rumani.  L-abitanti, deskritti minn San Luqa bħala barbaroi għax ma kinux jitkellmu l-Grieg jew il-Latin, kienu pagani iżda ittrattaw lill-Appostlu u n-nawfraġji kollha "bi ħlewwa liema bħala u qabbdulhom ħuġġieġa minħabba x-xita u l-bard".  Huwa fejjaq lil missier Publiju, il-Protos, il-Prinċep tal-gżira, u mbagħad ġew oħrajn u tfejqu wkoll.

Dik li tidher minn reperti arkejoloġiċi li kienet belt Rumana sofistikata, Melite, kienet tiffjorixxi fiċ-ċentru tal-Gżira fejn illum jinsabu l-Imdina u r-Rabat.  Jidher li Pawlu kellu xi libertà fejn seta' jmur minħabba li kien igawdi rispett kbir minn Ġulju, iċ-ċenturjun li kien jgħassu, u peress li normalment kien iwettaq il-missjoni tiegħu f'ambjent urban, aktarx li mar f'din il-belt u seta' ltaqa' mal-membri tal-komunità li kienet tgħix hemm.  Il-Grotta ta' San Pawl, li ilha assoċjata ma' Pawlu għal sekli sħaħ, tinsab f'dawn l-inħawi.

Għalkemm l-Atti tal-Appostli huma siekta dwar l-ippridkar u l-konverżjoni tal-abitanti, huwa impossibli timmaġina li l-Appostlu tal-Ġnus, li ddeskrivi lilu nnifsu bħala "Zelus għal Alla" seta' jgħix tliet xhur fil-Gżira, kif jirrakkontaw l-Atti, mingħajr ma ppriedka lill-abitanti l-messaġġ tal-Fidwa.  Huwa wkoll naturali li wieħed jissoponi li komunità żgħira ta' Kristjani twieldet madwar il-figura tal-appostlu.  L-idea ta' Alla, kif kienet maħsuba minn missirijietna qabel in-nawfraġju, inbidlet bil-mod il-mod waqt il-qagħda ta' San Pawl f'Malta minn din "ta' Mħallef tal-Ħaqq, kif irrakkontat meta l-lifgħa ħarġet minn nar u qabdet ma' id Pawlu, f'dik ta' Alla li Jfejjaq, li Jaħfer u li Jifdi".  Kien hekk li seħħet il-konverżjoni ta' missirijietna.

Għalhekk San Pawl huwa ġeneralment meqjus li żera' l-ewwel żerriegħa tal-evanġelizzazzjoni f'artna u li wassal lil niesha għall-ewwel laqgħa tagħhom ma' Ġesù jew "ma' ġrajja, ma' persuna li tagħti lill-ħajja xefaq ġdid u direzzjoni deċiżiva" kif Inti tfisser tant tajjeb, Santità fl-enċiklika tiegħek "Deus Caritas Est".  Dan ifisser li n-nies tal-gżejjer tagħna kienu xxurtjati biżżejjed li jirċievu l-bxara t-tajba tas-Saltna tas-Sema saħansitra qabel ma hu maħsub li nkiteb l-ewwel vanġelu.

Dan kien mument deċiżiv fl-istorja tagħna, li wieħed irid iħares lejh mhux biss mill-perspettiva storika u reliġjuża tiegħu, imma wkoll fl-implikazzjonijiet morali u kulturali tiegħu għax waqqaf is-sisien etiċi u intellettwali tal-Istat tagħna.  Ta lil Malta identità ġdida:  identità Nisranija li bil-mod il-mod ħadet post il-kultura pagana u politeistika f'waħda Nisranija.

Waqt li nżommu f'moħħna dawn l-għeruq storiċi, irridu issa nħarsu lejn il-preżent u nsaqsu lilna nfusna l-mistoqsija pertinenti: Fejn tinsab Malta llum.  X'kien jgħid l-Appostlu San Pawl dwar Malta tal-lum li kieku kien fostna ħalli jara dak kollu li ġara minn dak iż-żmien 'l hawn?

