Laikos

 

Papa Franġisku

Intervista minn Valentina Alazraki

6 ta' Marzu 2015

 

Intervista lill-Papa Franġisku minn Valentina Alazraki, Vatikanista ta’ Televisa, mogħtija f’Santa Marta fis-6 ta’ Marzu 2015, u li t-televiżjoni Messikana bdiet tittrasmetti fit-12 ta’ Marzu filgħaxija, lejlet il-bidu tat-tielet sena ta’ pontifikat tiegħu.  Hawn it-test integrali tat-tweġibiet, u l-mistoqsijiet f’forma mqassra.

 

Valentina Alazraki: Papa Franġisku, qabel xejn grazzi ħafna, għax anki jekk ilni ngħix hawn għal ħafna snin, din hi l-ewwel darba tiegħi li ninsab bil-qiegħda quddiem Papa biex nagħmillu intervista formali.

 

Il-Papa Franġisku: X’biża’!

 

Valentina Alazraki: Qed nibża’ ħafna.  Il-verità hi li nħossni emozzjonata ħafna, imma fuq kollox grata.  L-ewwel ħaġa li nixtieq nitolbok hi dak li l-Messikani kollha, jew ħafna minnhom, jew il-parti l-kbira, qed jistaqsu: Kif jista’ jkun li ma tiġix iżżurna din is-sena!  Konna qed nittamaw tant li ħa tiġi f’Settembru…

 

Il-Papa Franġisku: Xtaqt niġi, għax ridt nidħol l-Istati Uniti mill-fruntiera Messikana.  Imma kieku kelli mmur Ciudad Juárez, ngħidu aħna, u nidħol minn hemm, jew Morelia, u nidħol minn hemm, kienet tinħoloq ċerta konfużjoni: Għaliex se jmur hemm u ma jiġix iżur lis-Sinjura, l-Omm tagħna?  Barra minn hekk, ma tistax iżżur il-Messiku biċċa biċċa.  Il-Messiku jrid ġimgħa.  Inwiegħed vjaġġ fil-Messiku kif jixraqlu dan il-pajjiż, imma mhux bl-għaġla jew fi triqti lejn band’oħra.  Għalhekk iddeċidejt li ma ngħaddix mill-Messiku.

 

Valentina Alazraki: Int għażilt din is-sala, fejn naf li jinżammu laqgħat importanti ħafna, hawn jiġi deċiż il-ġejjieni tal-Knisja.  Hemm kwadru kbira tal-Morenita.  Xi tfisser għalik il-Verġni ta’ Guadalupe?

 

Il-Papa Franġisku: Missejt ma’ tema li nħossha ħafna.  Kif nispjegawh il-mument storiku tal-Messiku, meta l-Verġni żaret il-Messiku, u x’wirt ħalliet warajha?  Darbtejn fl-għalqa ta’ Mompúa dehret lil Juan Diego bħala Omm: Jiena Omm Alla, li grazzi għaliha Hu jgħix.  U mbagħad, meta hu jidher ftit beżgħan, hi tgħidlu: Minn xiex qed tibża’?  M’hawnx jiena, Ommok?  Hi Omm.  Imbagħad aħna nsejħulha Sultana, Sultana ċkejkna – dan qalu l-istess Juan Diego – Imperatriċi ta’ l-Amerika, imma Hi ssejjaħ lilha nfisha Omm, f’mument li fih l-Amerika kienet qed titwieled mill-ġdid.  U hi l-Omm li ġġib il-bxara t-tajba fil-Messiku.  Hi Omm li qed tistenna tarbija.  F’dak il-mument traġiku tal-konkwista, għax f’dak iż-żmien kien qed jiġri minn kollox, Hi ġabet is-salvazzjoni.  U turi li qed iġġorr iben f’ġufha.  Kif turih dan?  Kif turi li hi tqila?  Tidher b’karnaġġjon skur – nofsu ta’ razza u nofu ta’ oħra.  Hi profezija vera, it-taħlit ta’ razez tagħna fl-Amerika.  Profezija tal-kultura tagħna, u għalhekk hi tissupera l-konfini tal-Messiku, tmur ħafna aktar lil hemm: hi dik li tgħaqqad il-poplu Amerikan.  Hi l-Omm tiegħu.  L-Amerika m’hix iltima.  Għandha Omm.  Omm li ġġibilna lil Ġesù.  Jew aħjar, is-salvazzjoni li hi Kristu tiġi minn mara u dan hi trid turih permezz tal-karnaġġjon tagħna, li urietu b’mod partikulari fil-Messiku.  U tagħżel iben ta’ din il-kultura biex turi ruħha lilu.  Ma tagħżilx tifel Spanjol jew ta’ xi pajjiż kolonizzatur, jew ta’ xi sinjura grazzjuża, le, le.  Bniedem sempliċi, miżżewweġ, umli.  Allura għalija Hi l-Omm.  Hi Omm b’karnaġġjon skur u, nindenja ngħid, anki aktar.  Dan hu l-bidu ta’ ħaġa li dwarha ma tantx nitkellmu fl-Amerika: hi l-kotra tal-qdusija.  Fil-kolonizzazzjoni Amerikana, fil-konkwista Amerikana, kien hemm dnubiet bla għadd.  Saru ħafna dnubiet.  Imma kien hemm ukoll ħafna qaddisin: Santa Roża ta’ Lima; l-iskur Martín de Porres; meta mmur l-Istati Uniti sa nikkanonizza raġel qaddis li evanġelizza l-Kalifornja, Junípero Serra, li, qabel mar għall-missjoni fil-Kalifornja, mar propju għandHa jitlobha tbierku.  Jiġifieri f’ċertu sens kienet Hi li fetħet il-bieb għal dak il-kurrent ta’ qdusija.  Il-qaddisin Messikani, il-qaddisin Amerikani huma ħafna.  Imma għalija, Hi dak kollu li għadni kemm għidt: hi Omm, għajn ta’ għaqda kulturali, bieb għall-qdusija, qalb tant dnub u tant inġustizzja, tant sfruttament u tant mewt.  Hi Omm.  Dan hu li nħoss meta nħares lejha.

 

Valentina Alazraki: Lura mill-Filippini int għidt li xtaqt tidħol l-Istati Uniti mill-fruntiera mal-Messiku.  Int iben l-immigranti, il-ġenituri tiegħek kienu Taljani, u marru l-Arġentina.  Int għandek f’demmek dik it-tifsira.  X’kien ikun is-sinifikat tal-preżenza tiegħek hemm, fuq dik il-fruntiera?

 

Il-Papa Franġisku: Nies mhux biss mill-Messiku, imma mill-Amerika Ċentrali, mill-Gwatemala, li taqsam il-Messiku kollu biex tfittex futur aħjar.  Il-lum il-ġurnata l-emigrazzjoni hi frott il-faqar fis-sens etimoloġiku tal-kelma, frott tal-ġuħ, tat-tiftix għal fruntieri ġodda.  L-istess qed jiġri fl-Afrika, b’dawk in-nies kollha li qed jaqsmu l-Mediterran u li ġejjin minn pajjiżi li qed jgħixu mumenti diffiċli, kemm minħabba l-ġuħ u kemm minħabba l-gwerer.  Imma jidher li l-immigrazzjoni l-lum il-ġurnata hi marbuta ħafna mal-ġuħ, man-nuqqas ta’ xogħol, mat-tirannija ta’ sistema ekonomika li tpoġġi fiċ-ċentru tagħna l-alla flus flok il-persuna.  U għalhekk il-persuni qed jiġu mormija.  Hekk pajjiż joħloq – fl-Amerika, fl-Afrika, hu fejn hu – sitwazzjoni ekonomika imposta, naturalment, li tarmi n-nies, li jkollha tmur band’oħra tfittex xogħol, ikel jew ġid.  Bħalissa l-problema migratorja fid-dinja hi ta’ swied il-qalb kbir.  Fil-fatt insibu bosta fruntieri migratorji.  Jien kuntent li l-Ewropa qed tirrevedi l-politika tagħha ta’ l-immigrazzjoni.  L-Italja kienet ġeneruża ħafna, u dan irrid ngħidu.  Is-Sindku ta’ Lampedusa lagħbet kollox, waslet anki biex bidlet il-gżira minn art tat-turiżmu għal art ta’ ospitalità.  B’dak li jġib miegħu l-fatt li ma tibqax taqla’ flus.  Allura jeżistu ġesti erojċi.  Imma issa, għall-grazzja ta’ Alla, qed nara li l-Ewropa qed tirrivedi s-sitwazzjoni.  Lura għall-immigrazzjoni hemm, f’dik iz-zona, għandna wkoll post ta’ skontri kbar għall-problema tat-traffikar tad-droga.  L-Istati Uniti qaluli – ma rridx nagħti statistiċi, li mbagħad joħolquli problema diplomatika – u dan qrajtu wkoll f’rivista, li huma fost dawk li jikkonsmaw l-aktar droga fid-dinja.  U l-fruntiera mnejn tidħol id-droga, dik prinċipali, hi dik Messikana.  Allura anki hemm għandna min qed ibati.  Morelia, dik in-naħa kollha, hi zona ta’ tbatija kbira fejn lanqas l-organizzazzjonijiet tat-traffikanti tad-droga ma jiċċajtaw, jafu jagħmlu sew ix-xogħol tagħhom tal-mewt, huma messaġġiera tal-mewt, kemm minħabba fid-droga u kemm biex “inaddfu” lil dawk li jeħduha kontra d-droga.  U tlieta u erbgħin student b’xi mod qed jitolbu, ma ngħidx vendetta, imma ġustizzja, li jibqgħu miftakra.  Għalhekk inwieġeb għal dik li forsi hi kurżità: ridt nagħmel kardinal lill-Arċisqof ta’ Morelia għax jinsab f’qagħda iebsa ħafna.  Hu bniedem li jinsab f’zona sħuna ħafna, din hi xhieda ta’ bniedem Nisrani, ta’ saċerdot kbir.  Imma fuq il-kardinali nistgħu nitkellmu iktar tard.  Hawn kemm semmejtu.

