Omelija tal-Papa Frangisku

Ċelebrazzjoni tal-Ewwel Għasar fis-Solennità ta’ Marija Santissma Omm Alla

Te Deum ta’ Radd il-Ħajr

It-Tlieta, 31 ta' Diċembru 2013

 

Il-Papa jagħmel sejħa lil Ruma biex tkun aktar solidali mal-foqra, ma' min hu mdejjaq jew qed isofri.  Il-ħsieb ewlieni tal-Papa Franġisku fl-omelija waqt il-vespri tas-Solennità ta' Marija Omm Alla u t-Te Deum tal-aħħar tas-sena

Sena li tispiċċa ma tkunx realtà li tiġi fi tmiemha imma realtà li tkompli għaddejja, hija pass ieħor lejn l-iskop li għandna quddiemna: l-aspirazzjoni ta' tama u hena għax għad irridu niltaqgħu ma' Alla li hu r-raġuni tat-tama tagħna u l-għajn tal-ferħ tagħna.

Ruma hija belt ta' sbuħija unika imma li fiha hawn tant persuni isforu minn miżerji materjali u morali, foqra, infeliċi, batuti, li jsejħu l-kuxjenza mhux biss tal-awtoritajiet imma ta' kull ċittadin.

L-appostlu Ġwanni b'mod preċiż jgħid: waslet is-siegħa.  Din l-affermazzjoni, li nsibuha fil-quddiesa tal-31 ta' Diċembru tfisser li bil-miġja ta' Alla aħna ninsabu fiż-żminijiet tal-aħħar li warajhom isseħħ it-tieni miġja, il-passaġġ aħħari, il-miġja finali ta' Kristu.

Bil-miġja ta' Kristu, iż-żmien wasal fil-milja tiegħu, milja li tfisser salvazzjoni.  U ma jkunx hemm aktar rivleazzjoni imma manifestazzjoni sħiħa ta' dak li diġà irrivelalna Ġesù.
Il-viżjoni Biblika u Nisranija taż-żmien u tal-istorja, mhix ċiklu imma linja li ma taqtgħax: hija mixja li tersaq lejn il-milja tagħha. Għalhekk sena li ntemmet ma tqiegħdniex quddiem realtà li ntemmet imma quddiem realtà li għadha titwettaq.  Hija pass ieħor 'il quddiem lejn l-iskop li għandna quddiemna: it-tama, l-hena, għax se niltaqgħu ma' Alla li hu r-raġuni tal-eżistenza tagħna u l-għajn tal-ferħ tagħna.

Hekk kif qed tintemm is-sena 2013, nistedinkom tiġbru qiesu f'qoffa, il-jiem, il-ġimgħat, ix-xhur li għextu biex toffru kollox lil Mulej.  Nistaqsu lilna nfusna: kif għexna ż-żmien li Hu tana bħala rigal?  Użajnih l-aktar għalina nfusna, għall-interessi tagħna, jew għarafna nużawh anki għall-oħrajn?  Kemm tajna ħin biex inkunu mal-Mulej bit-talb, bis-silenzju, fl-adorazzjoni...?

X'ġara tul din is-sena f'Ruma, x'qed jiġri, x'se jiġri?  Il-kwalità tal-ħajja tiddependi minna lkoll.  Kull wieħed u waħda minna jagħti sehmu biex inkunu nistgħu ngħixuha aħjar, b'aktar ordni u ftuħ lejn l-oħrajn.  Il-wiċċ ta' belt, qiesu mużajk li l-biċċiet tiegħu huma dawk kollha li jgħammru fiha.  Naturalment, min għandu l-awtorità għadu responsabbiltajiet akbar, imma kulħadd huwa responsabbli, fit-tajjeb u fil-ħażin.

Ruma hija belt ta' sbuħija unika.  Il-patrimonju spiritwali u kulturali tagħha hu straordinarju.  Madankollu anki f'Ruma hawn tant persuni mmarkati bil-miżerja materjali u morali, nies foqra, infeliċi, sofferenti, li qed isejħu l-kuxjenza ta' kull ċittadin.  Forsi f'Ruma l-kuntrast bejn l-ambjent majestuż, miżgħud bil-ġmiel artistiku u t-tbatija soċjali ta' min ma jistax ilaħħaq, inħossuh aktar.

Ruma hi belt tal-kuntrasti, mimlija turisti imma mimlija wkoll nies refuġjati; mimlija nies li jaħdmu imma wkoll nies li ma jistgħux isibu xogħol jew imħallsin ħażin jew li jagħmlu xogħol mhux dinjituż.

Iżda lkoll għandhom id-dritt li jkunu ttrattati bl-istess atteġġjament ta' laqgħa u ugwaljanza, għax kull wieħed u waħda minn dawn in-nies għandhom minquxa fihom id-dinjità umana.

Ruma tkun ħafna isbaħ jekk tisgħana b'aktar umanità, ospitalità u ftuħ lejn l-oħrajn: jekk ilkoll kemm aħna nagħtu l-attenzjoni u nkunu ġenerużi ma' min jinsab f'diffikultà; jekk nagħrfu nikkollaboraw bi spirtu kostruttiv u solidali, biex inkunu ta' ġid għal kulħadd.

Ruma fis-sena l-ġdida tkun aħjar jekk ma jkunx hemm min iħares lejha mill-bogħod, bħal f'xi kartolina, li jħares lejn il-ħajja tal-belt mill-gallarija mingħajr ma jagħti daqqa t'id biex jittaffew il-problemi umani, problemi ta' rġiel u nisa li, fl-aħħar mill-aħħar....  u minn dejjem, irridu jew ma rridux, huma ħutna.

F'din il-perspettiva l-Knisja ta' Ruma tħossha impenjata biex tagħti sehemha għall-futur u għall-ħajja tal-belt; biex tħeġġiġha bil-ħmira tal-Evanġelju u tkun sinjal u strument tal-ħniena t'Alla.

Miġjub għall-Malti minn Joe Huber.