Malta mhix biss pajjiż indipendenti llum imma laħqet ukoll livell ta' żvilupp ekonomiku u soċjali li ppermettielha ssir Stat membru tal-Unjoni Ewropea.  Bħall-bqija tal-Ewropa u d-dinja oċċidentali, qed inħabbtu wiċċna ma' konflitt bejn il-Kristjaneżmu fuq naħa u l-lajċiżmu jew sekularizzazzjoni fuq l-oħra li, fi kliem il-filosfu Marcello Pera, kif iddeskrivih dan l-aħħar fil-Corriere della Sera, meta kien qed jirreferi għall-Ewropa:

    "e' in corso una guerra.  La guerra e' fra il laicismo e il cristianesimo".

U waqt li jagħmel paragun man-Nażiżmu u l-Komuniżmu, itenni:

    "Oggi come ieri, cio' che si vuole e' la distruzione della religione.  Allora l'Europa pago' a questa furia distruttrice il prezzo della propria liberta'....la stessa democrazia sarebbe perduta se il cristianesimo venisse ancora cancellato".

Illum, qed inħabbtu wiċċna ma' mewġa ta' sekulariżżmu, li jitlaq mill-punt tas-separazzjoni stretta bejn il-Knisja u l-Istat:  mudell lajċista li jrid li l-Istat ikun għal kollox maqtugħ mir-reliġjon, li tinftiehem bħala li tappartjeni biss għall-qasam privat.  Dan il-karattru profan li żviluppa f'xi Stati Ewropej qed iwassal lin-nies ikunu lajċisti jew saħansitra anti-Kristjani.

Madankollu, kif nafu jew għandna nkunu nafu, is-sisien morali ta' soċjetà fl-assjem tagħha, li tinkludi min jemmen, min hu anjostiku jew ateu, huma mseddqa aħjar mhux billi wieħed jitbiegħed mir-reliġjon imma permezz tal-qawmien mill-ġdid tal-kuxjenzjożità morali tal-Istat.  Kif il-Qdusija tiegħek iddeskriviet tant tajjeb fil-ktieb tiegħek "Values in a time of Upheaval": 

     "One point that is fundamental in all cultures, is namely, reverence for that which is holy to other persons, and reverence to the Holy One, God.  One can certainly demand this even of those who are not themselves willing to believe in God. Where this reverence is shattered, something in a society perishes".

Santità, dawk minna li jemmnu, huma msaħħa minn dawn il-valuri fundamentali mgħallma mill-Knisja u, filwaqt li nirrikonoxxu li xi membri tal-Knisja, u saħansitra ministri tagħha, jistgħu, xi drabi, joħorġu mit-triq id-dritta b'xorti ħażina, ma jifdlilna ebda dubju li dawn il-valuri għandhom siwi universali u l-validità tagħhom tittraxxendi kemm iż-żmien u kemm l-ispazju.  Ikun ħażin, fil-fehma tiegħi, li wieħed jipprova jinqeda l-indiskrezzjonijiet mistmerra tal-ftit sabiex jitfa' dell fuq il-Knisja kollha kemm hi.  Il-Knisja kattolika tibqa' impenjata sabiex tħares it-tfal u lil kull min hu vulnerabbli u li tara li ma jkollux fejn jistaħba min ifittex li jagħmel id-deni.  Hu għalhekk id-dmir tal-Knisja u tal-Istat li jaħdmu id f'id biex joħorġu direttivi u jgħaddu liġijiet sabiex mekkaniżmi effettivi u trasparenti jiġu maħluqa flimkien ma' proċeduri armonizzati u espedjenti biex iwaqqfu każijiet ta' abbuż biex b'hekk il-ġustizzja mhux biss issir imma wkoll tidher li qed issir.

Santità, aħna kburin bħala nazzjon li waslilna wirt Nisrani li jinsab fil-qalba tal-identità storika tagħna minkejja li m'aħniex Stat konfessjonali.  Aħna qegħdin ukoll, bħall-bqija tal-Ewropa, inħossu l-fenomenu tal-multi-kulturaliżmu, imma dan ma jfissirx li aħna niċħdu t-twemmin li hu tagħna.  Aħna ngħożżu kodiċi ta' valuri, nutrit mill-fidi tagħna, bħalma hu l-valur kardinali taż-żwieġ u l-familja. 


Aħna nirrikonoxxu li l-familja Maltija qed tgħaddi minn tibdil u sfidi mgħaġġlin, influwenzati ħafna bl-istil ta' ħajja tad-dinja oċċidentali u s-sekularizzazzjoni dejjem tikber tas-soċjetà Maltija.  Iżda l-parti l-kbira tal-Poplu tagħna għadha temmen fi żwieġ monogamu, imsejjes fuq ir-relazzjoni bejn mara u raġel, miftuħ għall-prokreazzjoni tal-ulied u konsegwentement, għall-formazzjoni tal-familja li hija s-sinsla tan-nazzjon tagħna.

Għandna għal qalbna l-invjolabilità tal-persuna umana u naffermaw ir-rispett sħiħ tagħna għad-drittijiet umani u nħarsu l-prinċipji tal-ġustizzja soċjali billi nipprovdu opportunitajiet indaqs għal kulħadd u naċċertaw irwieħna li kulħadd għandu aċċess għall-ħtiġijiet fundamentali.  Aħna kontra t-traffiku tal-bnedmin u ngħożżu l-qodos tal-ħajja umana mill-konċepiment sat-tmiem naturali tagħha.  Nemmnu fuq il-valuri tal-libertà, l-ugwaljanza u s-solidarjetà, il-prinċipji fundamentali tad-demokrazija u l-Istat tad-Dritt.

Tinsab kif inhi fiċ-ċentru tal-Mediterran, Malta hija esposta u trid tħabbat wiċċha mal-piż tal-immigrazzjoni illegali li qed tagħfas fuq ir-riżorsi finanzjarji u umani tagħna.  Minkejja dawn id-diffikultajiet, m'għandna qatt nitbiegħdu mill-valuri tradizzjonali tagħna ta' solidarjetà u ospitalità lejn dawn l-immigranti, waqt li jkunu Malta, filwaqt li nirrispettaw id-drittijiet u d-dinjità umana tagħhom.

Aħna ħaddanna l-missjoni li naħdmu għall-paċi u l-prosperità fir-reġjun Mediterranju u niċħdu kull konflitt bejn il-kulturi waqt li ninkoraġġixxu d-djalogu, anki dak bejn ir-reliġjonijiet, u l-ftehim bejn il-Popli.  Ninsab ċert li nkun qed infisser il-fehma tal-maġġoranza taċ-ċittadini tagħna meta ngħid li fil-Kurċifiss naraw simbolu tal-istorja tagħna, tal-kultura tagħna u, fuq kollox, tat-twemmin tagħna.  Il-wiċċ ta' Ġesù li jsofri fuq is-salib huwa l-wiċċ ta' Alla li ħafer lill-għedewwa tiegħu filwaqt tal-mewt.

Il-maġġoranza taż-żgħażagħ tagħna, għalkemm mhux immuni għal ċerti tendenzi negattivi tad-dinja moderna, iħaddnu valuri pożittivi u huma dedikati bis-serjetà biex iħejju ruħhom ħalli jkunu ċittadini tajba tal-futur.  It-tamiet tagħna għall-ġejjieni ta' pajjiżna jistrieħu fuqhom.  Għada, iż-żgħażagħ tagħna se jkollhom l-opportunità meraviljuża li jiltaqgħu personalment mal-Vigarju ta' Kristu u jaqsmu miegħu l-esperjenzi tagħhom u naf li għadd kbir minnhom ilhom jaħdmu fit-tħejjija ta' dan l-avveniment memorabbli u li se jħalli frott li jagħnilhom ħajjithom għal ħafna snin li ġejjin.

Santità, jiena nħossni kburi ngħid li dan kollu jagħmel sehem mill-identità u l-wirt nazzjonali tagħna.  Il-predeċessur tiegħek, il-Venerabbli Papa Ġwanni Pawlu II, waqt l-ewwel żjara tiegħu f'Malta fis-27 ta' Mejju 1990, kien ħeġġiġna billi saħaq li:

"Malta hija msejħa li tagħti kontribut lill-unità spiritwali tal-kontinent l-antik billi toffri t-teżori tagħha ta' fidi u valuri Nsara.  L-Ewropa teħtieġ ix-xhieda fidila ta' Malta wkoll."

Dan hu li nwegħduk illum, li aħna nkomplu nħarsu dawn il-valuri u l-Fidi tagħna li bħal kieku bdiet b'kumbinazzjoni imma li llum ngħożżu b'għażla tagħna bħala t-twemmin sħiħ tagħna.

Intant, Santità, tista' tibqa' żgur li qed nilqgħuk bħala s-suċċessur ta' San Pietru "bi tjubija liema bħalha" bħalma missirijietna għamlu ma' San Pawl.