Laikos

 

L-ISTEMMA

Il-Papa Franġisku ddeċieda li jżomm il-qafas essenzjali ta’ l-istemma li diġà kellu, magħżula sa mill-konsagrazzjani episkopali tiegħu u kkaratterizzata minn sempliċità lineari.

Il-parti blu hi mdawra mis-simboli tad-dinjità pontifiċja, ugwali għal dawk li ried il-predeċessur Benedittu XVI (mitra mgħollija bejn żewġ imfietaħ, miksija wieħed bid-deheb u l-ieħor bil-fidda, marbuta ma’ xulxin b’kurdun aħmar).  Fl-għoli, tispikka l-arma ta’ l-ordni reliġjuż li minnu ġej il-Papa, il-Kumpanija ta’ Ġesù: xemx tiddi u tarmi r-raġġi li fiha hemm, miktuba bl-aħmar, l-ittri IHS, monogramma ta’ Kristu.  L-ittra H għandha fuqha salib; isfel, tlitt imsiemer suwed.

Fil-parti ta’ isfel, hemm il-kewkba u l-warda tan-nard.  Il-kewkba, skond it-tradizzjoni araldika antika, tissimbolizza lill-Verġni Marija, Omm Kristu u l-Knisja; waqt li l-warda tan-nard tindika lil San Ġużepp, Patrun tal-Knisja Universali.  Fit-tradizzjoni ikonografika Spanjola, fil-fatt, San Ġużepp jidher b’zokk tan-nard f’idu.  Bl-għażla ta’ dawn ix-xbihat fl-istemma tiegħu, il-Papa jixtieq jesprimi d-devozzjoni partikulari tiegħu lejn il-Verġni Mqaddsa u San Ġużepp.

IL-MOTTO

Il-motto tal-Qdusija Tiegħu Franġisku hu meħud mill-Omeliji ta’ San Beda l-Venerabbli, presbiteru (Om. 21; CCL 122; 149-151), li, meta jikkummenta fuq l-episodju tal-Vanġelu li jirrakkonta s-sejħa ta’ San Mattew, jikteb: Vidit ergo Iesus publicanum et quia miserando atque eligendo vidit, ait illi: Sequere me (“Ra bniedem pubblikan, ħares lejh b’ħarsa ta’ ħniena u ta’ għażla, u qallu: ‘Ejja warajja’”).

Din l-omelija tagħti ġieħ lill-ħniena divina u nsibuha riprodotta fil-Liturġija tas-Sigħat tal-festa ta’ San Mattew.  Hi għandha sinifikat partikulari fil-ħajja u l-mixja spiritwali tal-Papa.  Fil-fatt, fil-festa ta’ San Mattew tas-sena 1953, iż-żagħżugħ Jorge Mario Bergoglio, fl-età ta’ sbatax-il sena, ġarrab b’mod għal kollox partikulari l-preżenza kollha mħabba ta’ Alla f’ħajtu.  Wara li mar iqerr, ħassu mqanqal f’qalbu u seta’ jħoss qrib tiegħu l-ħniena ta’ Alla, li, b’ħarsa ta’ mħabba ħelwa, sejjaħlu għall-ħajja reliġjuża, fuq l-eżempju ta’ San Injazju ta’ Loyola.

Meta ġie elett Isqof, l-E.T. Mons. Bergoglio, b’tifkira ta’ ġrajja bħal din li mmarkat il-bidu tal-konsagrazzjoni sħiħa tiegħu lil Alla fil-Knisja Tiegħu, iddeċieda li jagħżel, bħala motto u programm ta’ ħajja, l-espressjoni ta’ San Beda miserando atque eligendo, li ried ukoll iġib fl-istemma pontifiċja tiegħu.