 

Valentina Alazraki: Bħala l-ewwel Papa mill-Amerika Latina tħoss li għandek responsabbiltà ikbar, dik li tkun leħen għal dawk il-miljuni kollha li qed iħossu li għandhom joħorġu minn pajjiżhom, jaqsmu l-fruntieri, il-ħitan, fl-Amerika, fl-Asja, fl-Ewropa, kullimkien?

 

Il-Papa Franġisku: Iva.  Li nkun leħen, imma mhux b’mod programmatiku.  Din tiġini spontanja.  Tiġini minħabba fl-istess esperjenza tagħna fl-Amerika Latina u anki minħabba fid-demm tiegħi ta’ emigrant.  Missieri u n-nanniet tiegħi marru l-Arġentina.  Kellhom raġunijiet tajba biex jagħmlu dan, imma kienu raġunijiet politiċi: in-nanna kienet impenjata ħafna fl-Azzjoni Kattolika li kienet għadha titwieled, anki jekk ma kinux iġagħluha tixrob żejt ir-riġnu, għax hekk kien isir dak iż-żmien  Iddeċidew li jmorru jfittxu toroq ġodda.  Barra minn hekk ħut in-nannu tiegħi kienu qabdu xogħol tajjeb f’Entre Ríos, imma huma marru hemm fl-1929, u fl-1932 il-kriżi xeħtithom lura fit-triq, b’idejhom vojta.  Kien hemm qassis li silifhom elfejn pesos biex setgħu jixtru ħanut tal-merċa.  Missieri, li kien akkantawnt, kien jagħmilha wkoll ta’ kurrier.  Dawn in-nies kienu jaraw mnejn ħa jdaħħlu sold biex jgħixu, u reġgħu bdew mill-ġdid.  Reġgħu bdew jissieltu biex iżommu wieqfa l-familja tagħhom.  Dan għalija jfisser ħafna.  Dan kollu jien għextu fid-dar.

 

Valentina Alazraki: Minn hawn ġejja s-sensibbiltà kollha tiegħek…

 

Il-Papa Franġisku: Naħseb li iva.  Iva.  Barra minn hekk, fl-Arġentina rajt b’għajnejja sitwazzjonijiet diffiċli.  Ta’ faqar u ta’ emarġinazzjoni, saħansitra ta’ dipendenza fuq id-drogi.  U dawn huma l-affarijiet li jċaqalquni.  Tiġini naturali.  Mhux ideoloġikalment.  Għalhekk xi drabi nkun xi ftit bla skrupli fi kliemi u ta’ żaqqi f’fommi, imma ma jimpurtax…

 

Valentina Alazraki: Int irriferejt għat-tlieta u erbgħin student ta’ Iguala.  Kien mument diffiċli għall-Messiku, kien luttu kbir għal pajjiżna.  Niftakar lil Suárez Inda, il-kardinal il-ġdid ta’ Morelia, jgħid li meta hemm sitwazzjoni diffiċli, kollha aħna ħatja u b’xi mod responsabbli.  Il-Knisja ma tagħtix soluzzjonijiet politiċi, tekniċi, imma nemmen li hemm bżonn ta’ messaġġ ta’ inkuraġġiment lill-Messiku.

 

Il-Papa Franġisku: Dan m’hux l-ewwel mument diffiċli li għaddej minnu l-Messiku.  Hawn nerġa’ norbot mat-tema tal-qdusija.  Il-Messiku għadda minn mumenti ta’ persekuzzjoni reliġjuża, li tatna ħafna martri.  Naħseb ix-xitan lill-Messiku jrid jikkastigah b’korla kbira.  Propju għalhekk.  Naħseb li x-xitan m’hu ħa jaħfirha qatt lill-Messiku li l-Verġni hawn uriet lil Binha.  Din interpretazzjoni tiegħi.  Il-Messiku hu pprivileġġjat fil-martirju, għax għaraf, iddifenda l-isem ta’ Ommu.  U dan int tafu tajjeb ħafna.  Hemm Messikani Kattoliċi, mhux Kattoliċi, atej, imma kollha huma Gwadalupjani.  Dan ifisser li kollha jħossuhom ulied.  Ulied dik li ġabitilna s-Salvatur, li qerdet id-demonju.  Hawn ukoll tidħol it-tema tal-qdusija.  Naħseb li x-xitan ippreżenta kont storiku f’idejn il-Messiku.  U għalhekk dawn l-affarijiet kollha: fl-istorja dejjem dehru ħġejjeġ ta’ kunflitt kbir.  Ta’ min hija l-ħtija?  Tal-gvern?  Din hi l-aktar soluzzjoni, tweġiba superfiċjali.  Il-gvernijiet dejjem għandhom il-ħtija.  Iva, il-gvern.  B’xi mod kollha għandna ħtija, ta’ l-inqas dik li m’aħniex nagħmlu tagħna t-tbatija ta’ l-oħrajn.  Hemm nies li qiegħda sew u forsi l-mewt ta’ dawk iż-żgħażagħ ma messithiex, ħallietha indifferenti: Ma messitx lili, għall-grazzja ta’ Alla lili ma messitnix.  Imma l-parti l-kbira tal-poplu Messikan hu solidali.  U din hi waħda mill-virtujiet li għandkom intom.  Nemmen li kulħadd għandu jikkollabora, biex b’xi mod tissolva l-problema.  Naf li diffiċli ħafna wieħed joħroġ jikkundanna fil-beraħ lit-traffikanti tad-drogi.  Għax tiswielu ħajtu, ikun speċi ta’ martirju, le?  Iebsa, imma nemmen li lkoll kemm aħna f’sitwazzjonijiet simili, fil-Messiku u band’oħra, jeħtieġ nikollaboraw.  Li nitfgħu l-ħtija fuq settur wieħed, persuna waħda, grupp wieħed hu infantili.

 

Valentina Alazraki: Int bgħatt messaġġ privat lil ħabib tiegħek Arġentin u esprimejt it-tħassib tiegħek dwar il-mod allarmanti kif f’pajjiżek qiegħed dejjem jiżdied it-traffiku tad-droga.  Użajt l-espressjoni: “Ħa nfittxu li nevitaw il-Messikanizzazzjoni”…  Din l-espressjoni feriet is-suxxettibbiltà u s-sensibbiltà ta’ bosta.  X’ridt tgħid biha?

 

Il-Papa Franġisku: Iva.  Dak ir-raġel hu diriġent, bniedem li ħadem ħafna għall-ġustizzja soċjali u jaħdem ħafna, hu ħabib tiegħi.  Ġej mix-xellug, mit-trotzkismominn hemm ġej.  Hu bniedem li sab lil Ġesù u jaħdem għall-ġustizzja soċjali, dan jirrakkuntahuli hu stess.  Irrakkuntali kif kien irnexxielhom jiskopru xi xbieki ta’ traffikar ta’ droga, li kienu qed jiġġeldulhom u li kienu għalqu wkoll katina ta’ burdelli.  Hu jaħdem ħafna fil-qasam ta’ l-iskjavizzazzjoni tal-persuni – jew aħjar tal-“fabbriki skjavi” ma’ immigranti li jinsterqilhom il-passaport u jinżammu skavji hemm – u f’dak tal-prostituzzjoni u tad-dipendenza fuq id-drogi.  Qalli: Irridu nevitaw li naslu għall-Messikanizzazzjoni ta’ l-Arġentina.  Hekk qalli.  Mid-dehra kienet espressjoni, ippermettili l-kelma, “teknika”.  M’għandha xejn x’taqsam mad-dinjità tal-Messiku.  Bħalma meta nitkellmu dwar il-“Balkanizzazzjoni”, la s-Serbi, la l-Maċedoni u lanqas il-Kroati ma jieħdu għalina.  Il-lum saret drawwa ngħidu li tibbalkanizza xi ħaġa u tintuża teknikament, il-mezzi tax-xandir użawha kemm-il darba.

 

Valentina Alazraki: Kienet tintuża “Kolombizzazzjoni”, ngħidu aħna.

 

Il-Papa Franġisku: Ukoll.  U għalhekk jien weġibtu li kont se nitlob, kont sa nakkumpanjahom biex forsi ma naslux għall-Messikanizzazzjoni, teknikament.  Il-fatt qanqal furur imma, skond l-istatistiċi li wasluli, magħmula minn xi ġurnalisti Messikani, il-parti l-kbira, id-disgħin fil-mija tal-poplu Messikan, ma ħassux offiż minn hekk.  U dan iferraħni.  Għalija kien ikun ta’ swied il-qalb kbir li kellu jiġi interpretat b’dak il-mod.  L-istess gvern, wara li talab kjarifika, aċċetta l-ispjegazzjoni.  Dik vera.  U spiċċat hemm.  Jew aħjar, dan m’għalaqlix il-bibien tal-Messiku.  Il-Messiku ħa mmur.

 

Valentina Alazraki: Nafu li int tagħmel telefonati, tikteb ittri personali.  Qatt ħsibt li lil dawk li tikkomunika magħhom, tirrikkmandalhom diskrezzjoni, għax dawn huma komunikazzjonijiet privati?

 

Il-Papa Franġisku: Normalment hekk nagħmel.  Imma xi drabi n-nies ma tafx iżżomm ħalqha magħluq.  Dan il-ħabib tiegħi kitibli u talabni maħfra, wegħidni għal iktar minn darba li qatt iżjed ma kien se jippubblika…

 

Valentina Alazraki: Għadu ħabib tiegħek?

