ITTRA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU
GĦAT-TWAQQIF TAL-
“JUM DINJI TA’ TALB GĦALL-ĦARSIEN TAL-ĦOLQIEN”
[1 TA’ SETTEMBRU]
KONVERŻJONI EKOLOĠIKA
Lill-Aħwa Meqjuma,
Il-Kardinal Peter Kodwo Appiah TURKSON
President tal-Kunsill Pontifiċju għall-Ġustizzja u l-Paċi
Il-Kardinal Kurt KOCH
President tal-Kunsill Pontifiċju għall-Promozzjoni ta’ l-Għaqda bejn l-Insara
Waqt li naqsam ma’ ħija l-maħbub il-Patrijarka Ekumeniku Bartilmew l-istess tħassib għall-ġejjieni tal-ħolqien (ara Ittra Enċiklika Laudato si’, 7-9), u nilqa’ s-suġġeriment tar-rappreżentant tiegħu, il-Metropolita Ioannis ta’ Pergamo, fl-intervent tiegħu waqt il-preżentazzjoni ta’ l-Enċiklika Laudato si’ dwar l-għożża tad-dar komuni, nixtieq inħabbrilkom li ddeċidejt li nwaqqaf anki fil-Knisja Kattolika l-“Jum Dinji ta’ Talb għall-Ħarsien tal-Ħolqien”, li, ibda minn din is-sena stess, sa jiġi ċċelebrat fl-1 ta’ Settembru, l-istess kif ilu jseħħ żmien fil-Knisja Ortodossa.
Bħala Nsara nixtiequ noffru s-sehem tagħna biex tingħeleb il-kriżi ekoloġika li minnha għaddejja l-familja tal-bnedmin. Għalhekk jeħtieġ qabel xejn li fil-wirt spiritwali għani tagħna nsibu l-motivazzjonijiet li jħeġġu fina l-passjoni għall-għożża tal-ħolqien, waqt li niftakru dejjem li għal min jemmen f’Ġesù Kristu, il-Verb ta’ Alla magħmul bniedem għalina, “l-ispiritwalità m’hix mifruda mill-istess ġisem, lanqas min-natura jew mir-realtà ta’ din id-dinja, imma pjuttost tgħix magħhom u fihom, f’xirka ma’ dak kollu li bih aħna mdawra” (ibid., 216). Il-kriżi ekoloġika għalhekk qed issejħilna għal konverżjoni spiritwali qawwija: l-Insara huma msejħa għal “konverżjoni ekoloġika, li titlob minnhom li jħallu l-konsegwenzi kollha tal-laqgħa tagħhom ma’ Ġesù jidhru fir-relazzjoni tagħhom mad-dinja ta’ madwarhom” (ibid., 217). Fil-fatt, “li ngħixu l-vokazzjoni tagħna li nkunu ħarriesa ta’ l-opra ta’ Alla hi parti essenzjali minn ħajja magħġuna bil-virtujiet, m’hix għażla u lanqas xi aspett sekondarju ta’ l-esperjenza Nisranija” (ibid).
Il-Jum Dinji ta’ Talb għall-Ħarsien tal-Ħolqien se joffri ta’ kull sena lil kull min jemmen u lill-komunitajiet l-opportunità prezzjuża li jġeddu t-tweġiba tagħhom għas-sejħa li jkunu ħarriesa tal-ħolqien, u jgħollu quddiem Alla r-radd il-ħajr tagħhom għall-opra ta’ l-għaġeb li Hu fdalna f’idejna biex nieħdu ħsiebha, waqt li jitolbu l-għajnuna tiegħu għall-ħarsien tal-ħolqien u l-ħniena tiegħu għad-dnubiet imwettqa kontra d-dinja li fiha ngħixu. Iċ-ċelebrazzjoni ta’ dan il-Jum, fl-istess data mal-Knisja Ortodossa, sa tkun okkażjoni mill-aqwa biex nagħtu xhieda tal-komunjoni dejjem ikbar tagħna ma’ ħutna l-Ortodossi. Qed ngħixu fi żmien fejn l-Insara kollha qed iħabbtu wiċċhom ma’ l-istess sfidi importanti, fejn, biex niksbu riżultati iżjed kredibbli u effikaċi, jeħtieġ ikollna għalihom tweġibiet komuni. Għalhekk, nawgura li dan il-Jum jista’ jqanqal, b’xi mod, anki Knejjes u Komunitajiet ekkleżjali oħra biex jagħtu s-sehem tagħhom, u jiġi ċċelebrat f’sintonija ma’ l-inizjattivi li jippromovi dwar din it-tema l-Kunsill Ekumeniku tal-Knejjes.
Lilek, Kardinal Turkson, President tal-Kunsill Pontifiċju għall-Ġustizzja u l-Paċi, nitolbok tgħarraf lill-Kummissjonijiet għall-Ġustizzja u l-Paċ i tal-Konferenzi Episkopali, kif ukoll l-Organizzazzjonijiet nazzjonali u internazzjonali impenjati fil-qasam ekoloġiku, bit-twaqqif tal-Jum Dinji ta’ Talb għall-Ħarsien tal-Ħolqien, biex, f’armonija mal-ħtiġijiet u l-qagħdiet lokali, iċ-ċelebrazzjoni tiegħu ssir kif jixraq bis-sehem tal-Poplu kollu ta’ Alla: saċerdoti, reliġjużi u fidili lajċi. Għal dan il-għan, dan id-Dikasteru għandu jħabrek, f’kollaborazzjoni mal-Konferenzi Episkopali, biex iwettaq inizjattivi xierqa ta’ promozzjoni u animazzjoni, biex din iċ-ċelebrazzjoni ta’ kull sena tkun mument qawwi ta’ talb, riflessjoni, konverżjoni u twettiq ta’ stili ta’ ħajja koerenti.
Lilek, Kardinal Koch, President tal-Kunsill Pontifiċju għall-Promozzjoni ta’ l-Għaqda bejn l-Insara, nitolbok tagħmel il-kuntatti meħtieġa mal-Patrijarkat Ekumeniku u mar-realtajiet ekumeniċi l-oħra, biex dan il-Jum Dinji jsir tabilħaqq sinjal ta’ mixja flimkien imterrqa minn dawk kollha li jemmnu fi Kristu. Dan id-Dikasteru għandu wkoll iħabrek b’riżq il-kordinament ma’ inizjattivi simili mwettqa mill-Kunsill Ekumeniku tal-Knejjes.
Waqt li nawgura l-iktar kollaborazzjoni wiesgħa għall-aqwa tnedija u żvilupp tal-Jum Dinji ta’ Talb għall-Ħarsien tal-Ħolqien, nitlob l-interċessjoni tal-Verġni Mqaddsa Marija Omm Alla u ta’ San Franġisk ta’ Assisi, li l-Għanja tal-Ħlejjaq tiegħu tnebbaħ tant irġiel u nisa ta’ rieda tajba biex jgħixu fit-tifħir tal-Ħallieq u fir-rispett tal-ħolqien. Ħa twettaq dawn ix-xewqat tajba l-Barka Appostolika, li minn qalbi nagħti lilkom, Sinjuri Kardinali, u lil dawk kollha li jikkollaboraw fil-ministeru tagħkom.
Mill-Vatikan, 6 ta’ Awwissu 2015
Festa tat-Trasfigurazzjoni tal-Mulej
FRANCISCUS
miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard