Il-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika dwar is-Sogħba ...

1451 Is-sogħba hi l-ewwel att li jrid jagħmel il-penitent. Hi “n-niket tar-ruħ u l-istmerrija tad-dnub flimkien mal-fehma li ma jidnibx qatt u qatt iżjed”.

1452 Meta din is-sogħba tkun imqanqla mill-imħabba għal Alla, maħbub fuq kollox u qabel kollox, tkun sogħba “perfetta” (sogħba ta’ mħabba). Din is-sogħba taħfer id-dnubiet venjali u taqla’ wkoll il-maħfra tad-dnubiet mejta, jekk tkun imsieħba ma’ fehma soda li, malli jista’ jkun, wieħed ifittex li jqerr.

Maħfra mingħajr saċerdot?

Il-Papa jfakkarna kif nirċevuha

 

Persuni fit-tarf ta’ ħajjithom mingħajr kappillani, familji magħluqa d-dar u ma jistgħux isibu qassis minħabba l-emerġenza tal-Covid-19: fl-omelija ta’ Santa Marta, Franġisku jikkwota l-Katekiżmu u jsemmi l-“indiema” li taħfer id-dnubiet sakemm wieħed imur iqerr.

 

Is-salus animarum, is-salvazzjoni tal-erwieħ, hija l-ogħla liġi tal-Knisja, il-kriterju fundamentali ta’ interpretazzjoni li jiddetermina x’inhu ġust u mhux. Huwa għalhekk li l-Knisja tfittex dejjem, b’kull mod, li toffri l-possibbiltà biex jirrikonċiljaw ruħhom ma’ Alla lil dawk kollha li jixtiequ dan, li qed ifittxu, huma xewqana jew li jintebħu bil-qagħda tagħhom u jħossu l-ħtieġa li jiġu milqugħa, maħbuba, maħfura. F’dawn iż-żminijiet ta’ emerġenza minħabba l-pandemija, mal-persuni morda serjament jew iżolati fis-swali ta’ terapija intensiva, kif ukoll għall-familji li jiġu mitluba jibqgħu d-dar biex jevitaw it-tixrid tal-mard, tajjeb li nfakkru lil kulħadd l-għana tat-Tradizzjoni. Hekk għamel Franġisku fl-omelija tal-Quddiesa f’Santa Marta, nhar il-Ġimgħa 20 ta’ Marzu.

 

Il-Papa jitlob għat-tobba u għall-ħaddiema fil-qasam tas-saħħa li qed jagħtu ħajjithom

“Jiena naf li ħafna minnkom, għall-Għid”, qal il-Papa, “tmorru tqerru biex tirrikonċiljaw ruħkom ma’ Alla. Imma ħafna bħalissa qed jgħiduli: ‘Imma jien fejn nista’ nsib saċerdot, konfessur, la ma nistgħux noħorġu mid-dar? U jien nixtieq nagħmel paċi mal-Mulej, jiena rrid li hu jħaddanni, li nirċievi t-tgħanniqa ta’ missieri… Kif nista’ nagħmlu dan jekk m’iniex insib saċerdoti?’. Inti agħmel dak li jgħid il-Katekiżmu”.

 

“Hu ċar ħafna: jekk int ma ssibx qassis biex tqerr”, fisser il-Papa, “tkellem ma’ Alla, huwa Missierek, u għidlu l-verità: ‘Mulej, għamilt dil-ħaġa, din, u din… Aħfirli”, u itolbu maħfra b’qalbek kollha, bl-Att tal-Indiema u agħmel proponiment: “Wara ser inqerr, imma int aħfirli issa”. U minnufih, terġa’ lura fil-grazzja ta’ Alla. Int stess tista’ tersaq lejh, kif jgħallimna l-Katekiżmu, lejn il-maħfra ta’ Alla mingħajr ma jkollok saċerdot fil-qrib. Aħsbu ftit intom: issa hu l-waqt! Issa hu l-waqt it-tajjeb, iż-żmien opportun. Att tal-Indiema tajjeb, u hekk ir-ruħ tagħna ssir bajda bħas-silġ”.

 

Il-Papa Franġisku qed jirreferi għan-numri 1451 u 1452 tal-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika, maħruġ minn San Ġwanni Pawlu II u miġbur taħt il-gwida tal-Prefett tal-Kongregazzjoni għad-Duttrina tal-Fidi, dak iż-żmien Joseph Ratzinger. Dwar l-“indiema”, il-Katekiżmu jikkwota l-Konċilju ta’ Trento u jgħallem li “s-sogħba hi l-ewwel att li jrid jagħmel il-penitent. Hi ‘n-niket tar-ruħ u l-istmerrija tad-dnub flimkien mal-fehma li ma jidnibx qatt u qatt iżjed’”.

 

“Meta din is-sogħba tkun imqanqla mill-imħabba għal Alla, maħbub fuq kollox u qabel kollox”, jissokta l-Katekiżmu, “tkun sogħba ‘perfetta’ (sogħba ta’ mħabba). Din is-sogħba taħfer id-dnubiet venjali u taqla’ wkoll il-maħfra tad-dnubiet mejta, jekk tkun imsieħba ma’ fehma soda li, malli jista’ jkun, wieħed ifittex li jqerr”. Għalhekk, fl-istennija li, malli ċ-ċirkustanzi jippermettu, inkunu nistgħu nirċievu l-assoluzzjoni mingħand saċerdot, huwa possibbli li b’dan l-att niġu maħfura minnufih. Dan ukoll kien diġà affermat mill-Konċilju ta’ Trento, fil-kapitlu 4 tad-Doctrina de sacramento Paenitentiæ, li jistqarr li l-indiema msieħba mill-proponiment li wieħed imur iqerr “tħabbeb mill-ġdid lill-bniedem ma’ Alla, diġà qabel wieħed jirċievi realment dan is-sagrament”.

 

Din hi triq għall-ħniena ta’ Alla li hi miftuħa għal kulħadd, li tagħmel parti mit-tradizzjoni tal-Knisja u li tista’ tkun utli għal kulħadd u b’mod speċjali għal dawk li bħalissa jinsabu qrib tal-morda fid-djar u fl-isptarijiet.

 

Ara wkoll ...

Digriet tal-Penitenzerija Appostolika dwar l-għoti ta’ Indulġenzi speċjali lill-fidili fil-qagħda attwali ta’ pandemija, 20/03/2020.

Nota tal-Penitenzerija Appostolika dwar is-Sagrament tar-Rikonċiljazzjoni fil-qagħda attwali ta’ pandemija. 20/03/2020.