 

Il-Papa Franġisku: Iva.  Anki għax dan għamlu biex bħal jgħid li “anki il-Papa qed jiġġieled kontra d-droga”.  Hu minnu li l-fatt li meta mmiss tema hekk delikata, dan jista’ jkollu konsegwenzi għalija.  Irrid ngħid li xi drabi ħassejtni użat mill-politika.  Politiċi Arġentini li jitolbu udjenza miegħi…  Iva, nifhem il-mistoqsija tiegħek u nixtieq inwieġeb b’mod miftuħ, anki jekk tista’ taqlagħli xi problema personali f’pajjiżi.  Imma nirrakkonta sempliċement dak li ġara.  Bla dubju, l-Arġentini meta raw Papa Arġentin, insew min kien favur jew kontra Papa Arġentin.  U aħna l-Arġentini, li m’aħniex umli, li aħna prużuntużi…  Int taf kif toqtol Arġentin?

 

Valentina Alazraki: Le.

 

Il-Papa Franġisku: Le?  Irfes fuq l-ego tiegħu u minn hemm imur jaqbeż!

 

Valentina Alazraki: Smajt ħafna battuti, imma din qatt…

 

Il-Papa Franġisku: Aħna l-kampjuni tad-dinja, wara l-kampjun San Lorenzo

 

Valentina Alazraki: Ħeqq, jiena nemmen li s-San Lorenzo hu kampjun grazzi għalik.  Ġietu tajba wisq.

 

Il-Papa Franġisku: Fir-realtà aħna ma ndumux biex nagħmlu lilna nfusna kbar.  Ftit li xejn aħna umli, jew aħjar, nitkabbru faċilment: l-estremità Arġentina, propju fil-mod kif inġibu ruħna u ngħixu, il-fatt li nħossuna xi ftit superjuri, l-aqwa ta’ l-Amerika, dawn l-affarijiet…  Naf li ħafna persuni, il-parti l-kbira tagħhom bla ma jixtiequ, xi wħud apposta, japprofittaw miż-żjara tagħhom hawn jew ittra tiegħi jew telefonata.  Hemm persuni li nċemplilhom u ma jirrakkuntaw xejn lil ħadd.  Jien ċempiltilhom u dan qatt ma qaluh lil ħadd.  Morda li bgħattilhom ittra u qatt ma ppubblikawha mkien.  Oħrajn iva.  Imma jekk inħoss li għandi nagħmel ħaġa, nagħmilha u nirriskja.  X’nista’ nagħmel?

 

Valentina Alazraki: Ngħidu aħna s-setet, li m’humiex problema tal-Messiku biss.  Kif nistgħu nirbħu lura lil dawn il-persuni?  Għaliex telqu lill-Knisja u daru għas-setet?

 

Il-Papa Franġisku: Il-movimenti evanġeliċi huma ħaġa oħra; wara rrid nagħmel distinzjoni bejn setet u mhux setet.  Issa ħa nitkellmu fuq il-Moviment Evanġeliku kollu, setet u m’humiex.  Dak li joffru b’mod ġenerali hu li huma qrib tan-nies.  Biżżejjed li tmur darba tieħu sehem fil-kult u l-Ħadd ta’ wara ssibhom jistennewk fil-bieb u jafu ismek u jsellmulek.  Int persuna għalihom.  Spiss aħna l-Kattoliċi, billi nagħmlu għall-folol kbar u fuq kollox minħabba f’difett kbir ħafna li għandna fl-Amerika Latina li hu l-klerikaliżmu, noħolqu d-distanza.  Il-klerikaliżmu fl-Amerika Latina kien wieħed mill-akbar ostakli biex seta’ jikber il-lajkat.  Il-lakjat fl-Amerika Latina kiber biss fil-pjetà popolari.  Dan li ġara.  Għax hemm il-lajk hu liberu u kreattiv, għandu l-purċissjonijiet tiegħu, il-kulti tiegħu, imma mil-lat organizzattiv il-lajk ma kibirx biżżejjed, u ma tantx kiber xi ftit jew wisq minħabba dan il-klerikaliżmu li joħloq id-distanzi.  Allura, lura għall-mistoqsija, waħda mill-affarijiet li jinħolqu fil-movimenti evanġeliċi hi l-qrubija.  “Allura, kif int?”.  Imbagħad nagħmlu distinzjoni bejn movimenti evanġeliċi onesti, tajbin, u l-movimenti tas-setet.  Ngħidu aħna hemm proposti reliġjużi li m’humiex Insara u l-istess Evanġeliċi ma jridux jafu bihom.  U hemm setet, li xi wħud minnhom ġejjin mit-teoloġija tal-ġid.  “Jekk tiġi, tmur tajjeb”, u affarijiet hekk.  Niftakar setta fi Buenos Aires.  Ma mortx jien, imma tlabt lil xi ħbieb biex imorru jaraw x’kien għaddej waqt liturġija penitenzjali.  Mela, diskors ħieles u mħeġġeġ, omelija mħeġġa fuq id-dnub u fuq il-fatt li Alla jaħfer: kollox magħmul sewwa ħafna.  U qalu: “Tajjeb, issa kulħadd jaħseb fi dnubietu, f’dak li għamel, kull wieħed jiftakar fil-Kmandamenti u jitlob maħfra, u allura tridu tagħmlu offerta ta’ daqstant flus”.  Qed nissimplifika.  Hu ovvju li l-Evanġeliċi ma jaċċettawx dan.  L-Evanġeliċi serji, imma.  Imbagħad hemm il-fenomenu ta’ min juża l-affarijiet reliġjużi bħala kummerċ.  Bħal fil-każ fejn wieħed jagħmel kors żgħir u mbagħad jiftaħ post ta’ kult.  Imma jien nagħmilha din id-distinzjoni.  Mhux se npoġġi l-ħaxix kollu f’qatta’ waħda.  Hemm gruppi li jsejħu lilhom infushom Evanġeliċi u bilkemm huma Nsara, u kemm l-Evanġeliċi u kemm aħna l-Insara nagħrfuhom.  Dwar dan darba tkellimt fit-tul ma’ ħabib kbir tiegħi, li miegħu qsamt il-kattedra tat-teoloġija.  Dwar dan tkellimt ukoll ma’ ħabib kbir tiegħi Luteran, professur fil-Fakultà tat-Teoloġija Luterana, Svediż, il-pastor Anders Root.  Miet tliet snin ilu, fl-Isvezja, għax kien mar lura l-Isvezja.  Miegħu qsamt il-kattedra tat-teoloġija spiritwali.  Stedintu meta kien jgħallem it-teoloġija spiritwali f’fakultà Kattolika.  Konna nitkellmu ħafna.  Konna ħbieb kbar.  Hu kiteb teżi, teżi ta’ liċenzja, mhux tad-dottorat.  Għamilha fuq moviment hekk imsejjaħ Evanġeliku, imma li fil-verità ma kienx Nisrani, u wera għaliex ma kienx Nisrani.  Naf li ma’ l-Evanġeliċi u mhux biss mal-Knejjes storiċi, imma mal-movimenti evanġeliċi, aħna naqblu fuq il-fatt li hemm xi setet li bilkemm huma Nsara u oħrajn huma cachivache (imbarazz), biex nuża kelma tagħna.  Barra minn hekk, nixtieq nippreċiża ħaġa dwar kelma ekwivoka, il-Pentekostaliżmu.  Hemm Pentekostali li joqorbu lejn dawk il-gruppi li fil-verità m’humiex Insara, u hemm Pentekostali li jaħdmu id f’id magħna; nagħmlu laqgħat flimkien mal-Moviment tat-Tiġdid fl-Ispirtu, dak Kattoliku.  Jiġifieri wieħed irid jiġġudika kull każ għalih u jagħraf jagħżel.  Ma nistgħux inpoġġu lil kulħadd f’keffa waħda.  Allura, nerġa’ lura għall-mistoqsija: Għaliex?  Għax joffru din il-qrubija, u mbagħad hemm ix-xandir tal-Kelma.  L-omeliji tagħna, ngħidu aħna…  Kien qed jirrakkontali saċerdot Ruman, li kien mar iżur il-ġenituri tiegħu li jgħixu f’raħal ċkejken qrib Ruma, u missieru darba qallu: “Ma tafx kemm jiena kuntent!  Għax jien u sħabi sibna knisja fejn ma jagħmlux Quddiesa waħda bla omelija”.  Jiġifieri hemm omeliji li huma diżastru.  Iva.  Ma nafx jekk hux il-biċċa l-kbira, imma ma jaslux għall-qalb.  Huma lezzjonijiet tat-teoloġija, jew astratti, jew twal.  Għalhekk fl-Evangelii gaudium iddedikajt tant spazju lill-omelija.  B’mod ġenerali, il-pastors Evanġeliċi joffru qrubija kbira u jmissu l-qalb, u l-omelija jippreparawha tajjeb.  Naħseb li f’dan aħna li rridu nikkonvertu.  Ovvjament, il-kunċett Prostestant ta’ omelija hu qawwi iktar minn dak Kattoliku.  Għall-bidu, għal Luteru l-omelija kienet kważi sagrament.  Għalina kienet taħdita jew katekeżi, jew kienet tispiċċa katekeżi.  Għall-grazzja ta’ Alla aħna l-Kattoliċi issa skoprejna t-teoloġija tal-predikazzjoni, fejn l-omelija għandha rwol, hi bħala sagramentali.  Hemm fiha xi ħaġa li qegħidha hemm Alla, u hi ħaġa serja ħafna.  Minn naħa, hemm distanza, klerikaliżmu, omeliji tad-dwejjaq; min-naħa l-oħra hemm qrubija, eżortazzjonijiet biex naħdmu, biex naraw kif nagħmlu, inħabirku biex inwasslu l-Kelma ta’ Alla li tixgħel il-qlub.  U jmorru.  Hu fenomenu li ma narawhx fil-Knejjes jew fil-komunitajiet ekkleżjali l-aktar serji, Evanġeliċi, imma f’dawk li huma xi ftit dgħajfa u m’humiex Insara.  U xi wħud jeħlu f’nofs mixja.  Iħallu d-dar u mbagħad lanqas jerġgħu lura, din hi problema kbira ta’ l-Amerika Latina.  Fl-Arġentina konna naħdmu ħafna id f’id mal-pastors.  Fi Buenos Aires kont niltaqa’ ma’ grupp ta’ ħbieb tiegħi pastors, konna nitolbu flimkien u norganizzaw tliet irtiri spiritwali għall-pastors u s-saċerdoti flimkien, ta’ bosta jiem.  U kienu jiġu jippriedkaw saċerdot Kattoliku u pastor.  Darba ppriedka l-Isqof Awstraljan Gretsch, il-lum ħalliena, u darbtejn Patri Cantalamessa, min-naħa Kattolika.  U min-naħa tagħhom, pastors daqstant ieħor prestiġjużi.  Konna lkoll hemm, pastors irġiel u nisa, saċerdoti, nitolbu flimkien, nagħmlu l-irtir spiritwali tagħna.  Għamilniehom tliet darbiet.  Dan għenna ħafna lilna li, ftit jew wisq, konna mexjin fuq linja iktar serja.  Organizzajna wkoll tliet laqgħat bejn Kattoliċi u Evanġeliċi fil-Luna Park, li jista’ jilqa’ fih ftit aktar minn sebat elef persuna.  Laqgħat ta’ ġurnata sħiħa, fi tliet snin differenti.  Stedinna wkoll xi pastors minn barra, xi saċerdoti minn barra.  Anki Cantalamessa darba ħa sehem.  U dan għenna ħafna biex naħdmu flimkien, aħna li konna mixjin fuq linja serja.  Allura, kif tista’ tara, il-kelma “setta” bħal donnha titlef is-sens tagħha.  Waqaft fit-tul fuq dan il-punt biex nagħmel ġustizzja, biex ma nagħmilx inġustizzja.  Għandna ħafna aħwa Evanġeliċi li qed jagħmlu bosta ġid.

 

Valentina Alazraki: Din l-intervista qed taħbat mat-tieni anniversarju mill-ħatra tiegħek.  X’seħħ eżatt dak in-nhar?

 

Il-Papa Franġisku: Il-ħaġa kienet sempliċi ħafna.  Jien kont ġejt hawn b’bagalja ċkejkna għax kont ikkalkulajt li l-Papa qatt ma kien se jiftaħ il-pontifikat tiegħu fil-Ġimgħa Mqaddsa.  Għalhekk, stajt niġi b’rasi mistrieħa u nerġa’ lura Buenos Aires għal Ħadd il-Palm.  Kont ħallejt l-omelija lesta fuq l-iskrivanija tiegħi u kont ġibt miegħi dak li ta’ bil-fors kont neħtieġ għal dawn il-jiem, għax ħsibt li l-konklavi kien ħa jkun qasir ħafna.  Hu x’inhu, anki jekk kellu jkun twil, kelli kollox ippreparat.  Kelli l-biljett tat-titjira lura: stajt nibdlu jew naqtgħu għal qabel.  Ta’ l-inqas dan kien ċert.  Mill-bqija, ma kont fl-ebda lista ta’ papabbli, għall-grazzja ta’ Alla, u bl-ebda mod ma kien jgħaddili minn moħħi.  F’dan irrid inkun sinċier biex nevita stejjer jew affarijiet simili.  Fl-imħatri ta’ Londra naħseb kont jew fit-tnejn u erbgħin jew fis-sitta u erbgħin post.  Xi ħadd li kien jafni, b’simpatija lejja, lagħab fuq ismi u ġietu tajba ħafna!

 

Valentina Alazraki: Imma ħallini nfakkrek li kienet soru Messikana li kellha intuwizzjoni kbira.  Is-Sibt ta’ qabel l-elezzjoni, hi kienet għall-ikel f’dar ta’ ħabib tiegħek, il-Kardinal Lozano Barragán, u Madre Estela qaltlek: “Eminenza, jekk jagħmluk Papa, stedinna niġu nieklu hemm fuq, ta!”.

 

Il-Papa Franġisku: Madre Estela hekk qaltli.  U hekk beda l-konklavi.  Il-ġurnalisti qalu li l-iktar l-iktar jiena kont kingmaker, jiġifieri elettur, elettur kbir, li kont se nindika lil xi ħadd.  U serraħt rasi.  Fetħet l-ewwel votazzjoni t-Tlieta wara nofs in-nhar, it-tieni waħda l-Erbgħa fil-għodu, it-tielet l-Erbgħa qabel il-pranzu.  Il-fenomenu tal-votazzjonijiet dejjem hu interessanti, mhux biss fil-konklavi.  Issib kandidati b’saħħithom.  Imma anki ħafna nies li ma tafx lil min ħa taqbad tagħti l-vot.  U allura tagħżel sitta, seba’ persuni li huma l-“voti depożitu”: jien nixħet il-vot, imbagħad nara kif sejrin l-affarijiet u niddeċiedi.  Qisha “ħaġa proviżorja”.  Hekk ġara fil-votazzjonijiet tal-gruppi l-kbar.  Iva, jien kelli xi voti, imma bħal f’depożitu.

 

Valentina Alazraki: Hu minnu li fil-konklavi ta’ qabel kont ġibt xi erbgħin vot?  Tista’ tgħidli?

 

Il-Papa Franġisku: Le.

 

Valentina Alazraki: Hekk qalu.

 

Il-Papa Franġisku: Iva, hekk qalu.

 

Valentina Alazraki: Iva, xi kardinal qal hekk.

 

Il-Papa Franġisku: Tajjeb, inħalluha għal dak il-kardinal.  Anki jekk nista’ ngħid għax issa għandi l-awtorità li ngħidha, imma ħa nħalluha li qalha l-kardinal.  Imma xejn, fir-realtà, xejn sa dak in-nofs in-nhar.  Imbagħad ġrat xi ħaġa, ma nafx.  Waqt il-pranzu rajt xi sinjali strambi.  Staqsewni fuq saħħti, affarijiet hekk…  U meta rġajna dħalna wara nofs in-nhar kollox kien lest.  Żewġ votazzjonijiet u spiċċa kollox.  Anki għalija kienet sorpriża.  Xi ġrali?  Fl-ewwel votazzjoni ta’ wara nofs in-nhar, meta rajt li s-sitwazzjoni issa kienet irriversibbli, kelli ħdejja – u dan irrid nirrakkuntah minħabba fil-ħbiberija li għandna – lill-Kardinal Hummes, li għalija hu bniedem kbir.  Fl-età li għandu hu d-delegat tal-Konferenza Episkopali għall-Amażonja.  Hemm jitla’ fuq id-dgħajsa u jmur iżur il-knejjes.  Hu kien biswiti, u f’nofs l-ewwel votazzjoni ta’ wara nofs in-nhar – għax kien hemm ukoll it-tieni waħda – meta l-biċċa kienet ċara, qorob lejja u qalli: “Tinkwetax, hekk jaħdem l-Ispirtu s-Santu”.  Nissilli tbissima.  Allura, fit-tieni votazzjoni, meta jintlaħqu ż-żewġ terzi, dejjem ikun hemm applaws.  Fil-konklavi kollha jsir l-applaws.  U mbagħad l-iskrutinju.  U hu biesni u qalli: “Tinsihomx lill-foqra”.  Bdejt naħseb u nerġa’ naħseb, u dan li wassalni għall-għażla ta’ l-isem.  Waqt il-votazzjoni, jien kont qed nitlob ir-Rużarju; kont imdorri ngħid tliet Rużarji kuljum.  Kont qed inħoss ħafna paċi fija, ikolli ngħid anki b’mod inkonxju.  L-istess meta ġara li ġara.  Għalija kien sinjal li Alla ried hekk.  Il-paċi sal-lum il-ġurnata ma telqitni qatt.  Hi xi ħaġa li nħoss ġo fija, bħal rigal.  U mbagħad ma nafx x’għamilt.  Waqqfuni.  Staqsewni naċċettax.  Weġibt iva.  Ma nafx jekk talbunix naħlef, ma niftakarx.  Ħassejt paċi kbira.  Bdilt il-libsa.  Ħriġt u ridt qabel xejn insellem lill-Kardinal Dias, li kien jinsab hemm fuq is-siġġu tar-roti, u mbagħad sellimt lill-kardinali l-oħra.  Imbagħad staqsejt lill-Vigarju ta’ Ruma u lill-Kardinal Hummes, bħala ħabib, biex jakkumpanjawni.  Ħaġa li ma kinitx prevista mill-protokoll!

 

Valentina Alazraki: Hemm bdew il-problemi tiegħek mal-protokoll, naħseb.

 

Il-Papa Franġisku: Fejn kont naf jien?  Hekk għamilt…

 

Valentina Alazraki: Dan kien l-ewwel minn ħafna…

 

Il-Papa Franġisku: Morna nitolbu fil-Kappella Pawlina waqt li l-Kardinal Tauran ħabbar l-isem.  Wara ħriġt u ma kont naf x’għandi ngħid.  Tal-bqija hawn xhieda intom.  Fil-fond ta’ qalbi ħassejt li ministru għandu bżonn tal-barka ta’ Alla, imma anki ta’ dik tal-poplu tiegħu.  Ma ssograjtx nitlob lill-poplu jberikni.  Għidt biss: “Nitolobkom titolbu lill-Mulej iberikni”.  Imma kollox ħareġ b’mod hekk spontanju.  Anki l-fatt li tlabt għal Benedittu.  Tkellimt, ma kont ippreparajt xejn, kollox beda ġej waħdu.

 

Valentina Alazraki: U kuntent li int Papa?

 

Il-Papa Franġisku: Ma jiddispjaċinix!

 

Valentina Alazraki: Wieħed kien jimmaġina li ma kontx sa tieħu gost tkun Papa.

 

Il-Papa Franġisku: Le.  Meta l-ħaġa tiġri, imbagħad trid tagħmilha.

 

Valentina Alazraki: X’jogħġbok u x’ma jogħġbokx tant mill-fatt li int Papa?  Jew kollox jogħġbok?

 

Il-Papa Franġisku: Iva, l-unika ħaġa li kieku kont nixtieq nagħmel hi li nkun nista’ noħroġ jum wieħed, mingħajr ma jkun jaf ħadd, u mmur f’pizzerija niekol pizza.

 

Valentina Alazraki: Ħaġa sabiħa kieku.

 

Il-Papa Franġisku: Qed insemmiha bħala eżempju.  Fi Buenos Aires spiss kont indur it-toroq.  Kont inżur il-parroċċi.  Bla dubju, il-fatt li kelli nibdel dak li kont imdorri bih u noqgħod wieqaf hawn… qed jiswieli ftit, imma wieħed jidra.  Wieħed isib mod differenti kif idur fit-toroq: it-telefon…

 

Valentina Alazraki: U l-fatt li l-Vatikan ma tantx jogħġbok m’hux xi sigriet.  Ma tantx kont tieħu gost tiġi hawn.  U issa li ilek hawn ġew sentejn, jogħġbok xi ftit iżjed jew xi ftit inqas?

 

Il-Papa Franġisku: Le.  Mhux biss il-Vatikan.  Dan irrid niċċarah.  Naħseb li l-penitenza kbira tiegħi huma l-vjaġġi.  Ma niħux gost nivvjaġġa.  Inħossni marbut ħafna mal-ħabitat tiegħi, hi bħal nevrożi.  Darba qrajt ktieb sabiħ ħafna li jismu Alégrese de ser neurótico (“Kuntenti li aħna nevrotiċi”).  Kull persuna trid tiskopri n-nevrożi tagħha, teħdilha kuljum il-mediċinatittrattahom tajjeb, biex ma jagħmlulhiex ħsara, le?  Mela, waħda min-nevrożi tiegħi, jew mill-mod kif ngħix, hi dik li nħossni marbut mal-ħabitat tiegħi.  Ma jogħġobni l-ebda vjaġġ.  Kont niġi Ruma u l-ambjent ma jogħġobnix, l-ambjent tas-seksik.  Għalhekk kont niġi u nitlaq lura ma’ l-ewwel ċans.  Benedittu XVI beda l-Pontifikat tiegħu b’Quddiesa fil-għodu, u wara nofs in-nhar jien kont diġà fuq it-titjira lura.  Issa ma jiddispjaċinix.  Hawn nies twajba ħafna hawnhekk.  Il-fatt li qed ngħix hawn jgħinni ħafna.

 

Valentina Alazraki: Jogħġbok li tgħix hawn f’Santa Marta?

 

Il-Papa Franġisku: Iva, sempliċement għax hawn in-nies.  Hemm, waħdi, ma kontx nissaporti.  Mhux għax kien fih il-lussu, kif qalu xi wħud.  L-appartament ma fihx lussu żejjed.  Hu kbir.  Imma dik ta’ waħdi ma kontx nissaportiha.  Li niġi hawn, niekol fir-refettorju, fejn hawn ħafna nies, niċċelebra l-Quddiesa li fiha erba’ darbiet fil-ġimgħa tieħu sehem nies minn barra, mill-parroċċi, jagħmilli ħafna ġid spiritwali.  Nieħu gost ħafna.

 

Valentina Alazraki: Ma tħossokx waħdek?

 

Il-Papa Franġisku: Le, le.  Verament le.

 

Valentina Alazraki: Għandna s-sensazzjoni li int minn naħa donnok mgħaġġel fil-mod kif qed taġixxi u min-naħa l-oħra qisek qed tara l-pontifikat tiegħek ħa jintemm f’qasir żmien.

 

Il-Papa Franġisku: Għandi s-sensazzjoni li l-pontifikat tiegħi sa jkun qasir.  Erba’ snin jew ħamsa.  Ma nafx, jew tnejn jew tlieta.  Ħeqq, sentejn ġa għaddew.  Hi bħal sensazzjoni xi ftit vaga.  Qed ngħidlek, forsi le.  Hi bħall-psikoloġija ta’ min jilgħab u allura jemmen li ħa jitlef kollox biex imbagħad ma jħossux deluż meta tiġri.  U jekk jirbaħ, ikun kuntent.  Ma nafx x’inhi.  Imma għandi s-sensazzjoni li Alla qegħidni hawn għal xi ħaġa qasira, xejn iżjed…  Imma hi sensazzjoni.  Għalhekk inħalli dejjem miftuħa l-possibbiltà.

 

Valentina Alazraki: Int għidt ukoll li ridt timxi fuq l-eżempju tal-Papa Benedittu…

 

Il-Papa Franġisku: Ħeqq, kien hemm xi kardinali qabel il-konklavi, fil-kongregazzjonijiet ġenerali, li tkellmu dwar din il-problema teoloġika, interessanti ferm, tassew għanja.  Jiena nemmen li l-Papa Benedittu fetaħ bieb.  Sebgħin sena ilu ma kinux jeżistu l-isqfijiet emeriti.  Il-lum għandna 1,400 minnhom.  Jiġifieri wasalna għall-idea li bniedem, wara ħamsa u sebgħin sena, ftit jew wisq f’dik l-età, ma jistax jerfa’ l-piż ta’ Knisja partikulari.  Naħseb li Benedittu b’kuraġġ kbir fetaħ il-bieb għall-Papiet emeriti.  M’għandniex inqisu lil Benedittu bħala eċċezzjoni.  Imma bħala istituzzjoni.  Forsi sa jkun l-uniku wieħed għal ħafna żmien, forsi ma jkunx.  Imma, mill-perspettiva istituzzjonali, hu bieb miftuħ.  Il-lum il-Papa emeritu m’hux realtà stramba, imma nfetħet il-possibbiltà li jista’ jeżisti.

 

Valentina Alazraki: Bħal fil-każ ta’ l-isqfijiet, nistgħu nimmaġinaw Papa li jirriżenja ta’ tmenin sena.

 

Il-Papa Franġisku: Ukoll.  Nistgħu, imma jien ma tantx togħġobni li tiffissa età.  Naħseb li l-papat għandu xi ħaġa minn “ta’ l-aħħar”.  Hu grazzja speċjali.  Għal xi teologi l-papat hu sagrament, il-Ġermaniżi huma kreattivi ħafna f’dawn l-affarijiet kollha.  Jien m’iniex ta’ din il-fehma, imma dan ifisser li hemm xi ħaġa speċjali.  Allura li nitkellmu dwar tmenin sena joħloq sensazzjoni ta’ tmiem ta’ pontifikat li ma tagħmilx ġid, xi ħaġa prevedibbli.  M’iniex tal-fehma li niffissaw età, imma jien naqbel ma’ Benedittu.  Iltqajna l-aħħar darba fil-konċistorju.  Kien ferħan, kuntent.  Igawdi r-rispett ta’ kulħadd.  Immur inżuru, xi kultant nitkellmu bit-telefon.  Kif għidt, qisni għandi n-nannu għaref id-dar.  Wieħed jista’ jitlob parir.  Leali sal-mewt.  Ma nafx tiftakrux, meta sellimna lil Benedittu fit-28 ta’ Frar fis-Sala Klementina, hu qal: “Fostkom hemm is-suċċessur tiegħi, inwiegħdu lealtà, fedeltà u ubbidjenza”.  U hekk qed jagħmel.  Hu bniedem ta’ Alla.

 

Valentina Alazraki: Mistoqsija personali ħafna: li tiltaqa’ ma’ Papa ieħor liebes l-abjad għalik kienet ħaġa normali?

 

Il-Papa Franġisku: Le, le.  Kien it-23 ta’ Marzu f’Castel Gandolfo u ħassejtni qisni missieri refagħni u għallimni u poġġieni bil-qiegħda.  Kien sid id-dar fis-sens l-aktar uman tal-kelma.

 

Valentina Alazraki: Dwar il-Kurja, għandna s-sensazzjoni li int, kieku tista’, tixtieq tibdel ħafna iżjed mill-istrutturi: il-mentalità, il-qalb.

 

Il-Papa Franġisku: Propju din hi l-kelma.

 

Valentina Alazraki: U kif tista’ tasal?

 

Il-Papa Franġisku: Kull bidla tibda mill-qalb.  Jiġifieri mill-konverżjoni tal-qalb.  Hekk, ngħidu aħna, l-eżerċizzi spiritwali fil-magħluq li issa ilna nagħmlu iżjed minn sentejn: immorru hemm, in-nies tal-Kurja, il-prefetti u s-segretarji tad-dikasteri, xi tmenin ruħ, u nibqgħu magħluqin hemm nitolbu u nisimgħu l-predikatur.  M’hix konverżjoni tal-qalb din?  Xi ħadd jiqafli fuq dan, imma hi anki konverżjoni ta’ kif ngħixu.  Naħseb din hi l-aħħar qorti li fadal fl-Ewropa.  Il-qrati l-oħra ġew demokratizzati, imqar dawk l-aktar klassiċi.  Hemm xi ħaġa fil-qorti pontifiċja li għadha żżomm ħafna tradizzjoni xi ftit primordjali.  U dan m’iniex ngħidu f’sens dispreġġjattiv, imma għax hi kultura.  Dan irridu nibdlu: inħallu dak li għad fadal minn ta’ qorti u nsiru grupp ta’ ħidma, għas-servizz tal-Knisja, għas-servizz ta’ l-isqfijiet.  Dan bla dubju jimplika konverżjoni personali.  Kien hawn problemi hawn.  Dan int tafu aħjar minni.  Il-pubblikazzjoni ta’ dokumenti misruqa u proċess lill-maġġordom tal-Papa m’humiex affarijiet żgħar.  Qed nitkellmu fuq problemi morali gravi, hemm persuna l-ħabs għal raġunijiet ekonomiċi u min-naħa l-oħra xi “skandlu” żgħir morali.  Dan nafuh, hu ħaġa pubblika.  Hemm bżonn infejqu xi ftit din is-sitwazzjoni.  Hemm bżonn ta’ konverżjoni, ibda mill-Papa ovvjament, li hu l-ewwel wieħed li għandu jikkonverti.  Ninbidlu kontinwament kif Alla qed isejħilna nagħmlu.  Jien dan nipprova nagħmlu, imma mhux dejjem jirnexxieli.

 

Valentina Alazraki: L-aċċentwazzjoni li inti ridt tagħmel fuq is-simboli: fejn toqgħod, kif tilbes, il-karozza.  Din l-aċċentwazzjoni biex qisek ta’ kuljum tfakkar lil kulħadd li hawn tista’ tgħix b’mod differenti.

 

Il-Papa Franġisku: Iva, ngħidu aħna meta nżilt wara l-elezzjoni, kien hemm lift b’ħafna kardinali: “Int trid tmur waħdek minn dak il-lift”.  “Le, jien sa ninżel magħhom”.  U meta nżilt, kien hemm karozza tistennieni, u jien għidt: “Le, irrid immur bil-kowċ magħhom”.  Tiġini hekk, m’iniex nippretedni.  Nipprova nkun kif jogħġob lili, u xi kultant nesaġera b’xi ħaġa li tista’ toffendi lil dak li jkun.  Irrid noqgħod attent, imma hemm simboli, il-mod kif wieħed ikun.  Hemm il-Mercedes, jien ma nistax nirkeb f’Mercedes jew f’Bmw.  Hemm din il-Focus, jew ma nafx x’jgħidulha, din li nuża, hi xi ftit jew wisq karozza għall-użu normali, tal-livell ta’ impjegat ta’ bank, le?  Is-sempliċità: nemmen li f’dan hemm verità.

 

Valentina Alazraki: Id-diskors lill-Kurja qabel il-Milied: hi daqshekk marida l-Kurja?

 

Il-Papa Franġisku: Dan għandu jiġi spjegat.  Tkellimt dwar ħmistax-il marda, imbagħad fl-aħħar konċistorju kien hemm kardinal li żied is-sittax-il waħda li niżlitli tajjeb.  Għoġbitni.

 

Valentina Alazraki: Liema hi?

 

Il-Papa Franġisku: Dik ta’ min m’għandux il-kuraġġ li jikkritika fil-beraħ.  Jekk hemm min ma jaqbilx mal-Papa, għandu jmur jgħidlu.  Tajba, le?  M’għandniex dan il-kuraġġ.  Il-kwadru tad-diskors tiegħi – konna fl-aħħar tas-sena – kien li nagħmel eżami tal-kuxjenza.  U fil-fehma tiegħi t-tentazzjonijiet jew il-mardiet – użajthom bħala sinonimi – l-iżjed tipiċi tal-Kurja huma dawn it-tnejn.  Ħsibt, ngħidu aħna, f’waħda li ħadd ma ta kasha u għalija hi dik prinċipali: li tinsa l-ewwel imħabba.  Jiġifieri meta wieħed jinbidel f’impjegat tajjeb u jinsa li għandu missjoni ta’ identifikazzjoni ma’ Ġesù Kristu, li hu l-ewwel imħabba.  Erġajt dort it-tentazzjonijiet li kelli jien stess, bħala arċisqof, għax dawn jiġru f’ambjenti ekkleżjastiċi, u li rajt f’oħrajn.  U sejjaħtilhom tentazzjonijiet jew mardiet.  Fl-aħħar resaq lejja kardinal ċajtier, ftit iżgħar minni, mhux ħafna, u qalli: “Imma għidli ftit, Santità, x’għandi nagħmel?  Immur inqerr jew l-ispiżerija?”.  Hu eżami tal-kuxjenza u ridt naqsmu ma’ l-oħrajn b’dan il-mod.  Forsi ma ntgħoġobx.  L-istil ma kienx ħafna adattat għal messaġġ ta’ l-aħħar tas-sena, imma, għall-kuntrarju, fl-aħħar tas-sena wieħed għandu jagħmel eżami tal-kuxjenza.  U dan għidtu b’mod ċar darbtejn biex nindmu.  Għax jien irrid li hawn kulħadd jindem u jistqarr ħtijietu.  U dan nagħmluh, le?  Naħseb li f’dan huma fidili.  Imma stqarrijiet veri, konkreti, le?  Nitolbu maħfra lil Ġesù għal dawk l-affarijiet li nagħmlu ħażin jew għax inweġġgħu lil xi ħadd jew inkunu inġusti miegħu.  Kien eżemi tal-kuxjenza u użajthom bħal sinonimi: tentazzjonijiet u mardiet.  Imma dan ma jfissirx li l-Kurja qed taqa’ biċċiet minħabba f’dawn il-kumplikazzjonijiet jew mardiet kollha.

 

Valentina Alazraki: Hemm reżistenza fil-Kurja?

 

Il-Papa Franġisku: Dak li għandu joħroġ irid joħroġ, le?  Dejjem hemm opinjonijiet differenti, huma leġittimi.  Jien irrid li dawn joħorġu u jgħidu: is-sittax-il marda, jiġifieri li jgħiduli f’wiċċi, li jsibu l-kuraġġ li ma jisktux.  U qatt, qatt, qatt – qed ngħidha quddiem Alla – minn meta sirt isqof ma kkastigajt lil xi ħadd għax qalli l-affarijiet f’wiċċi.  Dawn huma l-kollaboraturi li rrid.

 

Valentina Alazraki: U għandek?

 

Il-Papa Franġisku: Hawnhekk hawn, u diġà ltqajt magħhom.

 

Valentina Alazraki: Ftit, ħafna?

 

Il-Papa Franġisku: Biżżejjed.  Ngħidlek li hawn biżżejjed.  Hawn minnhom.  U hemm oħrajn li m’għandhomx il-kuraġġ, li jibżgħu.  Imma wieħed irid jagħti ż-żmien liż-żmien.  Jien nemmen fil-parti t-tajba tan-nies.  Kulħadd għandu iktar tajjeb minn ħażin ġo fih.

 

Valentina Alazraki: Int il-ħin kollu titkellem fuq l-alla flus u jgħidu li l-Papa Franġisku hu xellugi, imma int iċċarajt li qed timxi wara l-Vanġelu: il-foqra biss huma tajba u l-għonja ħżiena?

 

Il-Papa Franġisku: Jien ġej minn familja li wara l-kriżi ta’ l-1932 reġgħet qamet fuq saqajha u sabet postha fil-klassi tan-nofs.  Allura m’għandi l-ebda rabja għal ħadd.  Jien l-1932 ma għextux, imma hemm ħafna ħwejjeġ x’tispjega.  Qabel xejn li rridu nidraw ma nużawx interpretazzjonijiet li m’għadhomx moda.  Il-lum xellug u lemin huma simplifikazzjoni li ma tagħmilx sens.  Nofs seklu ilu kienet tagħmel sens, il-lum le.  Marxista, xi jfisser Marxista l-lum?  Il-Marxiżmu għandu varjetà hekk għanja ta’ espressjonijiet…  Il-problema ta’ l-interpretazzjoni ta’ persunaġġ pubbliku għalija hi importanti ħafna.  Jeħtieġ dejjem ninterpretaw fatt storiku, kbir jew żgħir, bl-ermenewtika tal-mument, imkella naqgħu f’simplifikazzjonijiet jew fi żbalji.  Kont naf nies għonja u hawn qed immexxi l-kawża ta’ beatifikazzjoni ta’ imprenditur Arġentin sinjur, Enrique Shaw, li kien għani imma kien qaddis.  Mela persuna jista’ jkollha ħafna flus, Alla jagħtihomlha biex tħaddimhom tajjeb.  U dan ir-raġel ħaddimhom tajjeb, mhux b’paternaliżmu imma billi għen lil dawk kollha li ġew bżonn l-għajnuna tiegħu.  Dak li jien dejjem nattakka hu ċ-ċertezza li wieħed ifittex fl-għana: tpoġġix iċ-ċertezza tiegħek hemm.  Fil-Vanġelu Ġesù hu radikali dwar dan: il-parabbola ta’ min kellu ħażniet tal-qamħ, ħaseb biex jibni oħrajn, u l-għada miet.  Hu ċar ħafna.  Tqegħidx it-tama tiegħek hemm.  L-inġustizzja ta’ l-għana.  Ngħidu aħna, meta wieħed ma jħallasx il-paga li tixraq lil dak li jkun, dan hu dnub mejjet.  Ifisser li tkun tapprofitta mill-faqar ta’ persuna oħra.  Jew meta tħallas b’mod irregolari lill-fattiga, għax fl-aħħar mill-aħħar serva kull ma hi.  Għaliex?  Mhux għax is-sid hu għani, imma minħabba f’din l-imġiba.  Il-flus dejjem jittraduk.  Ix-xitan jidħol fil-kartiera, dejjem.  Sant’Injazju kien jgħid li kien hemm tliet tarġiet.  L-ewwel l-għana: ix-xitan ipoġġilek il-flus fil-kartiera.  It-tieni l-vanità, u t-tielet il-kburija u s-suppervja.  U minn hemm id-dnubiet l-oħra kollha.  Meta tasal għal dak il-livell tal-kburija, tkun kapaċi tagħmel kull ħaġa oħra.  Dan rajnieh fid-dittaturi, fit-tiranni, dawk li jużaw lill-oħrajn, jisfruttawhom.  Il-lum it-traffikar tal-persuni hu organizzat minn nies li għandha ħafna flus: dawn huma li jien nattakka.  Il-flus li jjassru u ma jħallux lil min jikber, jew iservu biex wieħed jeħxien, kif jgħid il-Vanġelu tal-bieraħ (ara Lq 16:19-31).  Il-flus ta’ min jgħix b’għajnejh magħluqa għall-faqar.  Ħaġa li kienet tiskandalizzani, fi Buenos Aires, hi z-zona l-ġdida ta’ Puerto Madero: sabiħa, bl-imrieħel maġenb ix-xmara, binjiet enormi, sitta u tletin ristorant għoljin li ma ngħidlekx, għax iġagħluk tħallas… u mbagħad il-villa miseria.  U dan hu t-tberbiq ħali tal-flus.  Dan mill-perspettiva soċjali u l-kundanna tiegħi, mill-perspettiva soċjali, hi għal din ir-realtà.  Imma dak li jiddiżgustani l-iżjed hu l-paga inġusta, għax wieħed jistagħna minn fuq dahar id-dinjità li hu jċaħħad lill-persuna l-oħra.  Il-paga hi li tagħti dinjità lix-xogħol u int tuża x-xogħol u tagħmlu ħaġa li ma tixraqx għax ma tħallasx dak li hu xieraq, jew ma tħallasx il-pensjoni.  U bil-kuxjenza mistrieħa jiena ngħid li hu dnub li ma tħallasx il-paga ġusta, ma tħallasx il-pensjoni, ma tħallasx is-sahra.  Hu dnub!  Jagħmlu sinjur, jagħmlu xi ħadd mill-klassi tan-nofs, u jagħmlu fqir, hu dnub.  Dan irridu ngħiduh.  Ix-xitan, kif għidtlek, jidħol f’ħajjitna, jindiehes f’ħajjitna, u jqegħdilna l-flus fil-kartiera.  Dan ma ngħidux jien biss.  Jien qed intennih, imma Missirijiet il-Knisja l-flus kienu jsejħulhom il-ħmieġ tax-xitan.  Għaliex?  Għax kienu jaraw fihom vizzju li jħammeġ, li jieħdok fit-triq il-ħażina.  Hu l-ewwel pass, kif kien jgħid Sant’Injazju, lejn l-arroganza, lejn il-vanità u l-kburija.  Tajjeb, din hi bħal viżjoni soċjoloġika.  Imma wieħed Komunista hekk jaħsibha?  Le.  Ngħaddi għat-tieni punt.  Il-foqra huma fil-qalba tal-Vanġelu.  Meta deher Ġesù, għamel tiegħu kliem Isaija: Bagħatni nħabbar il-Bxara t-tajba lill-foqra.  Il-foqra għandhom għana li persuni b’ħafna ċertezzi m’għandhomx.  U jien ngħodd ruħi fost l-“għonja” għax ma jonqosni xejn.  U rrid noqgħod attent biex ma napprofittax minn dawn biex ma nidnibx.  Għana li m’għandniex.  Il-persuna fqira u onesta għandha ċertu għerf: id-dinjità tax-xogħol, l-għożża ta’ l-ulied, l-għożża tal-mara jew ir-raġel, creía kif ngħidu fl-Arġentina, xi ħaġa sabiħa ħafna, sabiħa ħafna.  Bħal dinjità.  U Pawlu VI, fl-Evangeli nuntiandima niftakarx jekk hux f’numru 46 jew 48, jgħid li l-foqra iżjed kapaċi jifhmu ċerti virtujiet Insara.  Huma iżjed imħejjija għal dan.  Huma ħafna iżjed imħejjija.  U l-faqar hu fiċ-ċentru tal-Vanġelu.  Il-bandiera tal-faqar hi evanġelika.  Serquha l-Marxisti għax aħna ma konniex qed nużawha.  Konna qed inżommuha fil-mużew.  Ġew huma, serquha u użawha.  Imma nerġgħu lura lejn tmiem is-seklu dsatax bil-kriżi Taljana.  Fit-tramuntana ta’ l-Italja kien hemm kotra ta’ qaddisin li ħadmu mal-foqra, ibda minn Don Bosco.  Jew li fittxew modi ta’ promozzjoni soċjali, li hu t-tielet punt.  M’hix kwistjoni ta’ flus biss.  Hi l-promozzjoni.  Minn hawn toħroġ l-importanza ta’ l-edukazzjoni.  U ta’ l-opportunitajiet ta’ xogħol.  Li għal xi wħud din tista’ tidher ħaġa esaġerata jiddipendi forsi mid-dnubiet tiegħi, mill-fatt li jien nuża kliem qawwi u m’iniex twajjeb u ragħaj biżżejjed biex nilħaq il-qalb ta’ dawn in-nies.  Imma huma wlied Alla.  Sempliċement għandi ngħidilhom jikkonvertu, imma dan nitlobhulhom b’qalb ta’ missier u mhux biex nitfa’ l-ħtija fuqhom.  Veru.

 

Valentina Alazraki: Dwar is-Sinodu nħolqu bosta aspettattivi fost il-koppji li qed ibatu, fost id-divorzjati li reġgħu żżewġu, fost l-omosesswali.  Taħseb li huma wisq għoljin?

 

Il-Papa Franġisku: Naħseb li hemm aspettattivi żbilanċjati.  Is-Sinodu fuq il-Familja ma ridtux jien.  Riedu l-Mulej.  U kien ħaġa tiegħu.  Meta Monsinjur Eterović, li kien is-segretarju, ġabli quddiemi l-iżjed tliet temi vvotati, qalli li fost dawn l-iktar ivvotat kien il-kontribut ta’ Ġesù Kristu lill-bniedem tal-lum.  Tajjeb, nagħmluh.  Dan kien it-titlu tas-Sinodu.  Komplejna nitkellmu fuq l-organizzazzjoni u jien għidtlu: “Ejja nagħmlu biċċa xogħol, inpoġġu l-kontribut ta’ Ġesù Kristu lill-bniedem u lill-familji tal-lum”.  U hekk bqajna, bil-familja xi ftit fit-tieni post.  Meta morna għall-ewwel laqgħa tal-Kunsill Postsinodali, bdejna nitkellmu fuq dan it-titlu u wara fuq il-kontribut ta’ Ġesù Kristu lill-familja, u l-bniedem tal-lum baqa’ xi ftit barra.  U fl-aħħar intqal: “Le, għaliex dan is-Sinodu ma nagħmluhx fuq il-familja…”, u kienet l-istess dinamika li bidlet it-titlu.  Jien kont il-ħin kollu ħalqi magħluq.  Fl-aħħar intbaħt li kien il-Mulej li ried dan.  U riedu bil-qawwa.  Għax il-familja tinsab fi kriżi.  Forsi mhux il-kriżijiet iżjed tradizzjonali, ta’ l-infedeltà jew, kif jissejjaħ fil-Messiku, id-“dar iż-żgħira” u d-“dar il-kbira”.  Le, le.  Imma kriżi iktar profonda.  Jidher li ż-żgħażagħ ma jridux jiżżewġu, jew jikkoabitaw.  Ma jagħmlux dan bi protesta, imma għax il-lum hekk saru.  Wara, sa fl-aħħar, xi wħud jiżżewġu wkoll fil-Knisja.  Irrid ngħid li għandna kriżi familjari ġewwa l-istess familja.  U minn din il-perspettiva nemmen li l-Mulej irid li aħna naffrontaw dan: it-tħejjija għaż-żwieġ, l-akkumpanjament ta’ dawk li jikkoabitaw, l-akkumpanjament ta’ dawk li jiżżewġu u qed imexxu sew il-familja tagħhom, l-akkumpanjament ta’ dawk li ma kellhomx suċċess fil-familja u qegħdin f’rabta ġdida, it-tħejjija għas-sagrament taż-żwieġ, għax mhux kulħadd hu ppreparat sew.  U kemm żwiġijiet li huma biss fatti soċjali huma nulli!  Minħabba n-nuqqas ta’ fidi.

 

Valentina Alazraki: Diġà Benedittu kien għafas fuq in-nuqqas ta’ fidi u ta’ għarfien ta’ dak li wieħed ikun jagħmel bħala problemi gravi.

 

Il-Papa Franġisku: Il-familja tinsab fi kriżi.  Kif nistgħu nintegraw fil-ħajja tal-Knisja lill-familji replay?  Jiġifieri dawk li jinsabu fit-tieni rabta li kultant jirriżulta li jkollhom suċċess fenomenali… waqt li l-ewwel waħda kienet falliment.  Kif nerġgħu nintegrawhom?  Ħa jmorru l-knisja.  Allura jippruvaw jissimplifikaw kollox u jgħidu: “Aħ, ħa jagħtu t-tqarbin lid-divorzjati”.  Hekk ma tkun solvejt xejn.  Dak li l-Knisja trid hu li int tintegra ruħek fil-ħajja tal-Knisja.  Imma hemm xi wħud li jgħidulek: “Le, jien irrid nitqarben u daqshekk”.  Kukkarda, onorifiċenza.  Le.  Trid terġa’ tintegra ruħek.  Hemm seba’ affarijiet li, skond id-Dritt attwali, il-persuni fit-tieni rabta ma jistgħux jagħmlu.  Ma niftakarhomx kollha, imma waħda hi li ma jistgħux jagħmluha ta’ parrini fil-Magħmudija.  Għaliex?  U x’xhieda jista’ jagħti lill-filjozz?  Dik li jgħidlu: “Ħares, għażiż tiegħi, f’ħajti għamilt dan l-iżball.  Issa qiegħed f’din is-sitwazzjoni.  Jien Kattoliku.  Il-prinċipji huma dawn.  Jien se nagħmel dan u nakkumpanjak”.  Xhieda ta’ veru.  Imma jekk jiġi Mafjuż, delinkwent, wieħed li qatel ma nafx kemm nies, imma hu miżżewweġ bil-Knisja, dan jista’ jagħmel ta’ parrinu.  Huma kontradizzjonijiet.  Hemm bżonn nintegrawhom.  Jekk jemmnu, anki jekk qed jgħixu f’sitwazzjoni msejħa irregolari u jagħrfu li hi hekk u jaċċetawha u jafu dak li taħseb il-Knisja dwar din il-kundizzjoni, dan m’hux impediment.  Meta nitkellmu dwar integrazzjoni, nifhmu dan kollu.  U wara li nkunu akkumpanjajna l-proċessi interjuri.  Int staqsejtni dwar il-libertà.  Sinodu mingħajr libertà m’hux Sinodu.  Hi konferenza.  Imma Sinodu hu spazju protett li fih l-Ispirtu s-Santu jista’ jaħdem.  U għalhekk il-persuni jridu jkunu liberi.  Għalhekk jien kontra li jiġi mxandar dak li wieħed jgħid bl-isem u bil-kunjom.  Le, m’għandniex inkunu nafu min qalu.  M’għandix problema li nkunu nafu dak li ntqal, imma mhux min qalu, hekk li jista’ jħossu liberu li jgħid dak li jrid.  Barra dan, għandna problema serja ħafna li hi dik tal-kolonizzazzjoni ideoloġika dwar il-familja.  Għalhekk fil-Filippini tkellimt fuq dan, għax hi problema serja ħafna.  L-Afrikani jgergru ħafna fuq hekk.  U anki fl-Amerika Latina.  U lili ġratli darba.  Kont xhud ta’ każ ta’ dan it-tip ma’ ministru ta’ l-edukazzjoni dwar it-tagħlim tat-teorija tal-“gender” li hi ħaġa li qed tfarrak lill-familja.  Din il-kolonizzazzjoni ideoloġika teqred il-familja.  Għalhekk nemmen li mis-Sinodu se joħorġu ħwejjeġ ċari ħafna, minnufih, li jgħinu f’din il-kriżi familjari li hi globali.

 

Valentina Alazraki: Tema oħra importanti ta’ dawn is-snin kienet dik ta’ l-abbużi kontra l-minuri.  Fil-Messiku għamel ħoss kbir il-każ ta’ Marcial Macielà.

 

Il-Papa Franġisku: Qatt ma kelli kuntatti mal-Leġjunarji ta’ Kristu għax ma kellniex minnhom Buenos Aires.  L-ewwel parroċċa ngħatatilhom mill-predeċessur tiegħi, il-parroċċa ta’ Santa Maria di Betania, meta ħallewha r-reliġjużi tal-kongregazzjoni tal-Qlub Imqaddsa (Picpus).  Kienu tlieta.  Tliet reliġjużi fi Buenos Aires li qatt ma sirt naf.  Smajt min jitkellem fuqhom.  Meta sar mhux il-kors, għax ma kienx hemm kors għall-isqfijiet il-ġodda, imma l-laqgħa tal-moviment lajkali, ospitawni huma, jiġifieri l-kors sar f’binja tagħhom.  F’università.  Dan hu l-kuntatt l-ieħor li kelli.  Għalhekk ma kontx nafhom.  Meta sirt naf bl-iskandlu kbir verament tnikkitt ħafna u bqajt skandalizzat.  Kif setgħet dik il-persuna tasal sa hemm?  Mid-dehra kienet persuna marida ħafna, għax barra dawk l-abbużi kollha naħseb li kien hemm żewġ nisa jew tlieta, bl-ulied ma’ waħda jew l-oħra – ma nafx – u anki ħafna flus.  Hawn il-korruzzjoni tibda mill-flus.  Imma nemmen li kien marid, marid kbir.  Hawn, meta rrealizzaw x’ġara, ħadu passi qawwija.  Dak iż-żmien kien il-Kardinal Ratzinger li mexxa l-każ.  U kompla, kompla, kompla.  U l-Papa San Ġwanni Pawlu II awtorizzah biex ikompli, hu awtorizzah.  U meta ġie elett Papa, aġixxa għax il-proċess kien mexa ġmielu.  Irrid niċċara sew li dak li dak iż-żmien kien il-Kardinal Ratzinger u San Ġwanni Pawlu II taw kas u qalu: Immexxu.  Wieħed bl-indaġni.  U l-ieħor bl-awtorizzazzjoni.  It-tieni: Kien hemm min prova jgħatti?  Nistħajlu li iva.  Anki jekk fid-Drittu teżisti l-preżunzjoni ta’ l-innoċenza.  Kienet tkun stramba kieku ma kienx hemm xi padrinito, nofsu mqarraq li ssuspetta u ma kienx jaf.  Dan ma indagajtux.  Abbużi: hu ċar li wara l-ewwel interventi ta’ xejn tolleranza, komplew f’dik id-direzzjoni.  Din il-kummissjoni m’hix għall-abbużi, imma għall-ħarsien tal-minuri.  Jiġifieri biex tippreveni.  Il-problema ta’ l-abbużi fuq il-minuri hi problema gravi, il-parti l-kbira ta’ l-abbużi jseħħu fil-kuntest tal-familja u qrib tagħha.  Ma rridx nitkellem fuq numri biex ma niħux xi żball.  Saċerdot wieħed li jabbuża minn minuri hu biżżejjed biex iċaqlaq l-istruttura kollha tal-Knisja ħalli taffronta l-problema.  Għaliex?  Għax is-saċerdot għandu l-obbligu li jgħin lil dan it-tifel jew din it-tifla jikbru fil-qdusija, fil-laqgħa tagħhom ma’ Ġesù.  U dan hu li jeqred il-laqgħa ma’ Ġesù.  Jeħtieġ nisimgħuhom lill-vittmi ta’ l-abbuż.  Jien smajthom hawn.  Qattajt nofs ta’ nhar sħiħ ma’ sitta minnhom: żewġ Ġermaniżi, żewġ Irlandiżi u żewġ Ingliżi.  Tbatija kbira, imkissra minn ġewwa.  Dawk li jabbużaw huma kannibali, qishom qed jieklu t-tfal, jeqirduhom.  Għalhekk anki l-każ ta’ qassis wieħed hu biżżejjed biex iġagħilna nistħu u biex nagħmlu dak li għandu jsir.  F’dan jeħtieġ nibqgħu mexjin u ma nagħmlux imqar pass lura.  Teqred persuna hi ħaġa orribbli u f’dan nirringrazzja ħafna lill-Papa Benedittu li kellu l-kuraġġ li jgħidha fil-pubbliku u lil Ġwanni Pawlu II li kellu l-kuraġġ jiftaħ il-proċess fil-każ tal-Leġjunarji.

 

Valentina Alazraki: Kif tixtieq tibqa’ mfakkar għal dawn is-sentejn ta’ pontifikat, għall-influwenza li ħallejt fuq il-Knisja jew għal-lingwaġġ tiegħek hekk spontanju u ftit konvenzjonali?

 

Il-Papa Franġisku: Nibqa’ nagħmel l-istess.  U nitkellem kif nitkellem jien, bħal kappillan, għax hekk nieħu gost nitkellem.  Dejjem hekk tkellimt, dejjem.  Ma nafx jekk hux difett, imma nemmen li n-nies tifhimni.  Ngħidlek grazzi għall-ħlewwa tiegħek u permezz tiegħek ngħid grazzi lill-poplu Messikan li tassew ngħożż.

 

Valentina Alazraki: Nixtieq li inti tbierek lill-Messiku.

 

Il-Papa Franġisku: Iva, hekk nagħmel.

 

Valentina Alazraki: Qatt ġejt il-Messiku?

 

Il-Papa Franġisku: Ġejt darbtejn il-Messiku.  Fl-1970 żort is-santwarju l-qadim, meta ġejt inżur id-dar ta’ formazzjoni wara li kont ġejt maħtur mastru tan-novizzi.  It-tieni darba meta Ġwanni Pawlu II ħareġ l-Ecclesia in America.  U hemm rajt is-santwarju l-ġdid.  Imma ċ-ċinema Messikan fl-Arġentina konna narawh ħafna, niftakar il-Cantinflas  Il-mużika togħġobni ħafna.  Għalhekk ninsab kuntent ħafna li nista’ nbierek lil kulħadd u nitlobkom titolbu għalija.  Imma qabel nagħtikom il-barka tiegħi, nitolbu lill-Omm tagħna li hi dik li tagħtina l-qawwa li nbierku.  U ngħidu Ave Marija.  Sidtna Marija ta’ Guadalupe, Omm il-Messiku u Omm l-Amerika, itlob għalina.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard